Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Avvenimenti sportivi ewropej mingħajr skop ta’ qligħ

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

Din l-Azzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi b’dimensjoni Ewropea fl-oqsma li ġejjin:

  • Il-volontarjat fl-isport;
  • L-inklużjoni soċjali permezz tal-isport;
  • Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-isport, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
  • L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika inkluża a) l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, il-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika u s-Sejħa ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Tajjeb għas-Saħħa b) l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ġimgħat Ewropej tal-Isport c) il-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika bħala għodda għas-saħħa d) il-promozzjoni tal-attivitajiet kollha li jħeġġu l-prattika tal-isport u l-attività fiżika inklużi l-isport u l-logħob tradizzjonali u l-isport interġenerazzjonali.

Il-proġett għandu jiffoka fuq wieħed minn dawn l-għanijiet. Jista’ jiffoka wkoll fuq l-għanijiet li jifdal iżda l-għan prinċipali jrid ikun identifikabbli b’mod ċar u prevalenti fil-proposta.

Dan jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjoni ta’ avveniment sportiv wieħed madwar l-Ewropa kollha f’Pajjiż tal-Programm wieħed jew għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti lokali Ewropej f’bosta Pajjiżi tal-Programm.

LIEMA HUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦAL AVVENIMENTI SPORTIVI EWROPEJ MINGĦAJR SKOP TA’ QLIGĦ?

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-UE+, il-proposti għal proġetti għal Avvenimenti Sportivi Ewropej Mingħajr Skop ta’ Qligħ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe korp jew organizzazzjoni pubblika attiva fil-qasam tal-isport, stabbilita f’Pajjiż tal-Programm. Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun (lista mhux eżawrjenti):

  • korp pubbliku li jieħu ħsieb l-isport fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • organizzazzjoni sportiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;
  • Kumitat Olimpiku Nazzjonali jew konfederazzjoni Nazzjonali tal-Isport;
  • organizzazzjoni li tirrappreżenta l-moviment “sport għal kulħadd”;
  • organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-promozzjoni tal-attività fiżika;
  • organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tad-divertiment attiv;
  • organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

Kwalunkwe korp jew organizzazzjoni pubblika attiva fil-qasam tal-isport, stabbilita f’Pajjiż tal-Programm.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Avveniment Sportiv Ewropew Mingħajr Skop ta’ Qligħ huwa tranżnazzjonali u jinvolvi:

Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip I): minn minimu ta’ 3 organizzazzjonijiet li ġejjin minn 3 Pajjiżi differenti tal-Programm sa massimu ta’ 5 organizzazzjonijiet li ġejjin minn 5 Pajjiżi differenti tal-Programm.

Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip II): minimu ta’ 6 organizzazzjonijiet li jkunu ġejjin minn 6 Pajjiżi tal-Programm differenti

Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha: minimu ta’ 10 organizzazzjonijiet li jkunu ġejjin minn 10 Pajjiżi tal-Programm differenti. Minbarra l-koordinatur tal-proġett, l-applikant jeħtieġ li jidentifika fil-formola tal-applikazzjoni mill-inqas 9 organizzazzjoni li jitqiesu sħab assoċjati. Għall-aspetti tal-ġestjoni kuntrattwali, dawn is-sħab assoċjati ma jitqisux bħala sħab tal-proġett, u ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-Programm bħala parti mill-proġett.

 

Post tal-attivitajiet

Għall-avvenimenti lokali Ewropej (Tip I u II), l-attivitajiet iridu jsiru f’kull Pajjiż tal-Programm involut fl-Avveniment Sportiv Ewropew Mingħajr Skop ta’ Qligħ.

Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha, l-attivitajiet għandhom isiru fil-Pajjiż tal-Programm tal-organizzazzjoni applikanti involuta fl-Avveniment Sportiv Ewropew Mingħajr Skop ta’ Qligħ.

Durata tal-proġett

Id-durata għandha tintgħażel fl-istadju ta’ applikazzjoni (12 jew 18-il xahar), abbażi tal-għan tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet previsti maż-żmien.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-sejħa: ERASMUS-SPORT-2021-SNCESE.

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sal-20 ta’ Mejju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

L-għotja tal-UE se tingħata lill-organizzazzjonijiet inkarigati mit-tħejjija, l-organizzazzjoni u s-segwitu tal-avvenimenti sportivi.

L-attivitajiet standard li ġejjin huma appoġġati (lista mhux eżawrjenti):

  • it-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-avveniment;
  • l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi għal atleti, kowċis, organizzaturi u voluntiera fit-tħejjija għall-avveniment;
  • l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sekondarji għall-avveniment sportiv (konferenzi, seminars);
  • it-taħriġ tal-voluntiera;
  • l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet istituzzjonali (evalwazzjonijiet, abbozzar ta’ pjanijiet futuri);
  • attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mas-suġġett tal-avveniment.

L-avvenimenti sportivi li ġejjin mhumiex appoġġati taħt din l-azzjoni:

  • Kompetizzjonijiet sportivi organizzati minn federazzjonijiet/assoċjazzjonijiet/kampjonati sportivi nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali fuq bażi regolari (Kampjonati Nazzjonali, Ewropej jew Dinjija) sakemm l-appoġġ finanzjarju ma jintalabx għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet sekondarji mmirati lejn il-popolazzjoni inġenerali.

IMPATT MISTENNI

L-impatt mistenni ta’ din l-azzjoni huwa:

  • żieda fl-għarfien fir-rigward tar-rwol tal-isport fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-attività fiżika favur is-saħħa (HEPA);
  • żieda fil-parteċipazzjoni fl-isport, l-attività fiżika u l-attività volontarja.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proposta hija rilevanti għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Azzjoni;
  • il-proposta hija bbażata fuq analiżi ġenwina u xierqa tal-bżonnijiet;
  • il-proposta hija innovattiva;
  • il-proposta hija komplementari għal inizjattivi oħra li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • il-proposta ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE permezz ta’ riżultati li ma kinux jinkisbu minn attivitajiet imwettqa minn pajjiż wieħed

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-pjan ta’ ħidma tal-proġett huwa ċar, komplet u effettiv, inklużi l-fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett;
  • il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • il-metodoloġija proposta hija ċara, adegwata u fattibbli;
  • il-proġett jipproponi miżuri ta’ kontroll tal-kwalità rilevanti biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett hija ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u skont il-baġit;
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u biex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’termini ta’ profil u għarfien espert biex l-għanijiet kollha tal-proġett jitlestew b’suċċess;
  • l-allokazzjoni proposta tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
  • il-proposta tinkludi mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti
  • jekk ikun applikabbli, il-punt sa fejn l-involviment ta’ organizzazzjoni parteċipanti minn Pajjiż Sieħeb iġib valur miżjud għall-proġett.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u loġiċi biex jiġu integrati r-riżultati tal-proġett fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni parteċipanti;
  • il-proġett għandu l-potenzjal li jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti tiegħu, kif ukoll fuq il-komunità usa’;
  • ir-riżultati mistennija tal-proġett għandhom il-potenzjal li jintużaw barra l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġett matul u wara l-ħajja tal-proġett, u fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi pjanijiet u metodi xierqa biex jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex jinqasmu r-riżultati ma’ organizzazzjonijiet oħra u mal-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut pubblikament il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett, il-kapaċità tiegħu li jkompli jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat għalkollox l-għotja tal-UE.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt, filwaqt li jitqies il-limitu minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “impatt”, u 10 punti għall-kategoriji “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett” u “kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ koperazzjoni”). F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

Il-kontribuzzjonijiet għal Avvenimenti Sportivi Ewropej Mingħajr Skop ta’ Qligħ jieħdu l-forma ta’ somom f’daqqa. L-ammont tas-somma f’daqqa fissa jiddependi fuq l-għadd ta’ avvenimenti u l-għadd ta’ organizzazzjonijiet involuti fil-proġett.

L-applikanti se jagħżlu bejn it-3 ammonti definiti minn qabel skont l-għadd ta’ avvenimenti u l-għadd ta’ organizzazzjonijiet involuti fil-proġett.

 

Kategorija ta’ Avvenimenti sportivi

Somma f’daqqa fissa

Avvenimenti lokali Ewropej: Mill-inqas avveniment wieħed għal kull pajjiż f’minimu ta’ 3 Pajjiżi differenti tal-Programm

Tip I: minn minimu ta’ 3 organizzazzjonijiet li ġejjin minn 3 Pajjiżi differenti tal-Programm sa massimu ta’ 5 organizzazzjonijiet li ġejjin minn 5 Pajjiżi differenti tal-Programm.

EUR 200.000

Tip II: minimu ta’ 6 organizzazzjonijiet li jkunu ġejjin minn 6 Pajjiżi tal-Programm differenti

EUR 300.000

Avvenimenti madwar l-Ewropa kollha: avveniment wieħed b’mill-inqas 10 organizzazzjoni parteċipanti minn tal-inqas 10 Pajjiżi tal-Programm (inkluża l-organizzazzjoni applikanti)

EUR 450.000

  1. Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip I): EUR 200.000

Il-proposti jikkonċernaw proġetti multibenefiċjarji li fihom l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Applikant u mill-Organizzazzjonijiet sħab. L-organizzazzjonijiet parteċipanti identifikati (minn 3 sa 5) jitqiesu bħala kobenefiċjarji u l-avvenimenti u l-attivitajiet sekondarji organizzati se jseħħu f’kull Pajjiż tal-Programm involut.

Il-proposti għandhom jinkludu taqsima speċifika bid-distribuzzjoni tal-kompiti u tal-għotja tal-UE fost is-sħab. L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tal-proġett għandhom jiġu indikati wkoll.

L-applikanti għandhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ għanijiet speċifiċi, u l-applikanti għandhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-għanijiet.

  1. Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip II): EUR 300.000

Il-proposti jikkonċernaw proġetti multibenefiċjarji li fihom l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Applikant u mill-Organizzazzjonijiet sħab. L-organizzazzjonijiet parteċipanti identifikati (minimu ta’ 6) jitqiesu bħala kobenefiċjarji u l-avvenimenti u l-attivitajiet sekondarji organizzati se jsiru f’kull Pajjiż tal-Programm involut.

Il-proposti għandhom jinkludu taqsima speċifika bid-distribuzzjoni tal-kompiti u tal-għotja tal-UE fost is-sħab. L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tal-proġett għandhom jiġu indikati wkoll.

L-applikanti għandhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ għanijiet speċifiċi, u l-applikanti għandhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-għanijiet.

  1. Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha: EUR 450.000

Il-proposti jikkonċernaw proġetti monobenefiċjarji li jfisser li l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Organizzazzjoni Applikanti. L-10 organizzazzjonijiet parteċipanti identifikati huma kkunsidrati sħab assoċjati u l-avveniment u l-attivitajiet sekondarji organizzati se jseħħu fil-Pajjiż tal-Programm tal-Organizzazzjoni Applikanti.

L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tal-proġett għandhom jiġu indikati.

L-applikanti għandhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ għanijiet speċifiċi, u l-applikanti għandhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-għanijiet.

Ħlas tal-Għotja

Il-kundizzjonijiet għall-ħlas sħiħ tal-għotja huma t-tlestija tal-pakketti ta’ ħidma f’konformità mal-kriterji tal-kwalità deskritti fl-applikazzjoni. F’każ li pakkett ta’ ħidma wieħed ma jkunx tlesta, ikun parzjalment komplut jew ivvalutat bħala mhux sodisfaċenti fil-valutazzjoni tal-kwalità, jista’ jiġi applikat tnaqqis xieraq tal-ammont tal-għotja kif deskritt fil-ftehim tal-għotja.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim tal-Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

table, td, tr{border: 1px solid black; cellpadding="1"; cellspacing="1";} table{margin-bottom: 30px;}
Tagged in: