Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni addizzjonali u ad hoc lill-istqarrija ta’ privatezza dwar il-Mobility Tool+ dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek matul il-perjodu tal-CoViD-19
- Introduzzjoni
- Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
- Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek
- Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar?
- Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
- Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
- Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
- X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
- Informazzjoni ta’ kuntatt
- Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?
1. Introduzzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa iktar id-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).
Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Din tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar “parteċipanti ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà affettwati mis-sitwazzjoni tal-coronavirus” immexxija mid-DĠ EAC.B.4 hi ppreżentata hawn taħt.
2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
Il-fini tal-operazzjoni tal-ipproċessar:
Id-DĠ EAC juża l-informazzjoni personali tiegħek mill-Mobility Tool + biex jidentifika lill-parteċipanti ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li bħalissa jinsabu f’mobbiltà barra minn pajjiżhom u biex jipprovdi din l-informazzjoni lill-Aġenziji Nazzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jattivaw il-mezzi meħtieġa għall-komunikazzjoni u l-appoġġ. Dan jista’ jinvolvi l-għoti ta’ dettalji ta’ kuntatt lill-awtoritajiet nazzjonali u lil korpi governattivi oħra.
Id-data personali tiegħek mhix se tintuża għat-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta’ profili.
3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek
Dan l-ipproċessar addizzjonali tad-data personali tiegħek, miġbura taħt ir-Rekord tal-Protezzjoni tad-Data dwar il-“Mobility Tool +” huwa bbażat fuq l-Artikolu 5.1(e) peress li hu “meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data (int) jew ta' persuna fiżika oħra”.
Id-data pproċessata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istipulazzjonijiet dwar ir-Restrizzjonijiet (art. 25) u l-Konsultazzjoni minn qabel (art. 40) inkorporati fir-Regolament 2018/1725.
4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar?
Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, id-DĠ EAC jiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:
Data ta’ persuna li tipparteċipa f’mobbiltà jew fi proġett tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà:
- ID tal-Mobbiltà
- Isem tal-parteċipant
- Kunjom tal-parteċipant
- Indirizz tal-email tal-parteċipant
- Indirizz ġuridiku
- Indirizz tal-email tal-persuna ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni li tibgħat
- Numru tat-telefown tal-persuna ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni li tibgħat
L-għoti tad-data personali huwa obbligatorju biex jiġu kkuntattjati l-parteċipanti u jingħataw appoġġ.
5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
Id-DĠ EAC iżomm id-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. Id-data se titħassar sentejn wara li d-dettalji tal-parteċipanti jsiru disponibbli lill-Aġenziji Nazzjonali.
6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
Id-data kollha f’format elettroniku tinħażen fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.
Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta’ data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-għanijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.
Id-data tista’ tiġi ddawnlowdjata wkoll f’fajls Excel li għandhom jiġu pprovduti lir-riċevituri tad-data.
7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta' tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.
Barra l-organizzazzjoni tal-UE, l-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lil:
- Staff ta’ Aġenziji Nazzjonali
- Staff ta’ Awtoritajiet Nazzjonali u korpi nazzjonali oħra responsabbli għall-immaniġġjar tat-tifqigħa tas-COVID-19
Id-data personali tal-parteċipanti tal-mobbiltà minn kwalunkwe pajjiż tista’ tiġi kondiviża mal-aġenzija nazzjonali u l-awtorità nazzjonali tal-pajjiż ospitanti (riċeventi). Id-data personali tal-parteċipanti tal-mobbiltà li qed iwettqu perjodu ta’ mobbiltà organizzat minn aġenzija nazzjonali għajr dik tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom se tiġi kondiviża mal-aġenzija nazzjonali u l-awtorità nazzjonali tagħhom, jekk il-parteċipant: imur lejn pajjiżu jew jiltaq minnu għall-perjodu ta’ mobbiltà.
Il-kontrollur tad-data jittrasferixxi d-data personali tiegħek lir-riċevituri f’pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Id-data hi ttrasferita lill-Aġenziji Nazzjonali stabbiliti f’kull Stat Membru tal-UE u lill-Aġenziji Nazzjonali stabbiliti fil-pajjiżi parteċipanti l-oħrajn f’Erasmus+ u fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (il-pajjiżi tal-EFTA li jagħmlu parti mill-Ftehim taż-ŻEE; il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali jibbenefikaw mill-istrateġija tal-perjodu ta' qabel l-adeżjoni; il-Konfederazzjoni Żvizzera il-pajjiżi koperti mill-politika Ewropea tal-viċinat li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 24 "Parteċipazzjoni tal-pajjiż" tar-Regolament (UE) 1288/2013 u fl-Artikolu 11 "Il-pajjiżi parteċipanti" tar-Regolament (UE) 2018/1475.
Dan it-trasferiment tad-data personali tiegħek jista’ jiġi bbażat fuq:
- deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni għal pajjiż speċifiku (Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2018/1725)
- salvagwardji adatti (Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2018/1725)
- derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi (Artikolu 50.1 tar-Regolament (UE) 2018/1725)
L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza, ħlief sal-limitu u għall-fini li nistgħu nkunu meħtieġa nagħmlu dan bil-liġi.
8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa jew tikkoreġi d-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek.
Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek u fil-każ li l-oġġezzjoni tirnexxi tista’ tħassar id-data personali tiegħek.
Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni Ewropea. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.
Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza(i) tar-rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.
9. Informazzjoni ta’ kuntatt
Il-Kontrollur tad-Data
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, ikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data fuq:
Minn barra dawn ta’ hawn fuq tista’ tikkuntattja:
- Il-Kontrollur tad-Data: EAC-NA-COORDINATION@ec.europa.eu
- Il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data ta’ DĠ EAC eac-data-protection@ec.europa.eu
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni
Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) fil-każ ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)
Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.https://edps.europa.eu/node/75_en
10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.
Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-Rekord li ġejja: DPR-EC-01229.1.