Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Appoġġ Lingwistiku Online

L-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) hu mfassal biex jgħin lill-parteċipanti tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà itejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwa li biha se jaħdmu, jistudjaw jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jieħdu l-massimu minn din l-esperjenza.

Minħabba li n-nuqqas ta' kapaċitajiet lingwistiċi jibqa' wieħed mill-aktar ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni għal opportunitajiet Ewropej fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, l-OLS jagħmel l-appoġġ lingwistiku aċċessibbli b'mod flessibbli u faċli. Hu jikkontribwixxi wkoll għall-għan speċifiku tal-programm Erasmus+, li hu li jiġi promoss it-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika.

Min jista’ jibbenefika?

L-OLS bħalissa hu disponibbli għall-parteċipanti mill-oqsma tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li ġejjin

  • l-edukazzjoni għolja
  • il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
  • l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET)
  • it-tagħlim għall-adulti (inkluż staff mill-oqsma kollha tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u ż-Żgħażagħ)
  • l-iskejjel
  • iż-żgħażagħ

Lingwi disponibbli

L-OLS se jkun disponibbli għal-lingwi tal-Unjoni Ewropea kollha: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Estonjan, l-Ispanjol, il-Finlandiż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Kroat, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Litwan, il-Latvjan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven u l-Iżvediż.

Barra minn hekk, l-OLS se jkun disponibbli wkoll għal-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi tal-programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà: l-Iżlandiż, il-Maċedonjan, in-Norveġiż, is-Serb u t-Tork.

Kif jaħdem

Billi jagħmlu l-valutazzjoni tal-lingwa tal-OLS meta jmorru barra minn pajjiżhom, il-parteċipanti tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkunu jistgħu jiddeterminaw il-profiċjenza tagħhom fil-lingwa li se jużaw biex jistudjaw, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat u jiksbu aċċess għal perkors personalizzat tat-tagħlim tal-lingwi.

Din il-valutazzjoni fil-lingwa tal-mobbiltà qabel it-tluq hi prerekwiżit għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja li jmorru fuq mobbiltà għal 14-il jum jew aktar, biex jiġi żgurat li jilħqu l-livell rakkomandat fl-organizzazzjoni li tilqa’ (ħlief għal kelliema nattivi jew f’każijiet debitament ġustifikati). Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni tal-lingwa ma jżommux lill-parteċipanti milli jieħdu sehem fl-Erasmus+ u l-programmi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Il-parteċipanti li jixtiequ jtejbu l-profiċjenza lingwistika tagħhom għandhom l-opportunità li jsegwu korsijiet tal-lingwa online qabel u matul iż-żmien tagħhom barra minn pajjiżhom. L-aċċess għall-kors tal-lingwa jinkludi varjetà kbira ta’ attivitajiet interattivi u mfasslin apposta. Il-parteċipanti jistgħu jsegwu korsijiet tal-lingwa fi kwalunkwe lingwa disponibbli fuq l-OLS mingħajr limitazzjoni għan-numru ta’ lingwi u unitajiet ta’ studju.

F’ċerti każijiet fejn il-lingwa ewlenija mhix koperta mill-OLS, l-appoġġ lingwistiku jingħata b’mezzi oħrajn mill-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat jew dik li tilqa'. Malli jirritornaw, il-parteċipanti jistgħu jagħmlu valutazzjoni finali, li tippermettilhom ikejlu l-progress li jkun sar matul is-soġġorn tagħhom barra mill-pajjiż.

Kif tista’ tipparteċipa

Jekk diġà ntgħażilt biex tmur barra mill-pajjiż bil-programmi Erasmus+ jew bil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni tiegħek tibgħatlek login u password biex taċċessa l-OLS.

Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkuntattja l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni tiegħek, jew l-Aġenzija Nazzjonali.