Profil tal-applikant
- Jistgħu japplikaw studenti fil-livell ta’ Masters minn kwalunkwe pajjiż fid-dinja.
- Trid tkun ksibt l-ewwel lawrja ta’ edukazzjoni għolja jew turi livell ekwivalenti rikonoxxut ta’ tagħlim skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali fil-pajjiżi li joħorġu l-lawrji. Tista’ tapplika wkoll jekk tkun fl-aħħar sena tal-ewwel lawrja tiegħek u tiggradwa qabel ma jibda l-programm tal-Masters.
- Il-programmi tal-masters konġunti tal-Erasmus Mundus jipprovdu 60, 90 jew 120 kreditu tal-ECTS. Dan ifisser li jdumu mhux anqas minn 12-il xahar iżda mhux iktar minn 24 xahar. Il-maġġoranza huma programmi ta’ 24 xahar.
- L-istudju tiegħek irid jinkludi mill-inqas 2 perjodi ta’ studju f’2 pajjiżi (differenti mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek). Il-programmi joffru linji ta’ studju differenti li jilħqu din il-kundizzjoni.
- It-tlestija b’suċċess tal-programm ta’ studju twassal għall-għoti jew ta’ lawrja konġunta (jiġifieri ċertifikat wieħed ta’ lawrja li joħroġ f’isem ta’ mill-anqas żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-konsorzju tal-EMJMD) jew lawrji multipli (jiġifieri tal-inqas żewġ ċertifikati tal-lawrja li joħorġu minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-konsorzju).
Dwar il-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus
Il-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus huma programmi ta’ studju integrati ta’ livell għoli fil-livell ta’ masters. Il-programmi huma mfassla u mwassla minn sħubija internazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti madwar id-dinja.
L-Erasmus+ jiffinanzja boroż ta’ studju għall-istudenti biex jieħdu sehem f’dawn il-programmi. Il-programmi ta’ masters infushom joffru dawn il-boroż ta’ studju lill-istudenti applikanti bl-ogħla klassifikazzjoni mid-dinja kollha, f’rounds ta’ applikazzjonijiet annwali.
Il-boroż ta’ studju tal-UE jkopru l-ispiża tal-parteċipazzjoni tal-istudent fil-programm, l-ivvjaġġar, u allowance tal-għajxien.
Attivitajiet u eżiti
Applikazzjonijiet u aktar informazzjoni
L-ewwel għandek tikkonsulta l-Katalgu online tal-programmi tal-masters tal-Erasmus Mundus. Is-sit web ta’ kull programm fih l-informazzjoni kollha li għandek bżonn dwar il-kontenut, ir-rekwiżiti tad-dħul u l-universitajiet biex tiddeċiedi jekk dan huwiex il-programm it-tajjeb għalik.
Is-sit web tal-programm se jieħdok ukoll tul il-passi kollha tal-proċess ta’ applikazzjoni online.
Kull sajf, mal-lista jiżdied ammont ġdid ta’ Masters tal-Erasmus Mundus magħżula. Il-maġġoranza tal-konsorzji jeħtieġu li jintbagħtu l-applikazzjonijiet bejn Ottubru u Jannar, għal korsijiet li jibdew is-sena akkademika ta’ wara.
Ara li tkun taf id-drittijiet tiegħek meta tistudja f’pajjiż barrani.
L-EMA (Assoċjazzjoni tal-Erasmus Mundus) hija l-assoċjazzjoni tal-alumni speċifika għal-lawrji tal-masters konġunti. Is-sit web tagħhom joffri pariri u ispirazzjoni għall-applikanti.
L-ESAA - l-Alleanza tal-Istudenti u l-Alumni tal-Erasmus+ toffri lill-istudenti u l-alumni tal-Erasmus+ forum dinamiku għan-networking, l-iżvilupp professjonali u l-iskambju interkulturali.
Il-kandidati għad-dottorat jistgħu jirċievu wkoll appoġġ mill-UE għal perjodi ta' riċerka barra l-pajjiż permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.