Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Boroż ta’ studju tal-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus

Profil tal-applikant

Studenti fil-livell ta’ masters mid-dinja kollha jistgħu japplikaw. Irid ikollok baċellerat (l-ewwel lawrja) jew tkun fl-aħħar sena ta’ studji ta’ baċellerat u gradwat qabel ma jibda l-programm tal-Masters.

Tista’ tapplika wkoll jekk turi livell ekwivalenti ta’ tagħlim ta’ baċellerat. Dan għandu jiġi rikonoxxut uffiċjalment, skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, fil-pajjiż li jagħti l-lawrja.

Dwar il-boroż ta’ studju tal-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus

Il-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus huma programmi ta’ studju integrati u ta’ livell għoli fil-livell ta’ masters. Huma mfasslin u mwasslin minn sħubija internazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEI). Dawn jinvolvu mill-anqas tliet istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn tliet pajjiżi differenti, li mill-anqas tnejn minnhom iridu jkunu Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (preċedentement imsejħa Pajjiżi tal-Programm).

Billi tappoġġja dawn il-lawrji ta’ Masters rikonoxxuti b’mod konġunt, l-UE għandha l-għan li trawwem l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet parteċipanti. Hemm ukoll boroż ta’ studju għall-istudenti biex jieħdu sehem f’dawn il-programmi prestiġjużi; il-masters infushom joffruhom lill-applikanti bl-ogħla klassifikazzjoni madwar id-dinja.

Il-boroż ta’ studju jkopru l-ispiża tal-parteċipazzjoni tal-istudent fil-programm, l-ivvjaġġar, u allowance tal-għajxien.

Attivitajiet u eżiti

Il-programm ikopri l-perjodu tal-istudju, ir-riċerka, l-attivitajiet ta’ kollokament, it-tħejjija tat-teżi u d-difiża tagħha, f’konformità mar-rekwiżit tal-Masters konġunt. Dan tal-aħħar jinkludi mill-anqas 2 perjodi ta’ studju fiż-żewġ pajjiżi li jridu jkunu differenti mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek. Il-Masters Konġunti tal-Erasmus Mundus joffru mogħdijiet ta’ studju differenti biex jissodisfaw din il-kundizzjoni.

Tul ta’ żmien tal-masters: minn sena sa sentejn akkademiċi (60, 90 jew 120 kreditu tal-ECTS)

Tip ta’ lawrja mogħtija: jew ta’ lawrja konġunta (jiġifieri ċertifikat wieħed ta’ lawrja li joħroġ f’isem ta’ mill-anqas żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja) jew lawrji multipli (jiġifieri tal-anqas żewġ ċertifikati tal-lawrja li joħorġu minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-konsorzju).

Applikazzjonijiet u aktar informazzjoni

Għandek tikkonsulta l-katalgu online tal-programmi ta’ masters Erasmus Mundus. Hemmhekk issib informazzjoni dettaljata dwar dawn il-programmi ffinanzjati mill-UE u link għas-siti web tal-masters. Dawn tal-aħħar fihom l-informazzjoni kollha li għandek bżonn biex tiddeċiedi jekk dan hux il-programm it-tajjeb għalik: deskrizzjoni tal-kors ta’ studju, lista tal-universitajiet parteċipanti u r-rekwiżiti tad-dħul.

Is-sit web tal-programm se jieħdok ukoll tul il-passi kollha tal-proċess ta’ applikazzjoni. Toqgħodx lura milli tikkuntattja direttament lill-università rilevanti jekk ikollok aktar mistoqsijiet.

Kull sena jiżdied mal-lista lott ġdid ta’ Masters tal-Erasmus Mundus magħżulin. Il-maġġoranza tal-konsorzji jeħtieġu li jintbagħtu l-applikazzjonijiet bejn Ottubru u Jannar, għal korsijiet li jibdew is-sena akkademika ta’ wara.

Riżorsi oħrajn

Ara li tkun taf id-drittijiet tiegħek meta tistudja f’pajjiż barrani.

L-EMA (Assoċjazzjoni tal-Erasmus Mundus) hi l-assoċjazzjoni tal-alumni speċifika għal-lawrji ta' master konġunti. Is-sit web tagħhom joffri pariri u ispirazzjoni għall-applikanti.

L-ESAA - l-Alleanza tal-Istudenti u l-Alumni tal-Erasmus+ toffri lill-istudenti u l-alumni tal-Erasmus+ forum dinamiku għal networking, żvilupp professjonali u skambju interkulturali.

Il-kandidati għad-dottorat jistgħu jirċievu wkoll appoġġ mill-UE għal perjodi ta' riċerka barra l-pajjiż permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.