Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Mobbiltà tal-istudenti

Ħarsa ġenerali

Mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti tista’ tiġi organizzata kemm fi grupp kif ukoll individwalment.

Grupp ta’ studenti mill-iskola li tibgħat jistgħu jqattgħu żmien jitgħallmu flimkien ma’ sħabhom f’pajjiż ieħor. L-għalliema jew persuni awtorizzati oħrajn mill-iskola li tibgħat iridu jakkumpanjaw lill-istudenti għat-tul kollu tal-attività.

Mobbiltà individwali tal-istudenti tista’ tkun fuq perjodu ta’ żmien qasir jew twil. Matul attività bħal din l-istudenti jistgħu jqattgħu perjodu barra minn pajjiżhom biex jistudjaw fi skola sieħba jew jagħmlu traineeship f’organizzazzjoni rilevanti oħra barra minn pajjiżhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ tagħlim individwali għal kull parteċipant.

Tul ta’ żmien

Mobbiltà ta’ grupp ta’ studenti tista’ ddum minn jumejn sa tletin jum, b’tal-inqas żewġ studenti f’kull grupp. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Mobbiltà għat-tagħlim individwali tal-istudenti fuq perjodu ta’ żmien qasir tista’ ddum minn għaxart ijiem sa disgħa u għoxrin jum. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Mobbiltà għat-tagħlim individwali tal-istudenti fuq perjodu ta’ żmien twil tista’ ddum minn xahar sa sena. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.

Kundizzjonijiet

Biex inti tipparteċipa fil-mobbiltà tal-istudenti f’pajjiż barrani mal-Erasmus+, l-iskola tiegħek trid tapplika biex tikseb akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika jew biex tipparteċipa fi proġett ta’ mobbiltà fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Fiż-żewġ każijiet, l-organizzazzjonijiet għandhom jaderixxu ma’ sett ta’ standards ta’ kwalità għal proġetti ta’ mobbiltà dwar prattiki ta’ ġestjoni tajba, jipprovdu kwalità u appoġġ lill-parteċipanti, u jikkondividu r-riżultati u l-għarfien dwar il-programm.

Fil-każ ta’ mobbiltà individwali tal-istudenti, inti, flimkien mal-istituzzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni li se tospitak, tiffirmaw Ftehim ta’ Tagħlim. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet tat-tagħlim, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif se jiġi rikonoxxut b’mod formali l-perjodu ta’ studju barra minn pajjiżek.

Appoġġ finanzjarju

L-għotja tal-UE tappoġġja l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza tiegħek, u hija ġestita mill-iskola tiegħek. Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jipprovdi mezzi biex tiġi appoġġjata l-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Kif tapplika

Biex tipparteċipa f’mobbiltà tal-istudenti, ma tistax tapplika direttament għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru mill-iskejjel, li min-naħa tagħhom jagħżlu l-kandidati għall-perjodi ta’ studju barra l-pajjiż.

L-għażla tal-istudenti għal attivitajiet ta’ mobbiltà għandha tkun ġusta, inklużiva, trasparenti u dokumentata sew.

Skopri aktar

Jekk ikollok bżonn aktar informazzjoni dwar il-possibbiltajiet biex tipparteċipa f’mobbiltà bħala student, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk.

Erasmus+, what's in it for me?

Get a summary brochure of Erasmus+ for schools, available for download in all languages from the EU Publications Office.