Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Żgħażagħ Ewropej Flimkien

Il-proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien għandhom l-għan li joħolqu networks li jippromwovu sħubijiet reġjonali, li għandhom jitmexxew b’kooperazzjoni mill-qrib maż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa (Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-programm). In-networks għandhom jorganizzaw skambji, jippromwovu t-taħriġ (pereżempju għall-mexxejja taż-żgħażagħ) u jippermettu liż-żgħażagħ infushom biex jistabbilixxu proġetti konġunti, li kollha kemm huma jistgħu jsiru permezz ta’ attivitajiet fiżiċi kif ukoll online.

Objettivi tal-azzjoni

Il-proġetti Żgħażagħ Ewropej Flimkien għandhom l-għan li joħolqu kooperazzjoni, li jippermettu liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa jistabbilixxu proġetti konġunti, jorganizzaw skambji u jippromwovu taħriġ (eż. għall-mexxejja taż-żgħażagħ/għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ) kemm permezz ta’ attivitajiet fiżiċi kif ukoll online. L-azzjoni se tappoġġa sħubijiet tranżnazzjonali għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kemm mil-livell lokali kif ukoll minn dak fuq skala kbira, bl-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet tagħhom.

Prijoritajiet tematiċi importanti qed jaħdmu mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall- 2019-20271  u l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ u jippromwovuhom. L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ huma riflessi wkoll fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni tal-President von der Leyen2 . Il-proposti tal-proġetti jistgħu jittrattaw ukoll il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u l-eżiti tal-“Konferenza għall-Futur tal-Ewropa”. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024 huma rilevanti fil-kuntest ta’ din l-azzjoni.

In-networks taż-żgħażagħ għandhom iqisu modi ta’ kif titrawwem is-solidarjetà u l-inklużività fl-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.

Objettivi speċifiċi

L-azzjoni tfittex li tappoġġa speċifikament mill-inqas wieħed mill-objettivi speċifiċi li ġejjin:

  • il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni strutturata aktar tranżnazzjonali, online u offline, bejn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ differenti sabiex jibnu jew isaħħu sħubijiet li jiffokaw fuq is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva ta’ kulħadd f’kuntest ta’ pressjoni fuq l-istrutturi soċjoekonomiċi u f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, l-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022.
  • il-promozzjoni tas-sitt valuri ewlenin tal-UE3  li jifformaw il-bażi tas-soċjetà tagħna: Ir-Rispett għad-dinjità tal-bniedem; il-Libertà, id-Demokrazija; l-Ugwaljanza, l-Istat tad-dritt u r-Rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tal-minoranzi.
  • l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ involuti f’inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-proċess demokratiku u fis-soċjetà billi jorganizzaw taħriġ, juru l-aspetti komuni fost iż-żgħażagħ Ewropej u jinkoraġġixxu diskussjoni u dibattitu dwar il-konnessjoni tagħhom mal-UE, il-valuri u l-pedamenti demokratiċi tagħha. Dan jinkludi l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bħala tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew u lil hinn minnhom, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ gruppi mhux irrappreżentati biżżejjed ta’ żgħażagħ fil-politika, fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u f’organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili billi jiġu involuti żgħażagħ b’inqas opportunitajiet bħal żgħażagħ vulnerabbli u żvantaġġati mil-lat soċjoekonomiku;
  • modi ġodda biex tingħata s-setgħa lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, billi jiġu appoġġati modi innovattivi ta’ kooperazzjoni u l-ħolqien, l-iżvilupp u l-ġestjoni tan-network. B’mod indikattiv, dan jista’ jinkludi t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’kuntest diġitali bl-użu ta’ metodi ta’ apprendiment mhux formali rilevanti u mudelli organizzattivi li jinkludu modi alternattivi ta’ skambji u għajnuna reċiproka.
  • it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali, inklużi attivitajiet dwar kif wieħed jista’ jgħix aħjar flimkien u jgħin fit-tfassil ta’ modi futuri sostenibbli ta’ għajxien b’mod tranżnazzjonali, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

Attivitajiet

L-azzjoni għandha fil-mira tagħha l-NGOs (mhux għall-profitt) u l-korpi pubbliċi, li jipproponu proġetti b’kapaċità li jimmobilizzaw liż-żgħażagħ fi sħubijiet li jkopru pajjiżi u reġjuni differenti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, il-formulazzjoni tal-politika u l-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-qasam taż-Żgħażagħ.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ jistgħu jifformaw komponent ewlieni tal-proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien. Din il-mobbiltà għandha toffri skambji transfruntiera u opportunitajiet ta’ taħriġ mhux formali jew informali għaż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa li jistgħu jitħejjew u jiġu appoġġati permezz ta’ fora online sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ din l-azzjoni. Dawn l-attivitajiet ta’ mobbiltà jridu jkunu ġġustifikati b’mod ċar ħafna skont l-objettivi tal-azzjoni u l-prinċipji tal-valur għall-flus. L-attivitajiet kollha għandhom jikkontribwixxu għat-twessigħ tas-sensibilizzazzjoni lejn iż-żgħażagħ, filwaqt li jilħqu liż-żgħażagħ kemm fi ħdan l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll lil hinn minnhom inklużi ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, biex jiġi żgurat li tinstema’ diversità ta’ vuċijiet4 .

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-azzjoni fil-livell lokali żgħażagħ Ewropej flimkien?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Żgħażagħ Ewropej Flimkien iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (Min jista’ japplika?)

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk ikun hemm) iridu jkunu:

  • entitajiet legali;
  • stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
  • NGOs (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ u Kunsilli nazzjonali taż-Żgħażagħ) li jaħdmu fil-qasam taż-Żgħażagħ;
  • Awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;

Kumpaniji pubbliċi jew privati (intrapriżi żgħar, medji jew kbar (inklużi intrapriżi soċjali) jistgħu jipparteċipaw ukoll iżda mhux bħala koordinaturi.

Il-benefiċjarji jistgħu, pereżempju, ikunu:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ);
  • Kunsill nazzjonali taż-Żgħażagħ;
  • awtorità pubblika fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • istituzzjoni tal-edukazzjoni jew tar-riċerka;
  • fondazzjoni.

Kompożizzjoni tal-konsorzju (Numru u profil tal-organizzazzjoni parteċipanti)

Il-proposti jridu jiġu sottomessi minn konsorzju ta’ minimu ta’ ħames applikanti (benefiċjarji, mhux entitajiet affiljati) minn mill-inqas ħames Stati Membri tal-UE u/jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Sħab assoċjati huma permessi. L-entitajiet affiljati u s-sħab assoċjati ma jgħoddux mal-kriterji minimi ta’ eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.

Post ġeografiku (Post tal-attivitajiet)

L-attivitajiet iridu jsiru fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm;.

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti għandhom idumu 24 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell.

L-istess organizzazzjoni tista’ tissottometti applikazzjoni waħda biss sal-iskadenza.

ID tas-Sejħa: ERASMUS-YOUTH-2024-YOUTH-TOG

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-7 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Kif napplika?

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett “Żgħażagħ Ewropej Flimkien” jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament eż.

  1. Identifikazzjoni u bidu tal-proġett;
  2. It-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġetti;
  3. L-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet;
  4. Ir-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.
  • Identifikazzjoni u bidu; Identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u iġbor flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.;
  • Tħejjija, tfassil u ppjanar; speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq; iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jinkisbu, li huma rilevanti u marbuta mal-ħin); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni tal-arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.;
  • Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet: it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi biex jindirizzaw devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jindirizzaw kwistjonijiet u riskji; l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.;
  • Rieżami u valutazzjoni tal-impatt: il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, il-kondiviżjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:

Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-“proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien” matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar lill-parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.

Bħala prinċipju trażversali, l-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom isegwu strateġiji biex jingħaqdu maż-żgħażagħ fil-livell lokali minn diversità ta’ sfondi. Dan ikopri l-involviment ta’ popolazzjoni diversa taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, inklużi dawk minn żoni remoti/rurali u/jew bi sfond ta’ migrazzjoni. Għalhekk, l-attivitajiet kollha għandhom jikkontribwixxu biex titwessa’ kemm is-sensibilizzazzjoni lejn iż-żgħażagħ kif ukoll l-involviment attiv tagħhom biex jiġi żgurat li titlaqqa’ flimkien diversità ta’ ilħna.

Dimensjoni diġitali

Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal proġetti ta’ suċċess. B’mod partikolari, il-proġetti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija għaż-Żgħażagħ sabiex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett.

Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni

Il-proġetti se jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-etika, kif ukoll irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. L-enfasi se tkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Skop u valur miżjud tal-UE: il-proposta tistabbilixxi u tiżviluppa proġett ta’ valur miżjud tal-UE li jappoġġa politiki fil-livell tal-UE rilevanti għaż-żgħażagħ – b’mod partikolari l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, eż. l-appoġġ għall-ħolqien/l-implimentazzjoni ta’ politiki, id-diskussjoni dwar il-politika u kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati taż-żgħażagħ f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ.
  • Il-Valuri tal-UE: Il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Objettivi: l-objettivi tal-proposta huma rilevanti għal mill-inqas wieħed mill-objettivi ġenerali tal-azzjoni u mill-inqas wieħed mill-objettivi speċifiċi tagħha; barra minn hekk, l-objettivi tal-proposta huma speċifiċi u definiti b’mod ċar, jistgħu jinkisbu, jistgħu jitkejlu, huma realistiċi u f’waqthom; dawn jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u ta’ valur miżjud ċar għall-gruppi fil-mira magħżula.
  • Ħtiġijiet: il-proposta turi li hija bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet ibbażata kemm jista’ jkun fuq fatti u ċifri verifikabbli appoġġati minn data ġenerali u speċifika rilevanti għall-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet kollha fil-konsorzju. Hija mistennija analiżi ċara tal-ħtiġijiet li torbot mar-realtajiet konkreti tal-applikanti, tas-sħab u tal-gruppi fil-mira.
  • Involviment taż-żgħażagħ: il-proposta turi involviment attiv tas-sħubija ma’ popolazzjoni diversa taż-żgħażagħ inklużi dawk minn żoni remoti/rurali u/jew b’inqas opportunitajiet.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • L-ippjanar: Il-proposta hija ċara, kompluta u ta’ kwalità għolja u tinkludi fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġett abbażi ta’ metodoloġiji robusti ta’ ġestjoni tal-proġetti.
  • Metodoloġija: L-implimentazzjoni hija bbażata fuq metodoloġiji xierqa; l-objettivi huma konsistenti mal-attivitajiet u huma deskritti b’mod ċar, b’rabtiet loġiċi bejn il-problemi, il-ħtiġijiet u s-soluzzjonijiet identifikati; il-pjan ta’ ħidma huwa koerenti u konkret; hemm miżuri u indikaturi xierqa ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-proġett jiġi implimentat kif xieraq bil-kwalità meħtieġa, fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-ħin u skont il-baġit; hemm pjanijiet konkreti u xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontinġenza.
  • Kosteffettività: il-baġit propost huwa koerenti, dettaljat biżżejjed, adattat għall-implimentazzjoni tal-proġett u mfassal biex jiżgura l-aħjar valur għall-flus. Ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom. Il-baġit jaqdi l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ bażi u taż-żgħażagħ vulnerabbli biex iħeġġeġ l-inklużjoni tagħhom fil-programm Erasmus+.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Profil ta’ sħubija: is-sħubija tinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet komplementari bil-profili, il-ħiliet, l-esperjenza, l-għarfien espert u l-appoġġ għall-ġestjoni neċessarji meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tagħha; il-valur miżjud tal-organizzazzjonijiet għall-profitt jintwera b’mod ċar, jekk ikunu involuti fil-konsorzju.
  • Firxa ġeografika: is-sħubija turi l-kapaċità li tirrifletti d-diversità ekonomika, soċjali u/jew kulturali Ewropea permezz tal-firxa ġeografika tagħha sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni verament pan-Ewropea.
  • Żvilupp tal-NGOs lokali: is-sħubija għandha l-kapaċità li tiżviluppa l-kapaċitajiet u l-għarfien tal-NGOs lokali li ma humiex diġà stabbiliti sew fil-livell Ewropew biex tinkiseb kollaborazzjoni msaħħa bejn il-pari bejn l-NGOs madwar l-Ewropa.
  • Impenn u kompiti: id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti fis-sħubija hija ċara u xierqa; il-koordinatur juri ġestjoni ta’ kwalità għolja u potenzjal għall-koordinazzjoni tan-networks tranżnazzjonali u ta’ tmexxija f’ambjenti kumplessi; iż-żgħażagħ huma involuti b’mod xieraq fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġett.
  • Arranġamenti ta’ kooperazzjoni: il-mekkaniżmi ta’ governanza proposti se jiżguraw koordinazzjoni effettiva, teħid ta’ deċiżjonijiet, komunikazzjoni u riżoluzzjoni tal-konflitti bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħrajn.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Impatt u Sostenibbiltà: Il-proposta tidentifika perkorsi biex tikkontribwixxi għal mill-inqas wieħed mill-oqsma ta’ impatt mistennija tal-azzjoni. Il-passi lejn il-kisba tal-impatt(i) mistenni(ja) tal-proġett huma identifikati b’mod ċar, loġiċi u kredibbli. Barra minn hekk, l-eżiti tal-proġett se jkollhom impatt pożittiv u tanġibbli fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet sħab. B’mod partikolari, il-proġett aktarx se tikkontribwixxi għall-espansjoni tal-fokus tal-organizzazzjonijiet lokali ta’ attivitajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali li għadhom ma humiex transfruntiera fin-natura tagħhom fejn l-attivitajiet ġew imsaħħa jew żviluppati fil-livell tal-UE matul u wara l-ħajja tal-proġett, kif ukoll fuq il-komunità taż-żgħażagħ inġenerali. Il-proposta tidentifika kif l-eżiti tal-proġett jistgħu potenzjalment jikkontribwixxu għal bidliet fil-livell tas-sistema fis-settur taż-żgħażagħ kemm fi ħdan il-ħajja tal-proġett kif ukoll lil hinn minnu, biex jippermettu kooperazzjoni fit-tul fil-livell tal-UE u/jew jispiraw politiki u inizjattivi ġodda tal-UE dwar iż-żgħażagħ.
  • Komunikazzjoni u Tixrid: il-proposta turi l-kapaċità li twettaq sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-kapaċità li tikkomunika b’mod effettiv dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet tal-komunitajiet li jirrappreżentaw lil udjenza globali usa’; b’mod partikolari, il-proposta tipprovdi pjan sod għall-komunikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati, u tinkludi miri xierqa, distribuzzjoni ta’ attivitajiet u kompiti fost is-sħab, twaqqit rilevanti, għodod u mezzi biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b’mod effettiv lil dawk li jfasslu l-politika u huma aċċessibbli għall-utenti finali matul u wara l-ħajja tal-proġett. Il-miżuri kollha huma proporzjonati mal-iskala tal-proġett, u jinkludu azzjonijiet konkreti li għandhom jiġu implimentati kemm matul kif ukoll wara t-tmiem tal-proġett.

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt, filaqt li jqisu l-punteġġ minimu meħtieġ sabiex wieħed jgħaddi minn kull wieħed mill-erba’ kriterji tal-għoti (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “Rilevanza tal-proġett” u “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; 10 punti għall-kategoriji tal-“Kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u tal-“Impatt”).

Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterji kkombinati “Kwalità”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.

Impatt mistenni

Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-kontribuzzjoni mistennija tagħhom għall-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ billi:

  • jibnu fuq l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u b’mod aktar speċifiku billi juru kif qegħdin jikkontribwixxu għall-prijoritajiet “Impenn-Konnessjoni-Għoti tas-setgħa” tal-Istrateġija;
  • jibnu fuq l-eżiti tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u proġetti oħrajn ta’ dibattitu maż-żgħażagħ u stħarriġ tal-opinjoni relatati mal-futur tal-Ewropa bħall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ5  u li jorbtuhom mal-iżvilupp tal-politika fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali/Ewropew;
  • itejbu l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, f’termini ta’ ċittadinanza attiva u l-involviment ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (l-emanċipazzjoni, ħiliet ġodda, l-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-proġetti, eċċ.);
  • jgħinu fit-titjib tal-kapaċità tas-settur taż-żgħażagħ attiv fil-livell lokali biex jaħdmu b’mod tranżnazzjonali filwaqt li jagħmlu enfasi fuq l-inklużività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà u jippromwovu l-apprendiment u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;
  • isaħħu l-aħjar prattiki u s-sensibilizzazzjoni eżistenti lil hinn min-network(s) regolari inkluż l-użu tajjeb tal-mezzi diġitali sabiex jibqgħu konnessi fiċ-ċirkostanzi kollha anke f’sitwazzjonijiet ta’ bogħod, iżolament jew konfinament;
  • ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ involuti fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll fost iż-żgħażagħ li ma humiex affiljati ma’ strutturi taż-żgħażagħ jew b’inqas opportunitajiet, sabiex iwittu t-triq għal sħubijiet aktar sistematiċi.

Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta għandha tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

L-għotja se tkun għotja ta’ somma f’daqqa6 . Dan ifisser li se tirrimborża ammont fiss, ibbażat fuq somma f’daqqa jew finanzjament mhux marbut mal-kostijiet. L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament ta’ 80 %.

Kontribuzzjoni massima tal-UE għal kull proġett: EUR 500,000

L-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi (FSTP) huwa permess għal għotjiet u premjijiet taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • is-sejħiet iridu jkunu miftuħa, ippubblikati b’mod wiesa’ u jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar it-trasparenza, it-trattament ugwali, il-kunflitt ta’ interess u l-kunfidenzjalità
  • is-sejħiet iridu jibqgħu miftuħa għal mill-inqas xahrejn
  • l-eżitu tas-sejħa jrid jiġi ppubblikat fuq is-siti web tal-parteċipanti, inkluża deskrizzjoni tal-proġetti magħżula, id-dati tal-għoti, id-durata tal-proġett u l-ismijiet u l-pajjiżi legali tar-riċevitur finali
  • is-sejħiet irid ikollhom dimensjoni Ewropea ċara.

L-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi se jiġi aċċettat fi proġetti li jippermettu liż-żgħażagħ infushom jistabbilixxu proġetti konġunti.

L-applikazzjoni tal-proġett tiegħek trid tispeċifika b’mod ċar għaliex l-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi huwa meħtieġ, kif se jiġi ġestit u pprovdi lista tat-tipi differenti ta’ attivitajiet li għalihom parti terza tista’ tirċievi appoġġ finanzjarju. Il-proposta trid tiddeskrivi wkoll b’mod ċar ir-riżultati li għandhom jinkisbu. 

L-ammont massimu għal kull FSTP huwa ta’ EUR 60,000.

Il-voluntiera ma humiex permessi.

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  • Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  • Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  • Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  • Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal awtorizzanti se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP). 

Tagged in:  Youth