X'inhu l-għan?
L-Alleanzi tal-Għarfien huma proġetti transnazzjonali li jġibu flimkien l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u n-negozji biex jaħdmu fuq kwistjonijiet komuni.
L-għan ġenerali hu li jgħinu biex isaħħu l-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni u l-appoġġ tal-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa.
L-Alleanzi tal-Għarfien jiffukaw fuq wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
- jiżviluppaw approċċi ġodda, innovattivi u multidixxiplinari għat-tagħlim,
- jistimulaw l-intraprenditorija u l-ħiliet intraprenditorjali tal-edukazzjoni għolja u tal-persunal ta' kumpanija,
- jiskambjaw l-għarfien u jaħdmu flimkien lejn soluzzjonijiet ġodda.
X'inhi l-opportunità?
L-Alleanzi tal-Għarfien joffru l-opportunità lill-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw proġett li jikkontribwixxi għal wieħed mill-oqsma ta' fokus hawn fuq. Huma miftuħa għal kwalunkwe dixxiplina u settur, kif ukoll għall-kooperazzjoni transsettorjali.
L-imsieħba ta' Alleanza tal-Għarfien jiskambjaw għanijiet komuni u jaħdmu flimkien lejn riżultati li huma ta' benefiċċju reċiproku.
Eżempji ta' oqsma li jistgħu jiġu appoġġjati jinkludu:
- l-għoti ta' spinta lill-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja u n-negozji,
- l-iżvilupp tal-intraprenditorija u l-ħiliet,
- l-istimular tal-fluss u l-iskambju tal-għarfien bejn l-edukazzjoni għolja u n-negozji.
Kif taħdem?
L-organizzazzjonijiet li huma interessati li jipparteċipaw iridu jagħmlu dan bħala parti minn konsorzju, inklużi:
- minimu ta' sitt organizzazzjonijiet indipendenti minn tal-inqas tliet Pajjiżi tal-Programm
- li minnhom tal-inqas tnejn iridu jkunu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs), u
- li minnhom tal-inqas tnejn iridu jkunu impriżi/negozji (konsulenzi u intermedjarji huma eleġibbli bil-fehim li jistgħu juru esperjenza u impenn pertinenti fil-qasam rilevanti).
Organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab jistgħu jipparteċipaw, iżda jrid jintwera l-valur miżjud tagħhom fil-konsorzju.
Konsorzju jrid ikun immexxi minn applikant, li hu l-organizzazzjoni li tissottometti l-proposta f'isem is-sħab, u li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-proġetti. Is-sħab tal-proġett jistgħu jkunu jew:
- Sħab Sħaħ, li jipparteċipaw attivament fil-proġett taħt l-awtorità tal-applikant, jew
- Sħab Assoċjati, li jikkontribwixxu għal kompiti jew attivitajiet speċifiċi.
Ir-rwol ta' Sħab Assoċjati jrid ikun definit b'mod ċar fl-istadju ta' applikazzjoni u ma jistgħux jirċievu fondi. Iż-żewġ tipi ta' sħab jistgħu jiġu jew minn Pajjiż tal-Programm jew minn Pajjiż Sieħeb.
X'jeħtieġlek tkun taf aktar?
Il-proġetti jdumu minn sentejn sa tlieta għalkemm, f'każijiet eċċezzjonali, it-tul jista' jiġi estiż b'sa sitt xhur fuq talba.
Il-finanzjament massimu għal proġett ta' sentejn hu ta' €700,000, u l-finanzjament massimu ta' proġett ta' tliet snin hu €1,000,000.
L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiżi tal-Programm li qed jipparteċipaw f'applikazzjoni jrid jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida. L-ECHE mhijiex meħtieġa għall-HEIs minn Pajjiżi Sħab.
L-assigurazzjoni tal-kwalità trid tkun komponent speċifiku tal-proġett, biex tiżgura t-twassil tar-riżultati mistennija u impatt lil jmur lil hinn mill-organizzazzjonijiet sħab.
L-Alleanzi tal-Għarfien għandhom jipproduċu pubblikazzjonijiet, bħal rapporti, linji gwida, u manwali u, fejn possibbli, jagħmluhom disponibbli bħala Riżorsi Edukattivi Miftuħa. Għandhom jagħmlu użu minn inizjattivi eżistenti, bħall-Edukazzjoni Miftuħa Europa, u għandu jkollhom għodod diġitali fil-metodi ta' ħidma tagħhom.
L-Alleanzi tal-Għarfien għandhom ibassru l-parteċipazzjoni fil-ġabriet tematiċi u inizjattivi oħra biex jippromwovu l-qsim tal-aqwa prattiki. Għandhom ukoll jaħsbu għal biżżejjed flus biex ikopru l-ispejjeż tal-preżentazzjoni tal-proġett tagħhom u tar-riżultati fil-Forum tal-Universitajiet u n-Negozji.
Kif tapplika?
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fis-sejħiet annwali għall-proposti ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.
Kun af aktar
Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar l-Alleanzi tal-Għarfien, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.
Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.