Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Networks Jean Monnet f’oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ

In-networks tal-iskejjel u/jew tal-fornituri tal-VET għandhom iservu l-għan li jagħtu aspett internazzjonali lill-fergħa l-ġdida Jean Monnet u jippermettu l-iskambju ta’ prattiki tajba kif ukoll li jesperjenzaw it-tagħlim konġunt fi ħdan grupp ta’ pajjiżi.

L-attivitajiet se jiffaċilitaw il-fehim komuni dwar il-metodoloġiji tal-apprendiment dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea fost il-prattikanti li jaħdmu f’kuntest differenti, li jiffaċċjaw sfidi u limitazzjonijiet differenti minħabba l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-istruttura tal-kurrikuli.

L-għan tan-network se jkun doppju. Minn naħa waħda, l-iskejjel/il-fornituri tal-VET se jiskambjaw l-informazzjoni u l-prattiki dwar xiex u kif itejbu l-għarfien tal-istudenti tagħhom dwar l-UE. Min-naħa l-oħra, l-għalliema jista’ jkollhom esperjenzi ta’ mobbiltà ta’ ftit jiem biex jorganizzaw u jwettqu attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ tutoraġġ konġunti mas-sħab tagħhom.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

In-Networks Jean Monnet għandhom l-għan li jikkostitwixxu l-appoġġ għall-iskejjel u l-fornituri tal-VET biex jagħtu spinta lill-għarfien dwar kif għandhom jgħallmu s-suġġetti dwar l-Unjoni Ewropea, huma se jagħtu wkoll xeħta internazzjonali lill-eżerċizzju tal-apprendiment.

L-iskambju tal-għarfien tal-għalliema (il-ħidma kollaborattiva fuq suġġetti speċifiċi u fuq metodoloġiji, l-esperjenzi ta’ tagħlim konġunt, l-attivitajiet komuni huma l-bażi tal-attivitajiet tan-network. Pereżempju:

  • L-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u l-promozzjoni tar-riżultati tal-metodoloġiji applikati;
  • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn skejjel/fornituri tal-VET differenti li tagħtihom l-esperjenza internazzjonali u l-pożizzjoni Ewropea;
  • L-iskambju tal-għarfien u l-mobbiltà għat-tagħlim konġunt;
  • It-trawwim tal-kooperazzjoni u l-ħolqien ta’ pjattaforma tal-għarfien solida u sostenibbli fost l-iskejjel u l-fornituri tal-VET.

LIEMA HUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦAN-NETWORKS JEAN MONNET F’OQSMA OĦRA TAL-EDUKAZZJONI U T-TAĦRIĠ?

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Min jista’ japplika?

Skola waħda jew istitut wieħed tal-VET stabbilit f’Pajjiż tal-Programm ta’ Erasmus+ f’isem is-sħab fin-network propost.

Organizzazzjonijiet parteċipanti

Skejjel u fornituri tal-VET (livelli ISCED 1 sa 4) stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm Erasmus+.

Huma għandhom jiżguraw li l-akbar numru possibbli ta’ studenti jibbenefikaw mill-attivitajiet tagħhom

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Minimu ta’ 5 skejjel u/jew fornituri tal-VET stabbiliti f’mill-inqas 3 Pajjiżi differenti tal-Programm ta’ Erasmus+.

Durata tal-proġett

3 snin

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA)

ID tas-sejħa: ERASMUS-JMO-2021-SCHOOLS-NET

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-2 ta’ Ġunju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

In-Networks Jean Monnet iridu jirrispettaw waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

  • jiġbru u jiddiskutu l-metodoloġiji tat-tagħlim għall-attivitajiet kurrikulari u extrakurrikulari;
  • jiġbru u jikkondividu prattiki tajba dwar l-apprendiment dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea;
  • jorganizzaw it-tagħlim konġunt u esperjenzi ta’ tagħlim kollaborattiv kemm permezz tal-mobbiltà kif ukoll online.

Dan ta’ hawn fuq jista’ jsir permezz ta’:

  • Il-produzzjoni ta’ dokumenti u gwida għat-tixrid ta’ prattiki tajbin;
  • Laqgħa fiżika u online;
  • It-tagħlim konġunt u t-tagħlim kollaborattiv.

IMPATT MISTENNI

Kwantitattiv

  • in-numru ta’ benefiċjarji skont il-Pajjiż / ir-Reġjun tal-Programm

Kwalitattiv

In-Network Jean Monnet huwa mistenni li jġib effetti pożittivi u fit-tul għall-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni tal-VET, u jipprovdi lill-parteċipanti għarfien dwar prattiki ta’ suċċess biex jinġiebu fatti u għarfien dwar l-Unjoni Ewropea lill-istudenti.

In-Networks se jżidu l-opportunitajiet għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ġenerali u l-istituti tal-VET biex jestendu l-attivitajiet tagħhom li jintegraw il-kontenut tal-Unjoni Ewropea.

L-attivitajiet appoġġati min-Networks Jean Monnet jimmiraw ukoll li jipproduċu l-eżiti li ġejjin fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti:

  • kapaċità akbar biex is-suġġetti tal-UE jiġu integrati fl-attivitajiet tagħhom;
  • esponiment internazzjonali msaħħaħ.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Il-punt sa fejn il-proposta tilħaq l-għanijiet tal-azzjoni Jean Monnet:
  • tindirizza l-Istudji tal-UE (kif deskritt fil-paragrafu introduttorju);
  • tippermetti lill-għalliema fl-iskejjel jiżviluppaw ħiliet ġodda;
  • jgħin fl-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki dwar x’jagħmlu u kif jagħmlu lill-istudenti tagħhom isiru aktar konxji dwar l-UE;
  • jiffaċilita l-esperjenzi ta’ mobbiltà tal-għalliema biex jipprovdu kotagħlim / kotutoraġġ mas-sħab tagħhom;
  • iġib miegħu fehim aħjar tal-UE u tal-funzjonament tagħha;
  • tippermetti lill-għalliema jintroduċu kontenut tal-UE fl-attivitajiet tagħhom.
  • Kemm il-proposta tilħaq il-gruppi prijoritarji fil-mira:
    • skejjel u fornituri tal-VET (ISCED 1 – 4)
    • Għalliema
    • Studenti

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Metodoloġija: il-kwalità, in-novità u l-fattibbiltà tal-attivitajiet proposti.
  • Kemm il-programm ta’ ħidma
  • Huwa ppreżentat b’mod ċar, komplet u koerenti, b’attenzjoni xierqa mogħtija biex jiġi ppreżentat l-ippjanar xieraq tal-fażijiet ta’ tħejjija, implimentazzjoni, evalwazzjoni, segwitu u tixrid;
  • juri koerenza mal-għanijiet u l-attivitajiet tal-proġett.
  • Il-punt sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-għanijiet u r-riżultati tanġibbli tagħhom.
  • Strateġija ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Organizzazzjoni interna tas-sħubija:
    • Il-pertinenza u l-komplementarjetà tal-profil u l-għarfien espert tal- parteċipanti involuti fl-attivitajiet proposti, f’termini ta’ Studji tal-Unjoni Ewropea (kif deskritt fil-paragrafu introduttorju) u f’termini tat-tema speċifika indirizzata mill-proposta.
  • L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u d-distribuzzjoni tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • L-impatt mistenni tan-networks li jkollu effetti fit-tul
  • fuq l-iskejjel u l-fornituri tal-VET:
  • kapaċità akbar biex jgħallmu fuq is-suġġetti dwar l-UE;
  • kontenut innovattiv fl-iżvilupp ta’ angoli ġodda tas-suġġetti tal-UE fl-iskejjel;
  • kooperazzjoni u kapaċità msaħħa biex jingħaqdu ma’ sħab;
  • żieda fl-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għat-tagħlim dwar suġġetti tal-UE fi ħdan l-istituzzjoni.
  • dwar l-għalliema involuti direttament u indirettament fin-networks:
  • It-tisħiħ tal-ħiliet tagħhom dwar kwistjonijiet tal-UE u l-progress fit-twassil tal-kontenut tal-UE fl-attivitajiet tagħhom.
  • Tixrid u komunikazzjoni:
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri li għandhom l-għan li jxerrdu l-eżiti tal-attivitajiet fi ħdan u barra l-istituzzjoni involuta fin-networks:
  • iqajmu kuxjenza dwar l-attivitajiet u r-riżultati, itejbu l-viżibilità tal-parteċipanti u tal-organizzazzjonijiet;
  • jilħqu gruppi barra mill-iskejjel u l-fornituri tal-VET.
  • Kemm it-tixrid tal-għodod previsti se jilħaq l-udjenza fil-mira permezz ta’:
      • esponiment fil-midja (inkluż il-midja soċjali, pubblikazzjonijiet, eċċ.);
      • avvenimenti.
  • Sostenibbiltà u kontinwazzjoni: il-proposta tinkludi miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji tal-proġett se jiġu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett.

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jġibu punteġġ totali ta’ mill-inqas 70 punt u mill-inqas 15-il punt f’kull kriterju għall-għoti. Il-proposti ex aequo fi ħdan l-istess suġġett se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità awtorizzanti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-kull proġett hija ta’ EUR 300 000

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti għandhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  1. Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni ta’ avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  2. Il-proposta għandha tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  3. L-applikanti għandhom jipprovdu fil-proposta tagħhom tqassim tal-ispejjeż stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  4. L-ispejjeż jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, l-ispejjeż tat-tagħmir u tas-sottokuntrattar kif ukoll spejjeż oħra (bħat-tixrid tal-informazzjoni, pubblikazzjoni jew traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna ta’ esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 80 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal awtorizzanti se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, l-ispejjeż totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq ir-riżultati aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-ilħuq ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim tal-Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

table, td, tr{border: 1px solid black; cellpadding="1"; cellspacing="1";} table{margin-bottom: 30px;}