Ħarsa ġenerali
L-Erasmus+ jappoġġja attivitajiet ta' taħriġ barra l-pajjiż għal professjonisti involuti fl-edukazzjoni skolastika preprimarja, primarja u sekondarja.
Dawn l-opportunitajiet jistgħu jikkonsistu f’korsijiet u taħriġ, u perjodi ta’ job shadowing.
Dawn isiru fi skejjel jew organizzazzjonijiet bħal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, korpi pubbliċi, istituti ta’ riċerka u ċentri ta’ taħriġ.
Dawn l-opportunitajiet huma disponibbli bejn organizzazzjonijiet ibbażati fil-Pajjiżi tal-programm tal-Erasmus+.
Kif tapplika
Ma tistax tapplika għal għotja bħala individwu. L-iskola tiegħek trid tapplika, imbagħad huma jagħżlu l-kandidati għal perjodi ta’ taħriġ barra mill-pajjiż mill-istaff tagħhom. L-iskejjel jistgħu wkoll jospitaw għalliema li jkunu qegħdin jitħarrġu li jkunu jixtiequ jwettqu traineeship barra l-pajjiż.
L-għażla tal-istaff biex jitħarreġ barra l-pajjiż għandha tkun ġusta, inklużiva, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.
L-għażla tal-istaff biex jgħallem barra l-pajjiż għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.
Tul ta’ żmien
Perjodu ta’ taħriġ irid idum mhux inqas minn jumejn u ma jistax idum aktar minn xahar (għal korsijiet u taħriġ) u xahrejn (għal job shadowing). Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Kundizzjonijiet
Biex inti tipparteċipa fit-taħriġ barra l-pajjiż mal-Erasmus+, l-iskola tiegħek trid tapplika biex tikseb akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika jew biex tipparteċipa fi proġett ta’ mobbiltà fuq perjodu ta’ żmien qasir.
Fiż-żewġ każijiet, l-organizzazzjonijiet għandhom jaderixxu ma’ sett ta’ standards ta’ kwalità għal proġetti ta’ mobbiltà dwar prattiki ta’ ġestjoni tajba, jipprovdu kwalità u appoġġ lill-parteċipanti, u jikkondividu r-riżultati u l-għarfien dwar il-programm.
Qabel tibda l-perjodu ta’ taħriġ tiegħek, int, flimkien mal-istituzzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni riċeventi tiffirmaw Ftehim dwar il-Mobbiltà.
Appoġġ finanzjarju
L-għotjiet tal-UE jitħallsu lill-organizzazzjoni li tikkoordina (l-iskola tiegħek jew koordinatur tal-konsorzju). Dawn huma mfassla biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza tiegħek matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż, kif ukoll joffru appoġġ organizattiv lill-organizzazzjonijiet parteċipanti.
Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jipprovdi mezzi ta’ appoġġ għall-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Skopri aktar
- staqsi lill-iskola tiegħek biex issir taf jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli għalik.
- ikkonsulta l-Gwida tal-Programm Erasmus+ għad-dettalji dwar il-kriterji tal-għoti u tal-eliġibbiltà u r-regoli dwar il-finanzjament.
- żur il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, il-punt ta’ laqgħa għall-istaff tal-iskola, ir-riċerkaturi u dawk li jfasslu l-politika, u d-dar tal-eTwinning