X'inhu l-għan?
Il-proġetti tal-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja huma proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali, ibbażati fuq sħubijiet multilaterali, primarjament bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab eleġibbli.
L-għan ta' dawn il-proġetti hu li jappoġġjaw Pajjiżi Sħab eleġibbli biex:
- jimmodernizzaw, isiru internazzjonali u jżidu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja
- jindirizzaw l-isfidi li jaffaċċjaw l-istituzzjonijiet u s-sistemi ta' edukazzjoni għolja
- iżidu l-kooperazzjoni mal-UE
- jikkonverġu b'mod volontarju mal-iżvilupp tal-UE fl-edukazzjoni għolja, u
- jippromwovu l-kuntatti bejn il-persuni, is-sensibilizzazzjoni interkulturali, u l-fehim.
Dan isir fil-kuntest ta' żewġ dokumenti ta' politika ewlenin u l-politika definita mill-erba' strumenti ta' finanzjament kumplementari;
- Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għal Bidla,
- Edukazzjoni Għolja Ewropea fid-Dinja
- L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat
- L-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
- L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, u
- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
X'inhi l-opportunità?
Erasmus+ jipprovdi l-opportunità lill-organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Sħab eleġibbli, li x’aktarx ikunu istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs), biex jippromwovu l-kooperazzjoni permezz ta' azzjonijiet li:
- itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni għolja u l-allinjament tagħha mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol,
- itejbu l-livell tal-ħilijiet fl- HEIs permezz ta’ programmi edukattivi ġodda,
- isaħħu l-kapaċità tal-immaniġġjar, il-governanza, u l-innovazzjoni, kif ukoll l-internazzjonalizzazzjoni,
- jibnu l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali li jimmodernizzaw is-sistemi ta' edukazzjoni għolja proprji tagħhom, u
- irawmu l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti fid-dinja.
Il-proġetti tal-bini tal-kapaċità tipikament jiffukaw fuq waħda minn tliet attivitajiet prinċipali:
- l-attivitajiet ta' żvilupp tal-kurrikulu
- il-modernizzazzjoni tal-governanza u l-immaniġġjar tal- HEIs u tas-sistemi
- it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-sistemi tal-edukazzjoni għolja u l-ambjent ekonomiku u soċjali usa’.
L-organizzazzjonijiet jistgħu jagħżlu minn żewġ tipi ta' proġetti:
- Proġetti konġunti, li għandhom l-għan li jappoġġjaw organizzazzjonijiet minn pajjiżi sħab (jiġifieri permezz tal-iżvilupp tal-kurrikulu, il-modernizzazzjoni tal-immaniġġjar, eċċ.), u
- Proġetti strutturali, li għandhom l-għan li jsaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni għolja u jippromwovu riformi fuq livell nazzjonali u/jew reġjonali.
Kif jaħdem?
L-organizzazzjonijiet bil-ħsieb li japplikaw iridu jagħmlu dan bħala parti minn konsorzju. Għal proġetti li jindirizzaw Pajjiż Sieħeb wieħed, fil-prinċipju konsorzju jrid jinkludi żewġ Pajjiżi tal-Programm, kif ukoll:
- tal-anqas HEI waħda minn kull Pajjiż tal-Programm li qed jieħu sehem
- tal-anqas tliet HEIs mill-Pajjiż Sieħeb
- tal-anqas l-istess ammont ta' HEIs mill-Pajjiż Sieħeb daqs kemm hemm HEIs mill-Pajjiżi tal-Programm
Għal proġetti li jindirizzaw aktar minn Pajjiż Sieħeb wieħed, iridu jkunu involuti tal-anqas żewġ Pajjiżi Sħab eleġibbli u tal-anqas żewġ Pajjiżi tal-Programm. Fil-prinċipju, konsorzju jrid jinkludi:
- tal-anqas HEI waħda minn kull Pajjiż tal-Programm li qed jieħu sehem
- tal-anqas żewġ HEIs minn kull Pajjiż sieħeb li qed jieħu sehem
- tal-anqas l-istess ammont ta' HEIs mill-Pajjiż Sieħeb daqs kemm hemm HEIs mill-Pajjiżi tal-Programm
Il-Pajjiżi Sħab eleġibbli huma dawk fir-Reġjuni 1-4 u 6-11. Il-Proġetti li jinvolvu r-Reġjun 8 (l-Amerika Latina) iridu jinvolvu tal-anqas żewġ Pajjiżi Sħab mir-Reġjun u l-proġetti li jinvolvu l-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) iridu jinvolvu tal-anqas Pajjiż Sieħeb ieħor minn reġjun differenti. Il-Proġetti Strutturali kollha jridu jinkludu l-Ministeru responsabbli għall-edukazzjoni fil-Pajjiż Sieħeb.
Konsorzju jrid ikun immexxi minn applikant, organizzazzjoni li tissottometti l-proposta f'isem is-sħab u li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ġenerali tal-proġetti. L-applikant irid ikun:
- istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja (idealment minn pajjiż sieħeb)
- assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, jew
- fil-każ tal-Proġetti Strutturali, organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali tar-retturi, tal-għalliema jew tal-istudenti li tkun legalment rikonoxxuta.
Organizzazzjonijiet mil-Libja, is-Sirja u l-Federazzjoni Russa ma jistgħux jaġixxu bħala applikanti.
Is-sħab tal-proġett jistgħu jkunu jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jew kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jipparteċipaw bħala:
- Sħab Sħaħ, li jipparteċipaw attivament fil-proġett taħt l-awtorità tal-applikant, u
- Sħab Assoċjati, li jikkontribwixxu għal kompiti jew attivitajiet speċifiċi.
Is-Sħab Assoċjati ma jitqisux parti mill-konsorzju u, għalhekk, ma jistgħux jibbenefikaw minn xi appoġġ finanzjarju mill-proġett.
X'jeħtieġlek tkun taf aktar?
Il-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità tipikament jiffukaw fuq tliet attivitajiet prinċipali:
- l-attivitajiet ta' żvilupp tal-kurrikulu
- il-modernizzazzjoni tal-governanza u l-immaniġġjar tal-Istituzzjonijiet u s-sistemi ta' Edukazzjoni Għolja
- it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-ambjent tal-Edukazzjoni Għolja u l-ambjent ekonomiku u soċjali usa’.
Il-proġetti tipikament idumu sentejn jew tlieta u l-għotja tvarja bejn EUR 500,000 u EUR 1 miljun. Din tista' tintuża biex tkopri l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, it-tagħmir u l-attivitajiet ta' sottokuntrattar.
Istituzzjonijiet ta’ Edukazzjoni Għolja stabbiliti f’Pajjiżi tal-Programm irid jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja valida.
Kif tapplika?
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi online taħt waħda mis-sejħiet annwali għall-proposti ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.
Kun af aktar
Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hi s-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-bini tal-kapaċità, għalkemm hi disponibbli aktar informazzjoni dwar il-proċess ta' applikazzjoni mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.
Għal aktar informazzjoni tista' tikkuntattja lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura.
Jekk int minn pajjiż fir-reġjuni 1, 2, 3, 4 u 7 - jew int interessat li tikkoopera ma' istituzzjonijiet minn dawn il-pajjiżi, tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Erasmus+ f'dak il-pajjiż sieħeb.
Jekk int minn Pajjiż tal-Programm tista' tikkuntattja wkoll lill-Punt ta' Kuntatt Internazzjonali ta' Erasmus+ fl-Aġenzija Nazzjonali tiegħek.