Ħarsa ġenerali
Erasmus+ jappoġġja l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ permezz ta' perjodi ta' taħriġ u netwerking barra l-pajjiż.
Il-perjodi barra l-pajjiż jistgħu jikkonsistu f'korsijiet ta' taħriġ, żjarat ta' studju, monitoraġġ tal-impjieg jew perjodi ta' osservazzjoni f'organizzazzjonijiet rilevanti u aktar.
Tul ta' żmien
Il-mobilità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ trid iddum bejn jumejn u xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Kundizzjonijiet
Biex tmur barra l-pajjiż ma' Erasmus+ bħala persuna li taħdem maż-żgħażagħ, l-organizzazzjoni tiegħek trid tkun parti minn proġett ta' mobilità għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ma' istituzzjoni jew organizzazzjoni oħra.
Appoġġ finanzjarju
L-għotja tal-UE tappoġġja l-ivvjaġġar kif ukoll spejjeż prattiċi u relatati mal-attività.
Kif tapplika
Int ma tistax tapplika għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru mill-organizzazzjonijiet li min-naħa tagħhom jagħżlu l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-proġett.
Kun af aktar
Staqsi fl-organizzazzjoni tal-ħidma maż-żgħażagħ tiegħek biex issir taf jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli għalik.
Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet:
- ikkonsulta l-Parti B għall-kriterji tal-għoti, il-kriterji ta' eliġibbiltà, u r-regoli ta' finanzjament.
L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet, u tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' EuropeDirect.