Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Proġett ta' mobilità għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja

Din l-azzjoni ta’ mobbiltà tal-edukazzjoni għolja tappoġġa l-mobbiltà fiżika u mħallta tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fi kwalunkwe qasam u ċiklu ta’ studju (livelli ta’ ċiklu qasir, baċellerat, master u dottorat). L-istudenti jistgħu jew jistudjaw barra minn pajjiżhom f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja sieħba jew iwettqu traineeship f’intrapriża, f’istitut ta’ riċerka, f’laboratorju, f’organizzazzjoni jew fi kwalunkwe post tax-xogħol ieħor rilevanti barra minn pajjiżhom. L-istudenti jistgħu jikkombinaw ukoll perjodu ta’ studju barra minn pajjiżhom bi traineeship, u b’hekk ikomplu jtejbu l-eżiti tal-apprendiment u l-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali. Filwaqt li l-mobbiltà fiżika fit-tul hija mħeġġa ħafna, din l-azzjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi offruta durata ta’ mobbiltà fiżika aktar flessibbli biex jiġi żgurat li l-Programm ikun aċċessibbli għal studenti minn kull sfond, ċirkostanzi u oqsma ta’ studju.

Din l-azzjoni tappoġġa wkoll it-tagħlim tal-edukazzjoni għolja u l-persunal amministrattiv biex jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ żvilupp professjonali barra mill-pajjiż kif ukoll il-persunal mid-dinja tax-xogħol biex jgħallem u jħarreġ lil studenti jew persunal f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dawn l-attivitajiet jistgħu jikkonsistu f’perjodi ta’ tagħlim kif ukoll ta’ taħriġ (bħal job shadowing, perjodi ta’ osservazzjoni, korsijiet ta’ taħriġ).

Barra minn hekk, din l-azzjoni tappoġġa programmi intensivi mħallta, li jippermettu lil gruppi ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw b’mod konġunt kurrikuli u attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta għall-istudenti kif ukoll għall-persunal akkademiku u amministrattiv.

Objettivi tal-azzjoni

L-objettiv ta’ din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni b’sensibilizzazzjoni globali u li ssaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u r-riċerka.

Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali fl-Ewropa u lil hinn minnha billi tippermetti lill-istudenti mill-oqsma kollha tal-istudju u fiċ-ċikli kollha tal-istudju jkollhom l-opportunità li jistudjaw jew jitħarrġu barra mill-pajjiż bħala parti mill-istudji tagħhom. L-objettivi tal-azzjoni huma li:

  • tesponi lill-istudenti għal fehmiet, għarfien, metodi ta’ tagħlim u riċerka differenti kif ukoll prattiki tax-xogħol fil-qasam tal-istudju tagħhom fil-kuntest Ewropew u internazzjonali;
  • tiżviluppa l-ħiliet trasversali tagħhom bħall-ħiliet ta’ komunikazzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħiliet interkulturali u l-ħiliet ta’ riċerka;
  • tiżviluppa l-ħiliet tagħhom li jħarsu ’l quddiem, bħall-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, li jippermettulhom jindirizzaw l-isfidi tal-lum u ta’ għada;
  • tiffaċilita l-iżvilupp personali bħall-kapaċità li wieħed jadatta għal sitwazzjonijiet ġodda u li wieħed ikollu fiduċja fih innifsu.

L-objettiv huwa wkoll li kwalunkwe membru tal-persunal, inkluż persunal minn intrapriżi, ikun jista’ jgħallem jew jitħarreġ barra mill-pajjiż bħala parti mill-iżvilupp professjonali tagħhom sabiex:

  • jaqsmu l-għarfien espert tagħhom;
  • jesperjenzaw ambjenti ġodda ta’ tagħlim;
  • jiksbu ħiliet ġodda pedagoġiċi u fit-tfassil tal-kurrikulu kif ukoll ħiliet diġitali;
  • jingħaqdu ma’ sħabhom barra mill-pajjiż biex jiżviluppaw attivitajiet komuni biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm;
  • jiskambjaw prattiki tajba u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;
  • jippreparaw aħjar lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.

Barra minn hekk, l-objettiv huwa li jitrawwem l-iżvilupp ta’ kurrikuli tranżnazzjonali u transdixxiplinarji kif ukoll modi innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim, inklużi kollaborazzjoni online, apprendiment ibbażat fuq ir-riċerka u approċċi bbażati fuq l-isfidi bl-objettiv li jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà.

Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-edukazzjoni għolja tal-ERASMUS+?

Akkreditazzjoni ta’ organizzazzjoni individwali - il-karta Erasmus għall-edukazzjoni għolja

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) iridu jkunu ngħataw il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE)1  qabel ma japplikaw għal proġett ta’ mobbiltà mal-Aġenzija Nazzjonali tagħhom tal-Erasmus+. Meta jiffirmaw il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jimpenjaw ruħhom li jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ lill-parteċipanti mobbli, inkluż it-tħejjija lingwistika. Biex dawn jiġu megħjuna, l-appoġġ lingwistiku online jiġi implimentat għall-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà. Dan isir disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea għall-parteċipanti eliġibbli sabiex itejbu l-kompetenzi tagħhom fil-lingwi barranin qabel u/jew matul il-mobbiltà.

Fost prinċipji oħra tal-ECHE, il-HEI parteċipanti trid twettaq mobbiltà għall-fini tal-istudju u t-tagħlim biss fil-qafas ta’ ftehimiet preċedenti bejn l-istituzzjonijiet u tagħżel parteċipanti prospettivi u tagħti għotjiet għall-mobbiltà b’mod ġust, trasparenti, koerenti u ddokumentat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ għotja tagħha mal-Aġenzija Nazzjonali. Għandha tiżgura tali proċeduri ġusti u trasparenti matul l-istadji kollha tal-mobbiltà u fil-proċess ta’ rispons għal mistoqsijiet/ilmenti mill-parteċipanti. Din trid tiżgura li ma tintalab l-ebda tariffa fil-każ ta’ mobbiltà tal-kreditu, lil studenti mobbli li jkunu deħlin għal tagħlim, reġistrazzjoni, eżamijiet jew aċċess għall-faċilitajiet tal-laboratorju u tal-librerija. Wara l-mobbiltà, l-istituzzjoni għandha tiżgura wkoll li hija tirrikonoxxi b’mod awtomatiku u bis-sħiħ l-eżiti mill-perjodu ta’ apprendiment barra mill-pajjiż.

L-ECHE hija kkomplementata mil-linji gwida tal-ECHE2 , dokument li jappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ECHE. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jirrispettaw kif xieraq l-ECHE u l-linji gwida ta’ appoġġ tagħha filwaqt li jimplimentaw l-azzjonijiet kollha li jeħtieġu din l-akkreditazzjoni. Għal dan l-iskop, hija disponibbli Awtovalutazzjoni tal-ECHE3  biex tappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jivvalutaw il-prestazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ECHE u liema oqsma jistgħu jissaħħu, kif ukoll toffri suġġerimenti dwar kif jistgħu jagħmlu aktar titjib.

Għalkemm l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mhumiex eliġibbli li jiffirmaw l-ECHE, dawn iridu jirrispettaw il-prinċipji tal-ECHE. Għalhekk, l-aspetti bħal għażla ġusta u trasparenti tal-parteċipanti, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment u l-appoġġ kollu meħtieġ offrut lill-parteċipanti mobbli jridu jsiru espliċiti fil-ftehim interistituzzjonali għal mobbiltà internazzjonali.

Akkreditazzjoni ta’ grupp - akkreditazzjoni tal-ERASMUS għall-konsorzji tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja

Minbarra l-HEIs individwali, il-gruppi ta’ HEIs jistgħu japplikaw għall-finanzjament ta’ proġett ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. Grupp bħal dan jissejjaħ konsorzju tal-mobbiltà.

Organizzazzjoni minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, li tapplika f’isem konsorzju tal-mobbiltà għal għotja tal-Erasmus+, irid ikollha akkreditazzjoni tal-Erasmus valida għal konsorzji tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. Din l-akkreditazzjoni tingħata mill-istess Aġenzija Nazzjonali li tivvaluta t-talba għal finanzjament għal proġett ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. It-talbiet għal akkreditazzjoni u għal għotjiet għall-proġetti ta’ mobbiltà jistgħu jsiru matul l-istess sejħa. Madankollu, l-għotja għall-proġetti ta’ mobbiltà tingħata biss lil dawk il-gruppi ta’ HEIs u organizzazzjonijiet li jkollhom suċċess fi tmiem il-proċess ta’ akkreditazzjoni. Sabiex tinkiseb l-akkreditazzjoni ta’ konsorzju, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Konsorzju tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja jista’ jkun magħmul mill-organizzazzjonijiet parteċipanti li ġejjin:

  • istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li għandhom Karta Erasmus valida għall-Edukazzjoni għolja;
  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

Kull organizzazzjoni parteċipanti trid tkun stabbilita fl-istess Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Ma jistgħux jiġu stabbiliti konsorzji ta’ mobbiltà f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm.

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli tista’ tagħmilha ta’ koordinatur u tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet kollha involuti fil-konsorzju.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Konsorzju tal-mobbiltà jrid jinkludi minimu ta’ tliet organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli, inklużi żewġ HEIs li jibagħtu.

L-organizzazzjonijiet membri kollha tal-konsorzju tal-mobbiltà jridu jiġu identifikati meta japplikaw għal akkreditazzjoni ta’ konsorzju.

Durata tal-akkreditazzjoni tal-konsorzju

Il-perjodu kollu tal-programm.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tagħhom sat-23 ta’ frar f’12:00:00 (f’nofsinhar, ħin ta’ brussell) għal proġetti li jibdew fl-1 ta’ ġunju tal-istess sena jew tas-snin ta’ wara.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji għall-Għoti

L-applikazzjoni għal akkreditazzjoni hija vvalutata skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-konsorzju - (Punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proposta:
    • għall-objettivi tal-azzjoni;
    • għall-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-konsorzju u tal-parteċipanti individwali.
  • Kemm il-proposta hi adattata għal dan li ġej:
    • għall-produzzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja  għall-parteċipanti;
    • għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ambitu internazzjonali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-konsorzju;
    • għall-kisba ta’ valur miżjud fil-livell tal-UE permezz ta’ riżultati li ma jkunux jistgħu jinkisbu b’attivitajiet imwettqa minn kull HEI individwali.

Kwalità tal-kompożizzjoni tal-konsorzju u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni - (Punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Il-punt sa fejn:
    • il-konsorzju jinvolvi kompożizzjoni xierqa ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibagħtu, fejn rilevanti, ma’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplementari minn setturi soċjoekonomiċi oħra bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
    • il-koordinatur tal-konsorzju għandu esperjenza preċedenti fil-ġestjoni ta’ konsorzju jew tip ta’ proġett simili;
    • id-distribuzzjoni tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti/riżorsi hi ddefinita sew u turi l-impenn u l-kontribut attiv tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
    • il-kompiti/ir-riżorsi jinġabru flimkien u jiġu kondiviżi;
    • ir-responsabbiltajiet huma ċari għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni kuntrattwali u finanzjarja;;
    • il-konsorzju jinvolvi organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza għall-azzjoni.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-attività tal-konsorzju - (Punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha ta’ proġett ta’ mobbiltà (it-tħejjija, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, u s-segwitu);
  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-modalitajiet ta’ ġestjoni uta’ appoġġ (eż. is-sejba ta’ organizzazzjonijiet li jilqgħu, it-tlaqqigħ, l-informazzjoni, l-appoġġ interkulturali u lingwistiku, il-monitoraġġ);
  • Il-kwalità tal-kooperazzjoni, tal-koordinazzjoni u tal-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;
  • Fejn rilevanti, il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll l-użu konsistenti tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent;
  • Jekk applikabbli, l-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobbiltà u għall-promozzjoni tal-persuni b’inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ mobbiltà.

Impatt u tixrid - (Punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-attivitajiet immexxija mill-konsorzju;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • lil hinn mill-organizzazzjonijiet u l-individwi li jipparteċipaw b’mod dirett fil-proġett, fil-livelli istituzzjonali, lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali.
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-attivitajiet immexxija mill-konsorzju fi ħdanl-organizzazzjonijiet u s-sħab parteċipanti u barra minnhom.

Biex jintgħażlu għall-akkreditazzjoni, il-proposti jridu jiksbu mill-inqas 60 punt b’kollox. Barra minn hekk, dawn iridu jġibu tal-inqas nofs il-punti massimi għal kull kriterju għall-għoti.

Stabbiliment ta’ proġett

L-organizzazzjoni applikanti tapplika għall-għotja tal-proġett ta’ mobbiltà, tiffirma u tiġġestixxi l-ftehim tal-għotja u r-rapportar. L-organizzazzjoni applikanti trid tkun ibbażata fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u jkollha akkreditazzjoni valida tal-edukazzjoni għolja. Din tista’ tapplika jew bħala HEI individwali, li tirrikjedi ECHE, jew f’isem konsorzju tal-mobbiltà, li jirrikjedi akkreditazzjoni ta’ konsorzju.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti fil-proġett ta’ mobbiltà jassumu r-rwoli u l-kompiti li ġejjin:

  • Organizzazzjoni li tibgħat: inkarigata biex tagħżel l-istudenti/il-persunal u tibgħathom barra l-pajjiż. Dan jinkludi wkoll il-pagamenti tal-għotja (għal dawk fl-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm), it-tħejjija, il-monitoraġġ u r-rikonoxximent awtomatiku marbuta mal-perjodu ta’ mobbiltà.
  • Organizzazzjoni li tilqa’: inkarigata biex tilqa’ lill-istudenti/persunal minn barra l-pajjiż u toffrilhom programm ta’ studju/traineeship jew programm ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, jew li jibbenefikaw minn attività ta’ tagħlim. Dan jinkludi wkoll pagamenti ta’ għotjiet (għal dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm),
  • Organizzazzjoni intermedjarja: din hija organizzazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Tista’ tkun membru f’konsorzju tal-mobbiltà, iżda ma tkunx organizzazzjoni li tibgħat. Ir-rwol tagħha jista’ jkun li tikkondividi u tiffaċilita l-proċeduri amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibagħtu u li tqabbel aħjar il-profili tal-istudenti mal-ħtiġijiet tal-intrapriżi f’każ ta’ traineeships u tħejji lill-parteċipanti b’mod konġunt.

L-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu, flimkien mal-istudenti/il-persunal, iridu jkunu qablu fuq l-attivitajiet li se jitwettqu mill-istudenti - fi “ftehim tal-apprendiment” - jew minn membri tal-persunal - fi “ftehim tal-mobbiltà” - qabel ma jibda l-perjodu ta’ mobbiltà. Dawn il-ftehimiet jiddefinixxu l-kontenut għall-perjodu tal-mobbiltà barra l-pajjiż u jispeċifikaw d-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent formali ta’ kull parti. Id-drittijiet u l-obbligi huma stabbiliti fil-ftehim tal-għotja. Meta l-attività tkun bejn żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (mobbiltà tal-istudenti għall-istudji li jinkludu mobbiltà mħallta u mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim), għandu jkun hemm fis-seħħ “ftehim interistituzzjonali” bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk li jilqgħu qabel ma jkunu jistgħu jibdew l-iskambji.

Meta jitfassal proġett ta’ mobbiltà, iridu jissaħħu d-dimensjonijiet orizzontali li ġejjin:

Dimensjonijiet orizzontali

Inklużjoni u diversità fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

Sabiex l-aċċess għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal ikun faċli kemm jista’ jkun, f’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jridu jiżguraw aċċess u opportunitajiet ugwali u ekwi għall-parteċipanti attwali u prospettivi minn kull sfond. Dan ifisser li jiġu inklużi parteċipanti b’inqas opportunitajiet, bħal parteċipanti b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali u relatati mas-saħħa, studenti bit-tfal, studenti li jaħdmu jew li huma atleti professjonali u studenti mill-oqsma kollha ta’ studju li mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-mobbiltà. Id-definizzjoni ta’ proċeduri ta’ għażla interni li jqisu l-ekwità u l-inklużjoni u jivvalutaw il-mertu u l-motivazzjoni tal-applikanti b’mod olistiku hija essenzjali biex jiġi rrispettat dan il-prinċipju. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma mħeġġa jistabbilixxu opportunitajiet ta’ mobbiltà inkorporati, bħal twieqi ta’ mobbiltà fil-kurrikuli tagħhom biex jgħinu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-istudenti mill-oqsma kollha tal-istudju. F’dan ir-rigward, il-mobbiltà mħallta tista’ tgħin biex jiġu offruti opportunitajiet addizzjonali li jistgħu jkunu aktar xierqa għal xi individwi jew gruppi ta’ studenti. F’dan il-kuntest, il-preżenza ta’ uffiċjali tal-inklużjoni f’dawk l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tgħin biex jiġu indirizzati l-inklużjoni u d-diversità. L-uffiċjali tal-inklużjoni jistgħu pereżempju jgħinu biex iqajmu sensibilizzazzjoni, jiddefinixxu strateġiji għall-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, jiżguraw appoġġ adegwat matul il-mobbiltà f’kooperazzjoni mal-kollegi rilevanti u jgħinu biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-persunal rilevanti fl-istituzzjoni b’għarfien espert fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità.

Sostenibbiltà ambjentali u prattiki ekoloġiċi fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

F’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jridu jippromwovu prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-attivitajiet kollha relatati mal-Programm. Dan ifisser il-promozzjoni tal-użu ta’ mezzi sostenibbli ta’ trasport għall-mobbiltà, it-teħid ta’ passi attivi fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, il-konferenzi u l-laqgħat relatati mal-mobbiltà tal-Erasmus+ b’mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, u s-sostituzzjoni ta’ proċessi amministrattivi bbażati fuq il-karti bi proċessi diġitali (skont l-istandards u l-iskeda ta’ żmien tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti). L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom iqajmu wkoll sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti kollha dwar diversi miżuri li jistgħu jieħdu waqt li jkunu barra minn pajjiżhom biex inaqqsu l-impronti tal-karbonju u tal-ambjent tal-mobbiltajiet tagħhom u jimmonitorjaw il-progress lejn il-kisba ta’ mobbiltà aktar sostenibbli tal-istudenti u l-persunal.

Diġitalizzazzjoni u edukazzjoni u ħiliet diġitali fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

F’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jimplimentaw il-ġestjoni diġitali tal-mobbiltà tal-istudenti f’konformità mal-istandards tekniċi tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jipparteċipaw fil-programm iridu jingħaqdu man-Network Erasmus mingħajr Karti sabiex jiskambjaw data dwar il-mobbiltà u jiġġestixxu ftehimiet ta’ apprendiment online u ftehimiet interistituzzjonali diġitali hekk kif dawn il-karatteristiċi jsiru operattivi4 . L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu jużaw il-fondi ta’ appoġġ organizzattiv tagħhom għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà diġitali. L-istituzzjonijiet għandhom jippromwovu l-mobbiltà mħallta, il-kombinazzjoni ta’ mobbiltà fiżika ma’ komponent virtwali, fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom biex joffru formati ta’ mobbiltà aktar flessibbli u jsaħħu aktar l-eżiti tal-apprendiment u l-impatt tal-mobbiltà fiżika. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jridu jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta u r-rikonoxximent formali għall-parteċipazzjoni f’mobbiltà mħallta, inkluż il-komponent virtwali. L-istituzzjonijiet għandhom iqajmu wkoll sensibilizzazzjoni fost l-istudenti u l-persunal tagħhom dwar l-opportunitajiet fi ħdan il-programm biex jiksbu u jiżviluppaw aktar il-ħiliet diġitali rilevanti fl-oqsma kollha tal-istudju, inklużi Traineeships tal-Opportunitajiet Diġitali għall-istudenti u l-gradwati reċenti biex ikomplu jiżviluppaw jew jiksbu ħiliet diġitali5 . L-għalliema u l-persunal amministrattiv jistgħu jibbenefikaw ukoll minn  taħriġ tal-ħiliet diġitali biex jiksbu ħiliet diġitali rilevanti biex jagħmlu użu minn teknoloġiji diġitali f’korsijiet u għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni.

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Mobbiltà tal-istudenti

Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ titwettaq fi kwalunkwe qasam u ċiklu ta’ studju (ċiklu qasir/baċellerat/master/dottorat). Sabiex tiżgura attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja bl-akbar impatt possibbli fuq l-istudenti, l-attività ta’ mobbiltà għandha tkun kompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ apprendiment relatati mal-lawrja u mal-iżvilupp personali tal-istudent.

L-istudenti jistgħu jwettqu l-attivitajiet deskritti hawn taħt:

  • Perjodu ta’ studju barra l-pajjiż f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja sieħba. Il-perjodu ta’ studju barra l-pajjiż irid ikun parti mill-programm ta’ studju tal-istudent biex ilesti lawrja fi kwalunkwe ċiklu ta’ studju. Perjodu ta’ studju barra l-pajjiż jista’ jinkludi wkoll perjodu ta’ traineeship. Tali kombinazzjoni toħloq sinerġiji bejn l-esperjenza akkademika u professjonali barra l-pajjiż.
  • Traineeship (esperjenza prattika ta’ xogħol, internship) barra l-pajjiż f’intrapriża, f’istitut ta’ riċerka, f’laboratorju, f’organizzazzjoni jew fi kwalunkwe post tax-xogħol rilevanti ieħor. It-traineeships barra l-pajjiż huma appoġġati matul l-istudji fi kwalunkwe ċiklu ta’ studju u għal gradwati reċenti. Dan jinkludi wkoll assistantships għat-tagħlim għal għalliema studenti u assistantships għar-riċerka għal studenti u kandidati għad-dottorat fi kwalunkwe faċilità ta’ riċerka rilevanti. Sabiex ikomplu jissaħħu s-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa, din il-mobbiltà tista’ sseħħ ukoll fil-kuntest ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn Orizzont Ewropa, b’rispett sħiħ tal-prinċipju li ma jkunx hemm finanzjament doppju tal-UE tal-attivitajiet. Kull meta jkun possibbli, it-traineeships għandhom ikunu parti integrata tal-programm ta’ studju tal-istudent.
  • Mobbiltà għal dottorat

Biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet diversi ta’ apprendiment u taħriġ tal-kandidati għad-dottorat u biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs ma’ dawk li għandhom l-istatus ta’ persunal tal-edukazzjoni għolja, il-kandidati għad-dottorat u l-gradwati reċenti (“post-docs”)6  jistgħu jwettqu studju fiżiku fuq perjodu ta’ żmien qasir jew fit-tul jew perjodi ta’ mobbiltà ta’ traineeship barra minn pajjiżhom. Huwa mħeġġeġ li jiżdied komponent virtwali mal-mobbiltà fiżika.

  • Mobbiltà mħallta

Kull perjodu ta’ studju jew traineeship barra l-pajjiż ta’ kwalunkwe durata, inkluż il-mobbiltà għal dottorat, jista’ jsir bħala mobbiltà mħallta. Il-mobbiltà mħallta hija taħlita ta’ mobbiltà fiżika b’komponent virtwali li jiffaċilita skambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u l-ħidma f’tim. Pereżempju, il-komponent virtwali jista’ jgħaqqad lill-istudenti online minn pajjiżi u oqsma ta’ studju differenti biex isegwu korsijiet online jew biex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanjament fuq inkarigi li huma rikonoxxuti bħala parti mill-istudji tagħhom.

Kwalunkwe student jista’ jwettaq ukoll mobbiltà mħallta billi jipparteċipa fi programm intensiv imħallat skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifiċi għal programmi intensivi mħallta, deskritti f’din il-Gwida.

Barra minn hekk, studenti (ċiklu qasir/baċellerat/master) li ma jistgħux jipparteċipaw fi studju fiżiku fit-tul jew f’mobbiltà ta’ traineeship, pereżempju, minħabba l-qasam ta’ studju tagħhom jew minħabba li għandhom inqas opportunitajiet għal parteċipazzjoni, se jkunu jistgħu jwettqu mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’ żmien qasir  billi din tingħaqad ma’ komponent virtwali obbligatorju.

  • Mobbiltà tal-persunal

Il-mobbiltà tal-persunal tista’ titwettaq minn kwalunkwe tip ta’ persunal tal-edukazzjoni għolja jew minn persunal mistieden minn barra l-HEIs. Sabiex jiġu żgurati attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja bl-akbar impatt, l-attività ta’ mobbiltà għandha tkun relatata mal-iżvilupp personali tal-istudent u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ apprendiment u l-iżvilupp personali tagħhom.

L-istudenti jistgħu jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet deskritti hawn taħt:

  • Perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja sieħba. Il-perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż jippermetti lil kwalunkwe persunal tat-tagħlim f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja jew lil persunal minn intrapriżi biex jgħallem f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba barra l-pajjiż. Il-mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim tista’ sseħħ fi kwalunkwe qasam ta’ studju.
  • Perjodu ta’ taħriġ barra l-pajjiż f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja sieħba, intrapriża jew kwalunkwe post tax-xogħol ieħor rilevanti. Il-perjodu ta’ taħriġ barra l-pajjiż jippermetti lil kwalunkwe persunal f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja biex jieħu sehem f’attività ta’ taħriġ barra l-pajjiż li tkun rilevanti għax-xogħol ta’ kuljum tiegħu fl-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ avvenimenti ta’ taħriġ (minbarra konferenzi) jew perjodi ta’ job shadowing u ta’ osservazzjoni.

Perjodu ta’ mobbiltà tal-persunal barra l-pajjiż jista’ jikkombina attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ taħriġ. Kwalunkwe perjodu ta’ tagħlim jew taħriġ barra l-pajjiż jista’ jsir bħala mobbiltà mħallta.

Programmi intensivi mħallta

Dawn huma programmi qosra u intensivi li jużaw modi innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni online. Il-programmi jistgħu jinkludu apprendiment ibbażat fuq l-isfidi fejn timijiet tranżnazzjonali u transdixxiplinarji jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi pereżempju dawk marbuta mal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti jew sfidi oħra tas-soċjetà identifikati mir-reġjuni, il-bliet jew il-kumpaniji. Il-programm intensiv għandu jkollu valur miżjud meta mqabbel ma’ korsijiet jew taħriġ eżistenti offruti mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja parteċipanti u jista’ jkun pluriennali. Billi jippermettu formati ta’ mobbiltà ġodda u aktar flessibbli li jikkombinaw il-mobbiltà fiżika ma’ parti virtwali, il-programmi intensivi mħallta għandhom l-għan li jilħqu t-tipi kollha ta’ studenti minn kull sfond, qasam u ċiklu ta’ studju.

Il-gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja se jkollhom l-opportunità li jorganizzaw programmi intensivi mħallta qosra ta’ apprendiment, tagħlim u taħriġ għall-istudenti u l-persunal. Matul dawn il-programmi intensivi mħallta, il-gruppi ta’ studenti jew il-persunal bħala studenti se jwettqu mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’ żmien qasir barra l-pajjiż flimkien ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita l-iskambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u ħidma f’tim. Il-komponent virtwali jrid jgħaqqad flimkien lill-istudenti online biex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanju fuq inkarigi speċifiċi li huma integrati fil-programm intensiv imħallat u jgħoddu mal-eżiti kumplessivi tal-apprendiment.

Barra minn hekk, il-programmi intensivi mħallta jistgħu jkunu miftuħa għall-istudenti u l-persunal minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja barra mis-sħubija. Il-programmi intensivi mħallta jibnu l-kapaċità għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment fl-HEIs parteċipanti.

Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm

L-enfasi primarja tal-azzjoni ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja hija li tappoġġa l-attivitajiet ta’ mobbiltà fost l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm – id-dimensjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-azzjoni tappoġġa d-dimensjoni internazzjonali permezz ta’ żewġ fergħat ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm madwar id-dinja kollha. Fergħa waħda tappoġġa l-mobbiltà għall-pajjiżi terzi kollha mhux assoċjati mal-Programm (ir-Reġjuni 1-147 ) u hija ffinanzjata mill-fondi tal-politika interna tal-UE8 . Fergħa oħra tappoġġa l-mobbiltà lejn u minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (bl-eċċezzjoni tar-reġjuni 13 u 14) u hija ffinanzjata minn strumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE (ara t-taqsima “pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Iż-żewġ fergħat tal-mobbiltà internazzjonali jsegwu objettivi differenti, iżda komplementari, li jirriflettu l-prijoritajiet tal-politika tas-sorsi ta’ finanzjament rispettivi:

Mobbiltà internazzjonali ħierġa appoġġata minn fondi ta’ politika interna

 L-enfasi prijoritarja hija fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet li jħarsu ’l quddiem u ħiliet rilevanti oħra ta’ studenti u persunal minn HEIs li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. L-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali għal kwalunkwe pajjiż mhux assoċjat huma ffinanzjati mill-għotja mogħtija lil proġetti ta’ mobbiltà. Il-benefiċjarji tal-għotjiet jistgħu jużaw sa 20 % tal-aħħar għotja mogħtija għall-mobbiltà ħierġa lil pajjiżi mhux assoċjati madwar id-dinja kollha (ir-Reġjuni 1-14). Dawn l-opportunitajiet huma maħsuba biex iħeġġu organizzazzjoni fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm biex jiġu żviluppati attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa ma’ diversi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, u huma mistennija li jkopru l-aktar ambitu ġeografiku wiesa’ possibbli.

Mobbiltà internazzjonali ħierġa u dieħla appoġġata minn fondi ta’ politika esterna

 Din l-azzjoni ssegwi l-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE; u bħala tali, għadd ta’ miri u regoli għall-kooperazzjoni huma stabbiliti mat-tnax-il reġjun eliġibbli (1-12), li huma dettaljati hawn taħt fit-taqsima “informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna”.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali deskritti f’din l-azzjoni, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, huma applikabbli għaż-żewġ fergħat.

X’inhuma l-kriterji użati biex wieħed japplika għal proġett ta’ mobbiltà u biex dan jiġi implimentat?

Kriterji Ġenerali ta’ Eliġibbiltà tal-Proġetti ta’ Mobbiltà

Proġett ta’ mobbiltà għall-edukazzjoni għolja jrid jirrispetta l-kriterji formali li ġejjin hawn taħt sabiex ikun eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+. Il-kriterji ġenerali tal-eliġibbiltà jindirizzaw ir-rekwiżiti ġenerali fil-livell tal-proġett, filwaqt li l-kriterji speċifiċi elenkati fit-taqsimiet li ġejjin jindirizzaw ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet speċifiċi. 

Attivitajiet eliġibbli

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) jistgħu jimplimentaw attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju
  • Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships
  • Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim
  • Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ
  • Programmi intensivi mħallta (mhux għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna)

Flussi eliġibbli ta’ attività ta’ mobbiltà:

  • Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm sa kwalunkwe pajjiż fid-dinja (l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-14).
  • Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna: bejn l-Istati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (minbarra r-Reġjuni 13 u 14).

Min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet bl-akkreditazzjoni li ġejja jistgħu japplikaw għal għotja:

  • Għal applikazzjoni bħala HEI individwali: l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u mogħtija b’Karta tal-Erasmus għall-Edukazzjoni għolja (ECHE).
  • Għal applikazzjoni bħala konsorzju tal-mobbiltà: l-organizzazzjonijiet ta’ koordinazzjoni stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u l-koordinazzjoni ta’ konsorzju mogħti b’akkreditazzjoni tal-Erasmus għal konsorzji ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. L-organizzazzjonijiet li ma jkollhomx akkreditazzjoni valida tal-konsorzju jistgħu japplikaw għal din l-akkreditazzjoni f’isem konsorzju tal-mobbiltà matul l-istess sejħa bħal meta japplikaw għal għotja ta’ proġett ta’ mobbiltà jew sejħa preċedenti. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja involuti kollha mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm irid ikollhom Karta tal-Erasmus għall-Edukazzjoni għolja (ECHE). Dawn l-organizzazzjonijiet se jkunu eliġibbli għal proġett ta’ mobbiltà biss jekk l-applikazzjoni tagħhom għall-akkreditazzjoni ta’ konsorzju tiġi aċċettata.

L-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja ma jistgħux japplikaw direttament għal għotja; il-kriterji tal-għażla għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ mobbiltà u fi programmi intensivi mħallta huma ddefiniti mill-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li fiha jistudjaw jew huma impjegati.

Pajjiżi eliġibbli

Għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet:

  • kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm
  • kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm (għal kundizzjonijiet possibbli fi proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna jekk jogħġbok ara t-taqsima “Informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna” ta’ din l-azzjoni u “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A)

Għadd ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

L-għadd ta’ organizzazzjonijiet fil-formola tal-applikazzjoni hu wieħed (l-applikant). Dan huwa jew il-HEI individwali jew il-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Matul l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ mobbiltà, iridu jiġu involuti minimu ta’ żewġ organizzazzjonijiet (tal-inqas organizzazzjoni waħda li tibgħat u tal-inqas organizzazzjoni waħda li tilqa’). Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna, trid tiġi involuta tal-inqas organizzazzjoni waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat.

Għal programmi intensivi mħallta fi proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: minbarra l-applikant (il-HEI li tapplika jew il-HEI f’konsorzju tal-mobbiltà li japplika), għandhom jiġu involuti tal-inqas żewġ HEIs minn żewġ Stati Membri oħra tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm fl-organizzazzjoni tal-programm intensiv imħallat matul l-implimentazzjoni. 

Durata tal-proġett

Proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: 26 xahar

Proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna: 24 xahar jew 36 xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Meta napplika?

L-applikanti jridu jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-għotja sat-23 ta’ frar f’12:00:00 (ħin ta’ brussell f’nofsinhar) kemm għal proġetti ffinanzjati b’fondi ta’ politika interna li jibdew fl-1 ta’ ġunju tal-istess sena kif ukoll għal proġetti ffinanzjati bi strumenti ta’ azzjonijiet esterni li jibdew fl-1 ta’ awwissu tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħra meħtieġa

Il-HEI tista’ tapplika għall-għotjiet mal-Aġenzija Nazzjonali tagħha permezz ta’żewġ mezzi differenti:

  • direttament bħala HEI individwali,
  • permezz ta’ konsorzju tal-mobbiltà li tkun koordinatur/membru tiegħu.

Il-HEI tista’ tapplika darba biss għal kull rawnd tal-għażla għal proġett ta’ mobbiltà bħala HEI individwali u/jew bħala l-HEI ta’ koordinazzjoni  ta’ konsorzju partikolari. Madankollu, il-HEI tista’ tkun parti minn jew tikkoordina bosta konsorzji ta’ mobbiltà differenti li japplikaw fl-istess ħin.

Iż-żewġ mezzi (applikazzjoni individwali u applikazzjoni ta’ konsorzju) jistgħu jintużaw simultanjament. Madankollu, il-HEI tibqa’ responsabbli biex tevita il-finanzjament doppju ta’ parteċipant meta ż-żewġ mezzi jintużaw fl-istess sena akkademika.

Il-proġett ta’ mobbiltà għandu jimplimenta l-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti biex jiffaċilita l-ġestjoni online taċ-ċiklu tal-mobbiltà u approċċi oħra li jirrispettaw aktar l-ambjent u inklużivi f’konformità mal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) u l-linji gwida tal-ECHE.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji tal-Eliġibbiltà Speċifiċi għall-Mobbiltà tal-Istudenti

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju:

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha mill-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (kemm dawk li jibagħtu kif ukoll dawk li jilqgħu) iridu jkunu istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) mogħtija b’ECHE. L-organizzazzjonijiet kollha minn pajjiż terz mhux assoċjati mal-Programm (kemm dawk li jibagħtu kif ukoll dawk li jilqgħu) iridu jkunu HEIs rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti u jridu jkunu ffirmaw ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħhom mill-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships:

L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

F’każ ta’ mobbiltà tal-istudenti għal finijiet ta’ traineeships, l-organizzazzjoni li tilqa’ tista’ tkun9 :

  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ, tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun:
  • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, medja jew kbira (inkluż l-intrapriżi soċjali);
    • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
    • ambaxxati jew uffiċċji konsulari tal-Istat Membru tal-UE li jibgħat jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
    • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja’/professjonali u trade unions;
    • istitut tar-riċerka;
    • fondazzjoni;
    • skola/istituzzjoni/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, mill-edukazzjoni preprimarja sal- edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, u bl-inklużjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti);
  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO;
  • korp li jipprovdi gwida għall-karriera, servizzi ta’ konsulenza professjonali u ta’ informazzjoni;
  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Durata tal-attività

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju: minn xahrejn (jew terminu akkademiku wieħed jew trimestru) sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika. Dan jista’ jinkludi perjodu komplementari ta’ traineeship, jekk ippjanat, u jista’ jiġi organizzat b’modi differenti skont il-kuntest: jew attività waħda wara l-oħra jew it-tnejn fl-istess ħin. Il-kombinazzjoni ssegwi r-regoli ta’ finanzjament u d-durata minima tal-mobbiltà għall-istudju

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships: minn xahrejn sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika.

Kwalunkwe student, b’mod partikolari dawk li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f’mobbiltà fiżika fit-tul għal studji jew għal traineeships, jistgħu jikkombinaw mobbiltà fiżika iqsar ma’ komponent virtwali (mobbiltà mħallta fuq perjodu ta’ żmien qasir). Barra minn hekk, kwalunkwe student jista’ jipparteċipa fi programmi intensivi mħallta. F’dawn il-każijiet, il-mobbiltà fiżika trid iddum bejn ħamest ijiem u 30 jum u tista’ tkun ikkombinata ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita l-iskambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u ħidma f’tim. Il-mobbiltà mħallta għall-istudji trid tagħti minimu ta’ tliet krediti tal-ECTS.

Mobbiltà għal studji u/jew għal traineeships għall-kandidati għad-dottorat: minn ħamest ijiem sa 30 jum jew minn xahrejn sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika (mobbiltà għal studju tista’ tinkludi perjodu ta’ traineeship komplementari, jekk ikun ippjanat).

Durata totali eliġibbli għal kull ċiklu ta’ studju:

L-istess student jista’ jipparteċipa f’perjodi ta’ mobbiltà li jammontaw għal massimu ta’ 12-il xahar10  ta’ mobbiltà fiżika għal kull ċiklu ta’ studju11 , indipendentement mill-għadd u mit-tip ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà:

  • waqt l-ewwel ċiklu ta’ studju (grad ta’ Baċellerat jew ekwivalenti) inkluż iċ-ċiklu l-qasir (il-livelli 5 u 6 tal-QEK);
  • waqt it-tieni ċiklu ta’ studju (Master jew ekwivalenti - il-livell 7 tal-QEK); kif ukoll
  • waqt it-tielet ċiklu ta’ studju bħala kandidat għal dottorat (livell ta’ dottorat jew il-livell 8 tal-QEK).

Id-durata tat-traineeships minn gradwati reċenti jgħodd lejn il-massimu ta’ 12-il xahar taċ-ċiklu li matulu japplikaw għat-traineeship.

Post(ijiet) tal-attività

L-istudenti jridu jwettqu l-attività ta’ mobbiltà fiżika tagħhom fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat u tal-pajjiż fejn l-istudent kellu l-akkomodazzjoni tiegħu matul l-istudji tiegħu12 .

Parteċipanti eliġibbli

L-istudenti rreġistrati f’HEI u miktubin fi studji li jwasslu għal lawrja rikonoxxuta jew kwalifika ta’ livell terzjarju rikonoxxuta oħra (sa u inkluż il-livell tad-dottorat). Fil-każ tal-mobbiltà għal dottorat, il-parteċipant irid ikun fil-livell 8 tal-QEK.

Gradwati reċenti b’lawrja fil-livell ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jipparteċipaw f’mobbiltà għall-finijiet ta’ traineeships. L-organizzazzjoni benefiċjarja tista’ ma tiħux sehem fi traineeships għal gradwati reċenti. Il-gradwati reċenti jridu jintgħażlu mill-HEI tagħhom fl-aħħar sena ta’ studju tagħhom, u jridu jwettqu u jlestu t-traineeships tagħhom barra l-pajjiż fi żmien sena minn meta jiggradwaw13 .

Kriterji oħra meħtieġa

Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ tkun fi kwalunkwe qasam ta’ studju. Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ tkun perjodu ta’ studju kkombinat ma’ traineeship qasir (ta’ inqas minn xahrejn) filwaqt li titqies bħala perjodu ta’ studju kumplessiv. L-istudent, l-organizzazzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ jridu jiffirmaw ftehim ta’ apprendiment.

Il-perjodu ta’ studju barra l-pajjiż irid ikun parti mill-programm ta’ studju tal-istudent biex itemm lawrja. Kull meta jkun possibbli, it-traineeships għandhom ikunu parti integrata mill-programm ta’ studju tal-istudent.

L-insegwiment ta’ korsijiet f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja ma jistax jitqies bħala traineeship.

Fil-każ ta’ mobbiltà mħallta tal-istudenti, l-attivitajiet jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni fil-korsijiet offruti f’format ta’ apprendiment imħallat fi kwalunkwe HEI sieħba, taħriġ online u inkarigi ta’ xogħol jew parteċipazzjoni fi programmi intensivi mħallta.

Fir-rigward tal-mobbiltà internazzjonali, ara “Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm”.

Kriterji tal-eliġibbiltà speċifiċi għall-mobbiltà tal-persunal

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim:

L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun:

  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew
  • HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, jew
  • fil-każ ta’ persunal mistieden biex jgħallem fl-HEI: kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata (mhux mogħtija b’ECHE) fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun:
    • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, medja jew kbira (inkluż l-intrapriżi soċjali);
    • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
    • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja’/professjonali u trade unions;
    • istitut tar-riċerka;
    • fondazzjoni;
    • skola/istituzzjoni/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, mill-edukazzjoni preprimarja sa edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, u bl-inklużjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti);
    • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO;
    • korp li jipprovdi gwida għall-karriera, servizzi ta’ konsulenza professjonali u ta’ informazzjoni.

L-organizzazzjoni li tilqa’ trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li tkun ingħatat ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti u li tkun iffirmat ftehim interistituzzjonali mas-sieħeb minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ:

L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li tkun ingħatat ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti li tkun iffirmat ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħha minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

L-organizzazzjoni li tilqa’ trid tkun:

  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.
  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (jew minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, jekk il-proġett tal-mobbiltà jkun iffinanzjat minn fondi ta’ politika interna) attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Durata tal-attività

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim u taħriġ:

Minn jumejn sa xahrejn ta’ mobbiltà fiżika, minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta’ mobbiltà li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, id-durata trid tkun bejn ħamest ijiem u xahrejn. Fiż-żewġ każijiet, il-jiem minimi jridu jkunu konsekuttivi.

Fil-każ ta’ persunal mistieden minn intrapriżi, id-durata minima hija ta’ ġurnata ta’ mobbiltà fiżika.

Attività ta’ tagħlim għandha tinkludi minimu ta’ tmien sigħat ta’ tagħlim kull ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu iqsar ta’ soġġorn). Jekk il-mobbiltà ddum aktar minn ġimgħa, l-għadd minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim għal ġimgħa mhux kompluta għandu jkun proporzjonali għad-durata ta’ dik il-ġimgħa. L-eċċezzjonijiet li ġejjin japplikaw:

  • Ma hemmx għadd minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim għall-persunal mistieden mill-intrapriżi.
  • Jekk l-attività ta’ tagħlim tingħaqad ma’ attività ta’ taħriġ matul perjodu wieħed barra l-pajjiż, l-għadd minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim kull ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu iqsar ta’ soġġorn) jitnaqqas għal erba’ sigħat.

Post(ijiet) tal-attività

Il-persunal irid iwettaq l-attività ta’ mobbiltà fiżika tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat u l-pajjiż tar-residenza tal-persunal.

Parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim:

  • Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.
  • Persunal minn kwalunkwe intrapriża minn kwalunkwe pajjiż, li jaħdem f’organizzazzjoni pubblika jew privata (li mhijiex HEI li għandha ECHE), attiv fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni u huwa mistieden jgħallem f’HEI fi kwalunkwe pajjiż (inklużi kandidati għad-dottorat li jkunu impjegati). 

 Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ: Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.

Kriterji oħra meħtieġa

Il-mobbiltà tal-persunal tista’ tkun perjodu ta’ tagħlim ikkombinat ma’ perjodu ta’ taħriġ, filwaqt li titqies bħala perjodu ta’ tagħlim kumplessiv. Il-mobbiltà ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ tista’ sseħħ f’aktar minn organizzazzjoni waħda li tilqa’ fl-istess pajjiż, filwaqt li titqies bħala perjodu wieħed ta’ tagħlim jew taħriġ bid-durata minima ta’ soġġorn applikabbli.

Il-mobbiltà għat-tagħlim tista’ tkun fi kwalunkwe qasam ta’ studju.

Il-mobbiltà għat-tagħlim tista’ tinkludi l-għoti ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-HEI sieħba.

Il-membru tal-persunal, l-organizzazzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ jridu jiffirmaw ftehim ta’ mobbiltà.

Fir-rigward tal-mobbiltà internazzjonali, ara “Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm”.

Kriterji ta’ Eliġibbiltà Speċifiċi għal Programmi Intensivi Mħallta

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Għandu jiġi żviluppat u implimentat programm intensiv imħallat minn tal-inqas tliet istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) li jkunu ġejjin minn tal-inqas tliet Stati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Barra minn hekk, kwalunkwe HEI jew organizzazzjoni oħra li tinsab fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tipparteċipa sabiex tibgħat parteċipanti.

Il-HEIs li jibagħtu studenti u persunal biex jipparteċipaw bħala studenti fi programmi intensivi mħallta jridu jkunu HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li tkun ingħatat ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti li tkun iffirmat ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħha minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Għall-persunal tat-tagħlim u t-taħriġ involut fit-twettiq tal-programm, tista’ tkun kwalunkwe organizzazzjoni minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm (ara l-parteċipanti eliġibbli).

Il-parteċipanti jistgħu jintbagħtu bil-finanzjament tal-Erasmus+ jew jieħdu sehem billi jġarrbu l-kostijiet huma stess. Il-HEIs minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jibagħtu parteċipanti bl-Erasmus+, jekk l-istituzzjoni li tilqa’ jkollha, fl-istess ħin, proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat minn fondi ta’ politika esterna li jiffinanzjaw studenti u persunal li jkunu deħlin minn dawn il-pajjiżi. Dawn il-parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jgħoddux għar-rekwiżiti minimi.

Il-HEI li tilqa’ trid tingħata l-ECHE. Il-HEI li tilqa’ tista’ tkun l-istess bħall-HEI li tikkoordina jew differenti minnha. Organizzazzjonijiet oħra jistgħu jospitaw ukoll b’mod konġunt parteċipanti fil-pajjiż li jilqa’ matul parti mill-attività fiżika.

Il-HEI li tikkoordina trid tingħata wkoll ECHE. Il-HEI li tikkoordina/tilqa’ hija jew il-HEI applikanti jew membru tal-HEI tal-konsorzju tal-mobbiltà li japplika għal proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna.

Durata tal-attività

Il-mobbiltà fiżika minn ħamest ijiem sa 30 jum tad-durata tal-programm. L-ebda kriterju ta’ eliġibbiltà ma huwa stabbilit għad-durata tal-komponent virtwali iżda l-mobbiltà virtwali u fiżika kkombinata trid tagħti minimu ta’ tliet krediti tal-ECTS lill-istudenti.

Post(ijiet) tal-attività

L-attività fiżika tista’ sseħħ fl-HEI li tilqa’ jew fi kwalunkwe post ieħor fil-pajjiż tal-HEI li tilqa’.

Parteċipanti eliġibbli

Studenti:

L-istudenti rreġistrati f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm, u rreġistrati fi studji li jwasslu għal grad rikonoxxut jew kwalifika rikonoxxuta oħra ta’ livell terzjarju (sa u inkluż il-livell ta’ dottorat).

Persunal: Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.

Persunal ta’ tagħlim u ta’ taħriġ involut fit-twettiq tal-programm:

  • Il-persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
  • Il-persunal mistieden jgħallem f’HEI fi Stat Membru tal-UE li jkun ġej minn kwalunkwe intrapriża/organizzazzjoni pubblika jew privata (bl-eċċezzjoni tal-HEIs mogħtija b’ECHE); l-intrapriża/organizzazzjoni għandha tkun minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm attiv fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni; il-kandidati għad-dottorat li jkunu impjegati jgħoddu wkoll bħala eliġibbli taħt din l-azzjoni.

Kriterji oħra meħtieġa

Il-programmi intensivi mħallta għall-istudenti u l-persunal iridu jinkludu mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’ żmien qasir barra l-pajjiż ikkombinat ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita skambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u ta’ ħidma f’tim. Il-komponent virtwali jrid jgħaqqad flimkien lill-istudenti online biex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanju fuq inkarigi speċifiċi li huma integrati fil-programm intensiv imħallat u jgħoddu mal-eżiti kumplessivi tal-apprendiment.

Il-programmi intensivi mħallta għandhom jagħtu mill-inqas tliet krediti tal-ECTS lill-istudenti.

L-għadd minimu ta’ parteċipanti mobbli ffinanzjati mill-Erasmus+ fi programm intensiv imħallat huwa ta’ 15 (li ma jinkludix il-persunal tat-tagħlim/taħriġ involut fit-twettiq tal-programm) sabiex il-programm ikun eliġibbli għall-finanzjament.

L-appoġġ individwali u, fejn applikabbli, l-appoġġ għall-ivvjaġġar lill-parteċipanti għall-attività fiżika jiġi pprovdut mill-organizzazzjoni li tibgħat (u l-HEI li tilqa’ fil-każ ta’ persunal mistieden minn intrapriżi u fil-każ ta’ parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm iffinanzjat bi strumenti ta’ azzjoni esterna).

Informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna

Il-fondi disponibbli għall-proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna huma maqsuma bejn reġjuni differenti tad-dinja fi 12-il pakkett baġitarju u d-daqs ta’ kull pakkett baġitarju huwa differenti skont il-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE. Aktar informazzjoni dwar l-ammonti disponibbli taħt kull pakkett baġitarju se jkunu ppubblikati fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali.

B’mod ġenerali, il-fondi se jkollhom jintużaw b’mod ġeografikament bilanċjat. L-UE stabbiliet għadd ta’ miri indikattivi rigward il-bilanċ ġeografiku u l-prijoritajiet li għandhom jinkisbu fil-livell Ewropew matul id-durata kollha tal-programm (2021-2027), inkluż kooperazzjoni mal-pajjiżi l-inqas żviluppati. Dawn il-miri u l-prijoritajiet indikattivi ma għandhomx għalfejn jintlaħqu mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja individwali, iżda l-Aġenziji Nazzjonali se jikkunsidrawhom sabiex jiġi allokat il-baġit disponibbli. Dawn huma l-miri stabbiliti għall-proġetti tal-mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna inġenerali fil-livell tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-Programm skont is-sejħa tal-2027:

  • L-Asja:
    • Minimu ta’ 25 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà mal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) tar-reġjun;
    • Mhux aktar minn 25 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà mal-Pajjiżi b’Introjtu Għoli (HICs) tar-reġjun;
    • Mhux aktar minn 15 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà maċ-Ċina;
    • Mhux aktar minn 10 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà mal-Indja.
  • Il-Paċifiku:
    • Mhux aktar minn 86.5 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà mal-Awstralja u n-New Zealand flimkien.
  • L-Afrika sub-Saħarjana:
    • Għandu jintefaq minimu ta’ 35 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) tar-reġjun, b’enfasi speċjali fuq il-pajjiżi prijoritarji tal-migrazzjoni;
    • mhux aktar minn 8 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà ma’ kwalunkwe pajjiż.
  • L-Amerka Latina:
    • Mhux aktar minn 30 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà mal-Brażil u l-Messiku flimkien.
  • Sħubija tal-Lvant:
    • Minimu ta’ 40 % tal-baġit għandu jiġi allokat lil studenti b’inqas opportunitajiet.
  • Viċinat tan-Nofsinhar:
    • Mhux aktar minn 15 % tal-baġit għandu jintefaq fuq il-mobbiltà ma’ kwalunkwe pajjiż;
    • Minimu ta’ 65 % tal-fondi għandhom jiġu allokati lill-istudenti, li 50 % minnhom għandhom ikunu b’inqas opportunitajiet.
  • Il-Balkani tal-Punent: l-enfasi għandha tkun fuq il-mobbiltà tal-istudenti.

Minħabba r-rekwiżit tal-kontribuzzjoni għall-għajnuna għall-iżvilupp, il-mobbiltajiet tal-ewwel u t-tieni ċiklu fuq żmien qasir li l-istudenti wettqu mal-pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA)14  fir-reġjuni 2-11 huma limitati għall-mobbiltà dieħla minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Il-mobbiltà ħierġa lejn dawn ir-reġjuni hija disponibbli biss għall-istudenti fil-livell ta’ dottorat u għall-persunal.

Jekk il-HEI applikanti jkollha proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna, il-flussi tal-mobbiltà ħierġa internazzjonali mhux eliġibbli msemmija hawn fuq għal dawn ir-reġjuni jistgħu jiġu ffinanzjati mill-proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna b’mod komplementari.

Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma liberi li japplikaw għal 100 % tal-mobbiltà tal-persunal jew 100 % tal-mobbiltà tal-istudenti jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, sakemm dan ikun konformi ma’ kwalunkwe kriterju sekondarju stabbilit mill-Aġenzija Nazzjonali (ara t-taqsima hawn taħt).

Kriterji sekondarji għal proġetti tal-mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna stabbiliti minn aġenziji nazzjonali

Meta l-pakkett tal-baġit għal reġjun jew pajjiż sieħeb partikolari jkun limitat, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tagħżel li żżid kriterju sekondarju wieħed jew aktar mil-lista t’hawn taħt:

  • Jiġi limitat il-livell tal-lawrja (pereżempju billi l-applikazzjonijiet jiġu limitati għal ċiklu wieħed jew tnejn biss – livell ta’ baċellerat, master jew dottorat);
  • Tiġi limitata d-durata tal-perjodi ta’ mobbiltà (pereżempju tiġi limitata l-mobbiltà tal-istudenti għal sitt xhur, jew tiġi limitata l-mobbiltà tal-persunal għal għaxart ijiem).

Fl-eventwalità li Aġenzija Nazzjonali tagħżel li tuża kriterji sekondarji, din id-deċiżjoni se tkun ikkomunikata qabel id-data tal-għeluq, b’mod partikulari fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali.

Kriterji għall-għoti

Kriterji għall-għoti ta’ proġetti tal-mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna

Ma teżisti l-ebda valutazzjoni kwalitattiva (il-kwalità ġiet ivvalutata fil-fażi tal-applikazzjoni tal-ECHE jew meta kien qed jintgħażel il-konsorzju tal-mobbiltà) u għaldaqstant ma jeżisti l-ebda kriterju għall-għoti.

Kwalunkwe applikazzjoni għal għotja eliġibbli (wara li tkun għaddiet mill-verifika tal-eliġibbiltà) tingħata finanzjament.

L-ammont massimu tal-għotja jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • l-għadd ta’ mobbiltajiet applikati għalihom;
  • il-prestazzjoni tal-imgħoddi tal-applikant f’termini ta’ għadd ta’ perjodi ta’ mobbiltà, kwalità tajba fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tal-ġestjoni finanzjarja soda, f’każ li l-applikant ikun irċieva għotja simili fis-snin ta’ qabel;
  • l-għadd ta’ programmi intensivi mħallta applikati għalihom;
  • il-baġit nazzjonali totali allokat għall-azzjoni ta’ mobbiltà għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna.

Kriterji għall-għoti għal proġetti tal-mobbiltà appoġġati mill-fondi tal-politika esterna

L-applikazzjonijiet eliġibbli għall-għotja (wara li jkunu għaddew mill-verifika tal-eliġibbiltà) jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

Kwalità tat-tfassil tal-proġett u arranġamenti ta’ koperazzjoni - (massimu ta’ 40 punt). Kriterju għall-għoti fil-livell tal-proġett

  • Il-punt sa fejn l-organizzazzjoni applikanti tiddeskrivi b’ċarezza r-responsabbiltajiet, ir-rwoli u l-kompiti bejn is-sħab.
  • Il-kompletezza u l-kwalità tal-arranġamenti għall-għażla tal-parteċipanti, l-appoġġ li ngħatalhom u r-rikonoxximent tal-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom (b’mod partikolari fil-pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm).

Rilevanza tal-istrateġija - (massimu ta’ 40 punt). Kriterju għall-għoti fil-livell tar-reġjun

  • Il-punt sa fejn il-proġett tal-mobbiltà ppjanat huwa rilevanti għall-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja involuti.
  • Ir-raġuni għall-għażla tal-persunal u/jew tal-mobbiltà tal-istudenti u l-esperjenza preċedenti ta’ proġetti simili ma’ istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fir-reġjun sieħeb.

Impatt u tixrid - (massimu ta’ 20 punt). Kriterju għall-għoti fil-livell tar-reġjun

  • L-impatt potenzjali tal-proġett fuq il-parteċipanti, il-benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet sħab, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali
  • il-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tar-riżultati tal-proġett tal-mobbiltà fil-livelli tal-fakultà u tal-istituzzjoni, u oltre minn hekk, fejn applikabbli, fil-pajjiżi kollha involuti.

L-applikant se jispjega kif il-proġett jissodisfa dawn it-tliet kriterji mill-perspettiva tal-istituzzjoni tiegħu stess

(jew mill-istituzzjonijiet fil-każ ta’ applikazzjonijiet sottomessi minn konsorzji) u l-istituzzjonijiet sħab fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu mill-inqas 60 punt għal kull reġjun inkluż, filwaqt li jissodisfaw limitu ta’ 50 % għal kull kriterju ta’ għoti ppreżentat fit-tabella.

L-għotja mogħtija lill-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja tiddependi minn għadd ta’ elementi:

  • l-għadd ta’ perjodi ta’ mobbiltà u x-xhur/ġranet li tkun saret applikazzjoni għalihom;
  • il-baġit allokat għal kull pajjiż jew reġjun;
  • il-bilanċ ġeografiku f’reġjun partikolari.

Irrispettivament mill-punteġġ ta’ kull reġjun ogħla mil-limitu indikat, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tipprijoritizza l-mobbiltajiet ma’ ċerti pajjiżi biex tiżgura l-bilanċ ġeografiku f’dak ir-reġjun, kif definit mill-miri ġeografiċi msemmija hawn fuq.

L-Aġenzija Nazzjonali mhix obbligata li tiffinanzja l-mobbiltajiet kollha mitluba għal pajjiż terz partikolari mhux assoċjat mal-Programm, jekk it-talba titqies bħala eċċessiva fir-rigward tal-baġit disponibbli.

A) Regoli ta’ finanzjament li japplikaw għall-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja

Kategorija tal-baġit - Appoġġ organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbuta b’mod dirett mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà (bl-esklużjoni tas-sussistenza u l-ivvjaġġar għall-parteċipanti).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti fil-mobbiltà.

Ammont

Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna:

Sal-100 parteċipant: EUR 400 għal kull parteċipant, u lil hinn mill-100 parteċipant: EUR 230 għal kull parteċipant addizzjonali

Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna:

EUR 500 għal kull parteċipant

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet li jirrikjedu appoġġ addizzjonali abbażi ta’ kostijiet reali.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet li jirċievu appoġġ addizzjonali abbażi tal-kostijiet reali permezz tal-kategorija ta’ appoġġ għall-inklużjoni.

Ammont

EUR 100 għal kull parteċipant

Kostijiet addizzjonali  relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, li ma jistgħux jiġu koperti permezz tal- ammont ta’ żieda għal appoġġ individwali għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet. B’mod partikolari, dawn il-kostijiet għandhom l-għan li jkopru l-appoġġ finanzjarju addizzjonali meħtieġ għall-parteċipanti b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-mobbiltà kif ukoll fi żjarat preparatorji u għall-persuni li jakkumpanjawhom (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-  sussistenza, jekk dan ikun iġġustifikat u sakemm ma jkunx kopert permezz tal-kategoriji tal-baġit “appoġġ għall-ivvjaġġar” u “appoġġ individwali” għal dawn il-parteċipanti).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Fil-każ ta’ proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna: Kostijiet tal-ivvjaġġar għali tal-parteċipanti eliġibbli għall-appoġġ għall-ivvjaġġar.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali

Ammont

Kostijiet għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għali: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Għotja għal appoġġ organizzazzjonali għall-benefiċjarju (istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew konsorzji):

L-għotja għal appoġġ organizzazzjonali hija kontribuzzjoni għal kwalunkwe kost imġarrab mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal, kemm dawk li ġejjin kif ukoll dawk li sejrin, biex tinżamm konformità mal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u mal-prinċipji tal-ECHE kif riflessi fil-ftehimiet interistituzzjonali li sar qbil dwarhom fil-każ ta’ istituzzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Pereżempju:

  • l-arranġamenti organizzazzjonali ma’ istituzzjonijiet sħab, inkluż żjarat lejn sħab potenzjali, biex jintlaħaq qbil dwar it-termini tal-ftehimiet interistituzzjonali għall-għażla, it-tħejjija, l-ospitabbiltà u l-integrazzjoni tal-parteċipanti mobbli; u biex dawn il-ftehimiet interistituzzjonali jinżammu aġġornati;
  • il-forniment ta’ katalogi tal-korsijiet aġġornati għall-istudenti internazzjonali;
  • l-għoti ta’ informazzjoni u assistenza lill-istudenti u l-persunal;
  • l-għażla tal-istudenti u l-persunal;
  • it-tħejjija tal-ftehimiet tal-apprendiment biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent sħiħ tal-komponenti edukattivi tal-istudenti; it-tħejjija u r-rikonoxximent tal-ftehimiet ta’ mobbiltà għall-persunal;
  • it-tħejjija lingwistika u interkulturali pprovduta kemm lill-istudenti u lill-persunal li deħlin u dawk li ħerġin, komplementarja għall-Appoġġ Lingwistiku Online tal-Erasmus+;
  • l-iffaċilitar tal-integrazzjoni ta’ parteċipanti mobbli li jkunu ġejjin fil-HEI;
  • l-iżgurar ta’ arranġamenti ta’ mentoraġġ u superviżjoni effiċjenti tal-parteċipanti mobbli;
  • arranġamenti speċifiċi biex tiġi żgurata l-kwalità tat-traineeships tal-istudenti fl-intrapriżi/l-organizzazzjonijiet li jilqgħu;
  • l-iżgurar tar-rikonoxximent tal-komponenti edukattivi u l-krediti relatati, bil-ħruġ ta’ traskrizzjonijiet ta’ rekords u supplimenti ta’ diplomi;
  • l-appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-parteċipanti mobbli u li jkomplu jiġu żviluppati l-kompetenzi l-ġodda li jkunu kisbu għall-benefiċċju tal-HEI u l-pari;
  • l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti (diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà);
  • il-promozzjoni ta’ modi ta’ mobbiltà li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u proċeduri amministrattivi aktar ekoloġiċi;
  • il-promozzjoni u l-ġestjoni tal-parteċipazzjoni ta’ individwi b’inqas opportunitajiet;
  • l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ involviment ċiviku u l-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet;
  • il-promozzjoni u l-ġestjoni tal-mobbiltà mħallta u/jew internazzjonali.

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jimpenjaw ruħhom biex jikkonformaw mal-prinċipji kollha tal-Karta biex jiżguraw mobbiltà ta’ kwalità għolja, inklużi dawn: “jiżguraw li l-parteċipanti mobbli li jkunu ħerġin ikunu ppreparati sew għall-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż, inkluża l-mobbiltà mħallta, billi jwettqu attivitajiet biex jiksbu l-livell meħtieġ ta’ profiċjenza lingwistika u jiżviluppaw il-kompetenzi interkulturali tagħhom” u “jipprovdu appoġġ lingwistiku xieraq lill-parteċipanti mobbli li jkunu deħlin”. Jista’ jittieħed vantaġġ minn faċilitajiet eżistenti fl-istituzzjonijiet għat-taħriġ fil-lingwi. Dawk il-HEIs li jkunu jistgħu jipprovdu mobbiltà ta’ kwalità għolja lill-istudenti u lill-persunal, inkluż appoġġ lingwistiku, b’kost irħas (jew minħabba li jkun iffinanzjat minn sorsi oħra li mhumiex finanzjament tal-UE) ikollhom il-possibbiltà li jittrasferixxu sehem tal-għotja tal-appoġġ organizzazzjonali ħalli jiffinanzjaw aktar attivitajiet ta’ mobbiltà. Il-ftehim tal-għotja jispeċifika l-livell ta’ flessibbiltà f’dan ir-rigward.

Fil-każijiet kollha, il-benefiċjarji se jkunu obbligati kuntrattwalment biex jipprovdu tali servizzi ta’ kwalità għolja u l-prestazzjoni tagħhom se tkun immonitorjata u kkontrollata mill-Aġenziji Nazzjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rapporti tal-parteċipanti pprovduti mill-istudenti u l-persunal u dak direttament aċċessibbli għall-Aġenziji Nazzjonali u għall-Kummissjoni.

L-għotja ta’ appoġġ organizzazzjonali hija kkalkolata fuq l-għadd tal-parteċipanti mobbli appoġġati kollha (inklużi parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+ għall-perjodu kollu tal-mobbiltà – ara taħt – u persunal minn intrapriżi ta’ tagħlim fil-HEI). Il-parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE għall-Erasmus+ għall-perjodu kollu tal-mobbiltà jgħoddu bħala parteċipanti mobbli appoġġati peress li jibbenefikaw mill-qafas ta’ mobbiltà u mill-attivitajiet organizzazzjonali. Għalhekk jitħallas ukoll appoġġ organizzazzjonali għal dawn il-parteċipanti mobbli. Dan jeskludi l-persuni li jakkumpanjaw lill-parteċipanti matul l-attività tagħhom barra mill-pajjiż. Fil-proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna, il-kalkolu ma jikkunsidrax il-mobbiltajiet addizzjonali li jistgħu jiġu organizzati billi jiġu ttrasferiti fondi bejn il-kategoriji tal-baġit.

Fil-każ ta’ konsorzji ta’ mobbiltà nazzjonali, din l-għotja tista’ tinqasam bejn il-membri kollha skont ir-regoli li jkunu qablu bejniethom.

Għal proġetti tal-mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika esterna, l-għotja tal-appoġġ organizzazzjonali se tkun kondiviża bejn is-sħab ikkonċernati fuq bażi aċċettabbli b’mod reċiproku li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarha mill-istituzzjonijiet parteċipanti.

Parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-ue tal-ERASMUS+

L-istudenti u l-persunal b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+ huma parteċipanti mobbli li ma jirċevux għotja tal-Erasmus+ tal-UE relatata mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, iżda li jissodisfaw b’mod ieħor il-kriterji kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti u l-persunal u li jibbenefikaw mill-vantaġġi kollha billi huma studenti u persunal tal-Erasmus+. Dawn jistgħu jirċievu fond tal-UE mhux tal-Erasmus+ (FSE, eċċ.), nazzjonali, reġjonali jew tip ieħor ta’ għotja bħala kontribuzzjoni għall-kostijiet ta’ mobbiltà tagħhom. L-għadd ta’ parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+ għall-perjodu ta’ mobbiltà kollu jgħodd fl-istatistika għall-indikatur tal-prestazzjoni użat biex jalloka l-baġit tal-UE bejn il-pajjiżi.

Appoġġ għall-inklużjoni

Persuna b’inqas opportunitajiet hija parteċipant potenzjali li l-kundizzjoni personali, fiżika, mentali jew dik relatata mas-saħħa tagħha tkun tali li l-parteċipazzjoni tagħha fl-azzjoni tal-proġett/mobbiltà ma tkunx possibbli mingħajr appoġġ finanzjarju supplimentari jew appoġġ ieħor. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jkunu għażlu studenti u/jew persunal b’inqas opportunitajiet jistgħu japplikaw għal appoġġ ta’ għotja addizzjonali mal-Aġenzija Nazzjonali sabiex ikopru l-kostijiet supplimentari għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ mobbiltà. Għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet, b’mod partikolari dawk b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa, l-appoġġ għall-għotja jista’ għalhekk ikun ogħla mill-ammonti massimi ta’ għotja individwali stabbiliti hawn taħt. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja se jiddeskrivu fuq is-sit web tagħhom kif l-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jistgħu jitolbu u jiġġustifikaw tali appoġġ ta’ għotja addizzjonali.

Il-finanzjament addizzjonali għall-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jista’ jiġi pprovdut ukoll minn sorsi oħra fil-livell lokali, reġjonali u/jew nazzjonali.

Fir-rigward tal-akkumpanjaturi ta’ studenti u persunal b’inqas opportunitajiet, huma intitolati li jirċievu kontribuzzjoni bbażata fuq il-kostijiet reali.

Kull istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, bl-iffirmar tal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, timpenja ruħha li tiżgura aċċess u opportunitajiet ugwali għall-parteċipanti minn kull sfond. Għaldaqstant, l-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi ta’ appoġġ li l-istituzzjoni li tilqa’ toffri lill-istudenti u lill-persunal lokali tagħha.

Kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali

Huma biss il-parteċipanti eliġibbli għal appoġġ għall-ivvjaġġar li jipparteċipaw fi proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna li huma eliġibbli għal kostijiet eċċezzjonali għall-ivjaġġar għali:

Il-benefiċjarji tal-proġetti ta’ mobbiltà se jitħallew jitolbu appoġġ finanzjarju għall-kostijiet tal-ivvjaġġar għali tal-parteċipanti skont l-intestatura tal-baġit “kostijiet eċċezzjonali” (80 % tal-kostijiet totali eliġibbli). Dan se jkun permess dment li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġġustifikaw li r-regoli tal-finanzjament (ibbażati fuq il-kostijiet unitarji għal kull medda tad-distanza tal-ivvjaġġar) ma jkoprux tal-inqas 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar.

Sorsi oħra ta’ finanzjament

Apparti l-għotja tal-UE tal-Erasmus+, jew minflok l-għotja tal-UE (parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE), l-istudenti u l-persunal jistgħu jirċievu għotja reġjonali, nazzjonali jew ta’ kwalunkwe tip ieħor, ġestita minn organizzazzjoni oħra li mhijiex l-Aġenzija Nazzjonali (eż. Ministeru jew awtoritajiet reġjonali). L-għotjiet tal-UE tal-Erasmus+ jistgħu jiġu ssostitwiti wkoll minn fondi oħra mill-baġit tal-UE (FSE, eċċ.). Dawn it-tipi ta’ għotjiet ipprovduti minn sorsi oħra ta’ finanzjament apparti l-baġit tal-UE mhumiex soġġetti għall-ammonti u l-meded minimi/massimi stabbiliti f’dan id-dokument.

B) Appoġġ ta’ għotjiet għall-mobbiltà tal-istudenti

Appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika – ammonti bażi għall-mobbiltà fit-tul

L-istudenti jistgħu jirċievu għotja ta’ appoġġ individwali bħala kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u s-sussistenza tagħhom relatati mal-perjodu ta’ studju jew mat-traineeships barra l-pajjiż.

Għall-mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-ammonti ta’ kull xahar se jiġu ddefiniti mill-Aġenziji Nazzjonali bi qbil mal-Awtoritajiet Nazzjonali, u/jew mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti kif deskritt hawn taħt. L-ammonti eżatti se jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali u tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 1415  huma maqsuma fit-tliet gruppi li ġejjin:

Grupp 1 - Pajjiżi b’għoli tal-ħajja ogħla

Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, l-Irlanda, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Iżvezja.

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 14.

Grupp 2 - Pajjiżi b’għoli tal-ħajja medju

L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja.

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 13.

Grupp 3 - Pajjiżi b’għoli tal-ħajja aktar baxx

Il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Maċedonja ta’ Fuq, it-Turkija.

L-għotja ta’ appoġġ individwali tal-UE tal-Erasmus+ li tingħata lill-istudenti se tiddependi fuq il-fluss tal-mobbiltà tagħhom bejn il-pajjiżi li jibagħtu u dawk li jilqgħu tal-istudent, kif ġej:

  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja simili: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda medja;
  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja ogħla: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda ogħla;
  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja aktar baxx: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda baxxa.

L-ammonti ddefiniti mill-Aġenziji Nazzjonali se jkunu stabbiliti fil-meded minimi u massimi li ġejjin:

  • Għotja tal-UE ta’ medda medja: medda medja, bejn EUR 260 u EUR 540 fix-xahar, se tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja simili: a) mill-Grupp 1 lejn il-Grupp 1, b) mill-Grupp 2 lejn il-Grupp 2 u c) mill-Grupp 3 lejn il-Grupp 3.
  • Għotja tal-UE ta’ medda ogħla: tikkorrispondi għall-medda medja applikata mill-Aġenzija Nazzjonali, kif ukollmill-inqas EUR 50 u bejn EUR 310 u EUR 600 fix-xahar. Din tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja ogħla: a) pajjiżi tal-Grupp 2 lejn il-Grupp 1 u b) pajjiżi tal-Grupp 3 lejn il-Grupp 1 u l-Grupp 2.
  • Għotja tal-UE ta’ medda baxxa: tikkorrispondi għall-medda medja applikata mill-Aġenzija Nazzjonali bi tnaqqis ta’ mill-inqas EUR 50 u bejn EUR 200 u EUR 490 fix-xahar. Din tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja aktar baxx: a) pajjiżi mill-Grupp 1 lejn il-Grupp 2 u 3 u b) mill-Grupp 2 lejn il-Grupp 3.

Meta jiġu ddefiniti l-ammonti li għandhom jiġu applikati mill-benefiċjarji f’pajjiżhom, l-Aġenziji Nazzjonali se jikkunsidraw żewġ kriterji speċifiċi:

  • id-disponibbiltà u l-livell ta’ sorsi oħra ta’ kofinanzjament minn korpi privati jew pubbliċi fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jissupplimentaw l-għotja tal-UE;
  • il-livell ġenerali tad-domanda tal-istudenti li beħsiebhom jistudjaw jew jirċievu taħriġ barra l-pajjiż.

Għall-attivitajiet ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu flessibbiltà lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tagħhom billi jistabbilixxu meded minflok ammonti fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet iġġustifikati, pereżempju f’pajjiżi fejn ikun disponibbli kofinanzjament fil-livell reġjonali jew istituzzjonali.

Studenti u gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jirċievu ammont supplimentari għall-appoġġ individwali tal-għotja tal-UE tal-Erasmus+ tagħhom b’ammont ta’ EUR 250 fix-xahar. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati huma ddefiniti fil-livell nazzjonali mill-Aġenziji Nazzjonali bi ftehim mal-Awtoritajiet Nazzjonali.

Studenti u gradwati reċenti fuq traineeships - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali

L-istudenti u l-gradwati reċenti li jwettqu traineeships se jirċievu ammont supplimentari addizzjonali mal-appoġġ individwali mill-għotja tal-UE tal-Erasmus+ b’ammont ta’ EUR 150 fix-xahar. L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet li jieħdu sehem fi traineeships huma intitolati li jirċievu l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet u l-ammont supplimentari għat-traineeships.

Studenti u gradwati reċenti mir-reġjuni ultraperiferiċi u mill-ptee fuq mobbiltà fit-tul

B’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti mid-distanza minn Stati Membri oħra tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-livell ekonomiku, l-istudenti u l-gradwati reċenti li jkunu qed jistudjaw jew li jkunu studjaw f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri tal-UE, u Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-Istati Membri tal-UE se jirċievu l-ammonti ogħla li ġejjin għal appoġġ individwali:

Minn

Sa

Ammont

Ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE

L-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-reġjuni 13 u 14.

EUR 700 fix-xahar

F’dan il-każ, l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet mhux se japplika. Japplika l-ammont supplimentari għat-traineeships.

Studenti u gradwati reċenti fuq mobbiltà internazzjonali fit-tul li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm 

L-ammont bażi għall-appoġġ individwali huwa stabbilit kif ġej:

Minn

Sa

Ammont

L-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-12.

EUR 700 fix-xahar

Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.

Kif deskritt hawn fuq fit-taqsima “Appoġġ ta’ għotja għall-mobbiltà tal-istudenti – Appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika”

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-12.

Grupp 1 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Grupp 2 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Grupp 3 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

EUR 900 fix-xahar

EUR 850 fix-xahar

EUR 800 fix-xahar

F’dan il-każ se japplika l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet.

L-ammont supplimentari għat-traineeships se japplika biss fil-każ ta’ mobbiltà lejn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE.

Studenti u gradwati reċenti fuq mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’  żmien qasir (mobbiltà mħallta u mobbiltà  fuq perjodu ta’ żmien qasir għal dottorat)

L-ammonti bażi għall-appoġġ individwali huma stabbiliti kif ġej:

Durata tal-attività fiżika

Ammont (kwalunkwe stat membru tal-ue u pajjiżi terzi assoċjati mal-programm jew pajjiż terz mhux assoċjat mal-programm)

Sal- 14-il jum ta’ attività

EUR 70 kull jum

mill-15-il jum sat-30 jum ta’ attività

EUR 50 kull jum

Jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar wieħed wara l-attività jistgħu jiġu koperti wkoll mill-appoġġ individwali.

Studenti u gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’ żmien qasir

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jirċievu ammont supplimentari għall-appoġġ individwali mill-għotja tal-UE tal-Erasmus+ tagħhom ta’ ammont ta’ EUR 100 għal perjodu ta’ attività ta’ mobbiltà fiżika ta’ bejn ħamest ijiem u 14-il jum u EUR 150 għal dak ta’ bejn 15 u 30 jum. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati huma ddefiniti fil-livell nazzjonali mill-Aġenziji Nazzjonali bi ftehim mal-Awtoritajiet Nazzjonali.

L-ammont supplimentari għat-traineeships mhux se japplika f’dan il-każ.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE.

Studenti u gradwati reċenti li ma jirċevux appoġġ għall-ivvjaġġar - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali għall-ivvjaġġar ekoloġiku

L-istudenti u l-gradwati reċenti li ma jirċevux appoġġ għall-ivvjaġġar jistgħu jagħżlu vjaġġar ekoloġiku. F’dan il-każ, dawn se jirċievu kontribuzzjoni unika ta’ EUR 50 bħala ammont supplimentari għall-appoġġ individwali u sa erbat ijiem ta’ appoġġ individwali addizzjonali biex ikopru l-jiem tal-ivvjaġġar għal vjaġġ ta’ ritorn, jekk rilevanti.

Appoġġ għall-ivvjaġġar

Il-parteċipanti li ġejjin se jirċievu l-ammonti ta’ appoġġ għall-ivvjaġġar ta’ hawn taħt biex jiġu appoġġati fil-kopertura tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tagħhom (bl-eċċezzjoni ta’ dawk li għalihom tapplika l-esklużjoni fakultattiva deskritta hawn taħt):

  • studenti u gradwati reċenti li jkunu qed jistudjaw jew li jkunu studjaw f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri tal-UE, f’Ċipru, l-Iżlanda, Malta, u f’Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-Istati Membri tal-UE u li sejrin lejn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 jew 14;
  • studenti u gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet fuq mobbiltà għalfuq perjodu ta’ żmien qasir; kif ukoll
  • studenti ħerġin u deħlin u gradwati reċenti fil-mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, ħlief ir-Reġjuni 13 u 14.

Distanzi tal-ivvjaġġar16

F’każ ta’ vjaġġar standard

F’każ ta’ vjaġġar ekoloġiku

Bejn 10 u 99 KM:

EUR 23 għal kull parteċipant

 

Bejn 100 u 499 KM:

EUR 180 għal kull parteċipant

EUR 210 għal kull parteċipant

Bejn 500 u 1,999 KM:

EUR 275 għal kull parteċipant

EUR 320 għal kull parteċipant

Bejn 2,000 u 2,999 KM:

EUR 360 għal kull parteċipant

EUR 410 għal kull parteċipant

Bejn 3,000 u 3,999 KM:

EUR 530 għal kull parteċipant

EUR 610 għal kull parteċipant

Bejn 4,000 u 7,999 KM:

EUR 820 għal kull parteċipant

 

8,000 KM jew aktar:

EUR 1,500 għal kull parteċipant

 

L-istudenti u l-gradwati reċenti li jagħżlu vjaġġar ekoloġiku se jirċievu sa erbat ijiem ta’ appoġġ individwali addizzjonali biex ikopru l-jiem tal-ivvjaġġar għal vjaġġ ta’ ritorn, jekk rilevanti.

Fi proġetti tal-mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna, il-benefiċjarji tal-għotjiet jistgħu jagħżlu li ma jipprovdux appoġġ għall-ivvjaġġar għall-istudenti eliġibbli kollha u għall-gradwati reċenti kollha fuq mobbiltà mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm lil pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet mhumiex inklużi f’din l-esklużjoni fakultattiva u dejjem iridu jirċievu appoġġ għall-ivvjaġġar.

C) appoġġ tal-għotja għall-mobbiltà tal-persunal

Il-persunal se jirċievi għotja mill-UE bħala kontribuzzjoni għall-kostijiet tiegħu għall-ivvjaġġar u s-sussistenza matul il-perjodu barra l-pajjiż kif ġej:

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-ivvjaġġar

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Il-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, mill-post tal-oriġini tagħhom għall-post tal-attività u lura.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. L-applikant irid jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività17  billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea18 .

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar standard

Vjaġġar ekoloġiku

10 – 99 km

EUR 23

 

100 – 499 km

EUR 180

EUR 210

500 – 1,999 km

EUR 275

EUR 320

2,000 – 2,999 km

EUR 360

EUR 410

3,000 – 3,999 km

EUR 530

EUR 610

4,000 – 7,999 km

EUR 820

 

8,000 km jew aktar

EUR 1,500

 

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbutin direttament mas-sussistenza tal-parteċipanti matul l-attività.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant (jekk ikun hemm bżonn, inkluż ukoll jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar ieħor wara l-attività)

Il-persunal li jagħżel l-ivvjaġġar ekoloġiku se jirċievi sa erbat ijiem ta’ appoġġ individwali addizzjonali biex ikopri l-jiem tal-ivvjaġġar għal vjaġġ ta’ ritorn, jekk rilevanti.

Ammont

Sal- 14-il jum ta’ attività: tabella A1.1, kull jum għal kull parteċipant mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programm jew it-tabella A1.2, kull jum għal kull parteċipant minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm

bejn il-15-il jum u s-60 jum ta’ attività: 70 % tat-tabella A1.1, kull jum għal kull parteċipant mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programm jew 70 % tat-tabella A1.2, kull jum għal kull parteċipant minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm

Tabella A – Appoġġ individwali (ammonti f’euro għal kull jum)

L-ammonti jiddependu fuq il-pajjiż li jilqa’. Dawn l-ammonti jiġu stabbiliti fil-meded minimi u massimi pprovduti fit-tabella ta’ hawn taħt. Meta jiġu ddefiniti l-ammonti li għandhom jiġu applikati mill-benefiċjarji f’pajjiżhom, l-Aġenziji Nazzjonali, bi qbil mal-Awtoritajiet Nazzjonali, se jikkunsidraw żewġ kriterji speċifiċi:

  • id-disponibbiltà u l-livell ta’ sorsi oħra ta’ kofinanzjament minn korpi privati jew pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jissupplimentaw l-għotja tal-UE;
  • il-livell ġenerali tad-domanda tal-persunal li għandu l-ħsieb li jgħallem jew jirċievi taħriġ barra l-pajjiż.

L-istess perċentwal fil-medda għandu jiġi applikat għall-pajjiżi destinatarji kollha. Mhuwiex possibbli li jingħata l-istess ammont għall-pajjiżi destinatarji kollha.

Pajjiż li jilqa’

Persunal mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Persunal minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm

 

Minimu-Massimu (għal kull jum)

Ammont (għal kull jum)

 

A1.1

A1.2

In-Norveġja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit, l-Iżlanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Liechtenstein

80-180

180

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 14

80-180

Mhux eliġibbli

In-Netherlands, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Ċipru, il-Greċja, Malta, il-Portugall

70-160

160

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 13

70-160

Mhux eliġibbli

Is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Kroazja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, it-Turkija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja

60-140

140

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-12

180

Mhux eliġibbli

Għall-attivitajiet ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu flessibbiltà lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tagħhom billi jistabbilixxu meded minflok ammonti fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet iġġustifikati, pereżempju f’pajjiżi fejn ikun disponibbli kofinanzjament fil-livell reġjonali jew istituzzjonali. L-ammonti eżatti se jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ kull Aġenzija Nazzjonali u tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

D) Livell ta’ appoġġ finanzjarju għall-istudenti u l-persunal definit mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-konsorzji tal-mobbiltà

Fil-każijiet kollha, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-konsorzji tal-mobbiltà se jkunu meħtieġa jirrispettaw il-prinċipji u l-kriterji li ġejjin meta jiddefinixxu u/jew japplikaw ir-rati tal-UE fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom:

  • Ladarba r-rati jkunu ġew iddefiniti mill-istituzzjonijiet/il-konsorzji, dawn għandhom jibqgħu l-istess matul id-durata tal-proġett ta’ mobbiltà. Mhuwiex possibbli li jitnaqqas jew jiżdied il-livell ta’ għotjiet fl-istess proġett.
  • Ir-rati jridu jiġu ddefiniti u/jew applikati b’mod oġġettiv u trasparenti, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji kollha u l-metodoloġija deskritta hawn fuq (jiġifieri b’kunsiderazzjoni tal-fluss tal-mobbiltà kif ukoll il-finanzjament speċifiku addizzjonali).
  • L-istess livell ta’ għotja jrid jingħata lill-istudenti kollha li jmorru fl-istess grupp ta’ pajjiżi għall-istess tip ta’ mobbiltà – studji jew traineeships (ħlief għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jew minn Stati Membri tal-UE ultraperiferiċi u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, reġjuni ultraperiferiċi u PTEE).

E) Programmi intensivi mħallta

Kategorija tal-baġit - Appoġġ organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbuta b’mod dirett mal-organizzazzjoni tal-programmi intensivi (bl-esklużjoni tal-kostijiet tas-sussistenza u tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja (studenti) iffinanzjati minn proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna, mingħajr ma jitqiesu l-għalliema/il-ħarrieġa involuti fit-twettiq tal-programm.

L-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li tikkoordina tapplika għall-appoġġ tal-organizzazzjoni f’isem il-grupp ta’ istituzzjonijiet li jorganizzaw b’mod konġunt il-programm intensiv imħallat.

Ammont

EUR 400 għal kull parteċipant, b’minimu ta’ 15-il parteċipant u massimu ta’ 20 parteċipant iffinanzjat.

L-għotja ta’ appoġġ organizzazzjonali għal programmi intensivi mħallta hija kontribuzzjoni għal kwalunkwe kost imġarrab mill-istituzzjonijiet involuti fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-programmi intensivi mħallta, bħall-kostijiet relatati mat-tħejjija, id-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-programmi, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet fiżiċi u virtwali/remoti kif ukoll il-ġestjoni u l-koordinazzjoni kumplessivi.

Il-HEI li tikkoordina hija responsabbli għall-kondiviżjoni tal-għotja ta’ appoġġ organizzazzjonali għal programmi intensivi mħallta fost is-sħubija fejn jiġġarrbu l-kostijiet imsemmija hawn fuq.

  • 1 https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/applicants/higher-education-charter_mt
  • 2 https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-charter-higher-education-2021-2027-guidelines_mt
  • 3 https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/eche/start_mt
  • 4 L-iskeda ta’ żmien għad-diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà fil-każ ta’ mobbiltà internazzjonali qed tiġi żviluppata aktar mill-Kummissjoni Ewropea u se tiġi kkomunikata fi stadju aktar tard.
  • 5 Kwalunkwe traineeship għall-istudenti se jitqies bħala “traineeship fil-ħiliet diġitali” meta waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin tiġi pprattikata mit-trainee: il-kummerċjalizzazzjoni diġitali (pereżempju l-ġestjoni tal-media soċjali, l-analitika tal-web); id-disinn grafiku, mekkaniku jew arkitettoniku diġitali; l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet, software, kitbiet, jew siti web; l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi u n-networks tal-IT; iċ-ċibersigurtà; l-analitika tad-data, l-estrazzjoni u l-viżwalizzazzjoni; l-ipprogrammar u t-taħriġ tar-robots u l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali. L-appoġġ ġeneriku tal-klijent, it-twettiq tal-ordni, id-dħul tad-data jew il-kompiti tal-uffiċċju ma jitqisux f’din il-kategorija.
  • 6 Il-post-docs jistgħu jipparteċipaw fi traineeships bl-istess rekwiżiti bħal kwalunkwe gradwat reċenti ieħor fi żmien 12-il xahar minn meta jkunu gradwaw. Għal dawk il-pajjiżi li fihom il-gradwati jridu jirreġistraw f’servizz militari jew fis-servizz ċivili obbligatorju wara li jkunu ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jiġi estiż bid-durata ta’ dak is-servizz.
  • 7 Għad-definizzjoni tar-reġjuni ara t-taqsima “pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-gwida.
  • 8 Intestatura 2 tal-baġit tal-UE - Koeżjoni, reżiljenza u valuri
  • 9 It-tipi ta’ organizzazzjonijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli bħala organizzazzjonijiet li jilqgħu għall-mobbiltà tal-istudenti għat-traineeships: L-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħra tal-UE inklużi l-aġenziji speċjalizzati (il-lista eżawrjenti tagħhom hija disponibbli fuq is-sit web - http://europa.eu/european-union/about-eu/institutions-bodies_mt); l-organizzazzjonijiet li jiġġestixxu l-programmi tal-UE bħall-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ (sabiex jiġu evitati kunflittita’ interessi possibbli u/jew finanzjament doppju).
  • 10 L-esperjenza preċedenti taħt il-Programm Erasmus+ u/jew bħala detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-Erasmus Mundus tgħodd mat-12-il xahar għal kull ċiklu ta’ studju.
  • 11 Fi programmi ta’ studju ta’ ċiklu wieħed, bħall-mediċina, l-istudenti jistgħu jkunu mobbli sa 24 xahar.
  • 12 Fil-każ ta’ fergħat ta’ kampusijiet li jiddependu mill-istituzzjoni prinċipali u li huma koperti bl-istess ECHE, il-pajjiż li fih tinsab l-istituzzjoni prinċipali se jitqies bħala l-pajjiż li jibgħat. Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġu organizzati mobbiltajiet tal-Erasmus+ bejn fergħat ta’ kampusijiet u l-istituzzjoni prinċipali koperti mill-istess ECHE.
  • 13 għal dawk il-pajjiżi li fihom il-gradwati jridu jirreġistraw f’servizz militari jew fis-servizz ċivili obbligatorju wara li jkunu ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jiġi estiż bid-durata ta’ dak is-servizz.
  • 14 Il-lista tal-pajjiżi li għalihom japplika dan ir-rekwiżit tista’ tinsab fil-Lista tal-Pajjiżi tad-DAC li jirċievu l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp DAC-List-ODA-Recipients-for-reporting-2021-flows.pdf (oecd.org)  
  • 15 Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-reġjuni 13 u 14 huma biss pajjiżi li jilqgħu.
  • 16 Abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant. Id-distanzi tal-ivvjaġġar iridu jiġu kkalkulati billi jintuża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm). Id-distanza ta’ vjaġġ f’direzzjoni waħda trid tintuża biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-għotja tal-UE li se tappoġġa l-vjaġġ ’l hemm u lura.
  • 17 Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km).
  • 18 http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm
Tagged in:  Higher education