Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Alleanzi għall-innovazzjoni

L-Alleanzi għall-Innovazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa billi jagħtu spinta lill-innovazzjoni permezz tal-kooperazzjoni u l-fluss tal-għarfien fost l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (kemm inizjali kif ukoll kontinwi), u l-ambjent soċjoekonomiku usa’, inkluża r-riċerka.

Huma għandhom ukoll l-għan li jagħtu spinta lill-forniment ta’ ħiliet ġodda u jindirizzaw in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet billi jfasslu u joħolqu kurrikuli ġodda għall-edukazzjoni għolja (HE) u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), filwaqt li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ sens ta’ inizjattiva u ta’ mentalità intraprenditorjali fl-UE.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

Dawn is-sħubijiet għandhom jimplimentaw sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet settorjali jew transsettorjali, li għandhom ikunu adattabbli għal żviluppi futuri fl-għarfien madwar l-UE.

Biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, se jkun hemm fokus fuq il-ħiliet diġitali minħabba li huma dejjem aktar importanti għall-profili tax-xogħol kollha fis-suq tax-xogħol kollu. Barra minn hekk, jeħtieġ li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u aktar ekoloġika tkun ibbażata fuq tibdil fil-kwalifiki u fil-kurrikuli nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ biex jilħqu l-ħtiġijiet professjonali emerġenti għal ħiliet ekoloġiċi u żvilupp sostenibbli.

L-għanijiet tas-Sħubijiet għall-Innovazzjoni jistgħu jinkisbu billi jiġi applikat wieħed jew iż-żewġ Lottijiet li ġejjin (organizzazzjoni tista’ tkun involuta f’bosta proposti):

Lott 1: Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi

L-Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi huma proġetti tranżnazzjonali, strutturati u mmexxija mir-riżultati, li fihom is-sħab jikkondividu għanijiet komuni u jaħdmu flimkien biex irawmu l-innovazzjoni, ħiliet ġodda, sens ta’ inizjattiva u mentalitajiet intraprenditorjali.

Huma għandhom l-għan li jrawmu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-intrapriżi u l-ambjent soċjoekonomiku usa’. Dan jinkludi l-indirizzar tal-isfidi soċjali u ekonomiċi bħat-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u t-tibdil rapidu fl-impjiegi permezz tal-innovazzjoni soċjali u r-reżiljenza tal-komunità, kif ukoll l-innovazzjoni tas-suq tax-xogħol.

L-Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi jlaqqgħu flimkien l-intrapriżi u kemm il-fornituri tal-edukazzjoni għolja kif ukoll dawk tat-taħriġ vokazzjonali biex jaħdmu flimkien fi sħubija. Filwaqt li joperaw f’settur ekonomiku wieħed jew f’bosta setturi ekonomiċi differenti, dawn joħolqu relazzjonijiet affidabbli u sostenibbli u juru l-karattru innovattiv u tranżnazzjonali tagħhom fl-aspetti kollha. Filwaqt li kull sħubija għandha tinkludi mill-inqas VET wieħed u organizzazzjoni waħda tal-edukazzjoni għolja, dawn jistgħu jindirizzaw jew it-tnejn li huma jew wieħed minn dawn l-oqsma edukattivi.

Għandhom l-għan li jilħqu waħda jew aktar mill-miri li ġejjin:

  • Irawmu approċċi ġodda, innovattivi u multidixxiplinari għat-tagħlim u l-apprendiment; irawmu l-innovazzjoni fit-tfassil u t-twassil tal-edukazzjoni, il-metodi ta’ tagħlim, it-tekniki ta’ valutazzjoni, l-ambjenti ta’ apprendiment u/jew l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda;
  • Irawmu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (eż. l-ekwità, l-inklużjoni, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli);
  • Jistimulaw sens ta’ inizjattiva u attitudnijiet, mentalitajiet u ħiliet intraprenditorjali fl-istudenti, persunal edukattiv u ħaddiema oħra, f’konformità mal-Qafas ta’ Kompetenza tal-Intraprenditorija (EntreComp)[1];
  • Itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-ħiliet żviluppati u ċċertifikati permezz tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ (inkluż ħiliet ġodda u l-indirizzar tan-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet);
  • Il-faċilitazzjoni tal-fluss u l-ħolqien konġunt tal-għarfien bejn l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-riċerka, is-settur pubbliku u s-settur tan-negozju;
  • Il-bini u l-appoġġ ta’ sistemi effettivi u effiċjenti ta’ edukazzjoni għolja u ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, li huma konnessi u inklużivi, u li jikkontribwixxu għall-innovazzjoni.

Lott 2: Alleanzi għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”[2])

L-Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet għandhom l-għan li joħolqu approċċi strateġiċi ġodda u kooperazzjoni għal soluzzjonijiet konkreti għall-iżvilupp tal-ħiliet – kemm fit-terminu qasir kif ukoll f’dak medju – f’setturi ekonomiċi partikolari, jew f’oqsma li jimplimentaw azzjoni ewlenija tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, il-Patt għall-Ħiliet. L-għan prinċipali tal-Patt huwa li jimmobilizza u jinċentiva lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jieħdu azzjonijiet konkreti għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, billi jiġbru flimkien l-isforzi u jistabbilixxu sħubiji, anke fil-livell tal-UE li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, l-appoġġ għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kif ukoll għal strateġiji ta’ ħiliet u tkabbir nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk, ir-riżultati tanġibbli tal-Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet, jiġifieri l-informazzjoni settorjali dwar il-ħiliet, l-istrateġiji tal-ħiliet, il-profili okkupazzjonali, il-programmi ta’ taħriġ, u l-ippjanar fit-tul, se jkunu kontribuzzjoni importanti għall-ħidma tas-sħubijiet settorjali li ngħaqdu mal-Patt għall-Ħiliet.

L-Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet ifittxu li jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol li jxekklu t-tkabbir, l-innovazzjoni u l-kompetittività f’setturi jew f’oqsma speċifiċi, bl-għan kemm ta’ interventi għal żmien qasir kif ukoll ta’ strateġiji fit-tul. Dawn l-Alleanzi se jiġu implimentati fl-14-il ekosistema industrijali identifikati fl-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa[3] (ara l-kriterji ta’ eliġibbiltà).

Il-Patt għall-Ħiliet jibni fuq u jassorbi l-Blueprint għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet. Għalhekk, l-Alleanzi tal-Lott 2 se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Patt billi jiżviluppaw strateġija tal-ħiliet settorjali. Din l-istrateġija għandha twassal għal impatt sistemiku u strutturali fuq it-tnaqqis tan-nuqqasijiet, id-diskrepanzi u n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, kif ukoll fuq l-iżgurar tal-kwalità u tal-livelli tal-ħiliet xierqa. L-istrateġija tal-ħiliet settorjali trid tinkludi sett ċar ta’ attivitajiet, stadji importanti u għanijiet ddefiniti sew bl-għan li jkun hemm tlaqqigħ fid-domanda u l-provvista ta’ ħiliet b’appoġġ għall-istrateġija globali tat-tkabbir speċifika għas-settur. L-Alleanzi għandhom l-għan li jibnu l-bażi għall-Patt għall-Ħiliet u jiddefinixxu t-triq li għandha titkompla wara li jiġi ffinalizzat il-proġett.

Abbażi tal-evidenza dwar il-ħtiġijiet ta’ ħiliet fir-rigward ta’ profili okkupazzjonali, l-Alleanzi tal-Blueprint jappoġġaw it-tfassil u t-twassil ta’ kontenut tranżnazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll metodoloġiji ta’ tagħlim u taħriġ, għall-adozzjoni rapida fil-livell reġjonali u lokali u għal okkupazzjonijiet ġodda li qed jitfaċċaw.

Il-proposti għandhom jinkludu t-tfassil ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti ta’ ħiliet tan-nies fl-età tax-xogħol. Il-proposti għandhom jinkludu wkoll żviluppi ta’ profili okkupazzjonali emerġenti, kwalifiki relatati, li għandhom ikopru livelli tal-VET superjuri u postsekondarji (livelli tal-QEK minn 3 sa 5) u livelli terzjarji (livelli tal-QEK minn 6 sa 8). Barra minn hekk, il-proposti għandhom jinkludu t-tfassil ta’ kurrikuli ewlenin relatati u programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jwasslu għal dawk il-kwalifiki.

Kull proġett għandu jinkludi fost is-sħab tiegħu kemm l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) kif ukoll dawk tal-edukazzjoni għolja (HE) u l-atturi tas-suq tax-xogħol. Idealment dawn jinvolvu wkoll korpi ta’ politika, korpi ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll assoċjazzjonijiet settorjali Ewropej u rappreżentanti tal-industrija.

LIEMA HUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦAL SĦUBIJIET GĦALL-INNOVAZZJONI?

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti tal-proġetti għal-Lott 1 - Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi għandhom jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe sieħeb sħiħ stabbilit b’mod legali f’Pajjiż tal-Programm jista’ jkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu involuti bħala sieħeb sħiħ, entità affiljata jew sieħeb assoċjat taħt il-Lott 1 - Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi. Dawn jistgħu jkunu organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati stabbiliti b’mod legali f’Pajjiż tal-Programm jew fi kwalunkwe Pajjiż Sieħeb (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

  • Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja
  • Fornituri tal-VET
  • Networks tal-fornituri tal-VET
  • Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew kbar (inklużi intrapriżi soċjali)
  • Istituti tar-riċerka
  • Organizzazzjonijiet mhux governattivi
  • Korpi pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali
  • Organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ
  • Intermedjarji li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet jew intrapriżi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew taż-żgħażagħ
  • Korpi ta’ akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, rikonoxximent jew kwalifika
  • Kmamar tal-kummerċ, tal-industrija jew tax-xogħol, kmamar ta’ snajja’ ta’ ħila
  • Sħab soċjali Ewropej jew nazzjonali
  • Sptarijiet jew istituzzjonijiet oħra tal-kura, inkluża l-kura fit-tul
  • Awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-impjieg fil-livell reġjonali jew nazzjonali
  • Servizzi tal-impjiegi
  • Uffiċċji nazzjonali tal-istatistika
  • Aġenziji tal-iżvilupp ekonomiku
  • Assoċjazzjonijiet settorjali jew professjonali
  • Kunsilli tal-ħiliet settorjali
  • Korpi li jipprovdu gwida għall-karriera, konsulenza professjonali, servizzi ta’ informazzjoni u servizzi tal-impjiegi

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) valida. ECHE mhijiex meħtieġa għal HEIs parteċipanti f’pajjiżi sħab.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

L-Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi għandhom ikopru tal-anqas 4 Pajjiżi tal-Programm, li jinvolvu minimu ta’ 8 sħab sħaħ. Is-sħubija trid tinkludi mill-inqas 3 atturi tas-suq tax-xogħol (intrapriżi jew kumpaniji, jew organizzazzjonijiet intermedjarji rappreżentattivi, bħal kmamar, trejdjunjins jew assoċjazzjonijiet tal-kummerċ) u mill-inqas 3 fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ (VET u/jew HEIs), bħala sħab sħaħ. Jenħtieġ li jkun hemm mill-inqas istituzzjoni waħda ta’ HE u fornitur tal-VET wieħed involuti bħala sħab sħaħ f’kull proposta.

Durata tal-proġett

Sentejn jew 3 snin. Id-durata trid tintgħażel fl-istadju ta’ applikazzjoni, abbażi tal-għan tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet ippjanati maż-żmien.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-sejħa Lott 1: ERASMUS-EDU-2021-PI-ALL-INNO-EDU-ENTERP

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sas-7 ta’ Settembru 2021 fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti tal-proġetti għal-Lott 2 - Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”) iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ jissottometti applikazzjoni?

Kwalunkwe sieħeb sħiħ stabbilit b’mod legali f’Pajjiż tal-Programm jista’ jkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu involuti bħala sieħeb sħiħ, entità affiljata jew sieħeb assoċjat taħt il-Lott 2 - Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (Blueprint). Dawn jistgħu jkunu organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati stabbiliti b’mod legali f’Pajjiż tal-Programm jew fi kwalunkwe Pajjiż Sieħeb (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

  • Istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja
  • Fornituri tal-VET
  • Networks tal-fornituri tal-VET
  • Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jew kbar (inklużi intrapriżi soċjali)
  • Istituti tar-riċerka
  • Organizzazzjonijiet mhux governattivi
  • Korpi pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali
  • Organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ
  • Intermedjarji li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet jew intrapriżi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew taż-żgħażagħ
  • Korpi ta’ akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, rikonoxximent jew kwalifika
  • Kmamar tal-kummerċ, tal-industrija jew tax-xogħol, kmamar ta’ snajja’ ta’ ħila
  • Sħab soċjali Ewropej jew nazzjonali
  • Sptarijiet jew istituzzjonijiet oħra tal-kura, inkluża l-kura fit-tul
  • Awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-impjieg fil-livell reġjonali jew nazzjonali
  • Servizzi tal-impjiegi
  • Uffiċċji nazzjonali tal-istatistika
  • Aġenziji tal-iżvilupp ekonomiku
  • Assoċjazzjonijiet settorjali jew professjonali
  • Kunsilli tal-ħiliet settorjali
  • Korpi li jipprovdu gwida għall-karriera, konsulenza professjonali, servizzi ta’ informazzjoni u servizzi tal-impjiegi

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) valida. ECHE mhijiex meħtieġa għal HEIs parteċipanti f’Pajjiżi Sħab.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

L-Alleanzi għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (Blueprint) għandhom ikopru mill-inqas 8 Pajjiżi tal-Programm u jinvolvu mill-inqas 12-il sieħeb sħiħ. Is-sħubija trid tinkludi mill-inqas 5 atturi tas-suq tax-xogħol (intrapriżi jew kumpaniji, jew organizzazzjonijiet intermedjarji rappreżentattivi, bħal kmamar, trejdjunjins jew assoċjazzjonijiet tal-kummerċ) u mill-inqas 5 fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ (VET u/jew HEIs) bħala sħab sħaħ. Għandu jkun hemm mill-inqas istituzzjoni waħda ta’ HE u fornitur wieħed tal-VET involuti bħala sieħeb sħiħ f’kull proposta.

Setturi jew oqsma

L-14-il ekosistema industrijali kif identifikati fl-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa[4]:

  1. Turiżmu:

Trasport u vjaġġar tal-passiġġieri; Lukandi, akkomodazzjoni għal żmien qasir; Ristoranti u catering; Avvenimenti, parks tematiċi eċċ.

  1. Mobbiltà-Trasport-Karozzi:

Produzzjoni ta’ vetturi bil-mutur, vapuri u ferroviji, u aċċessorji; It-tiswija u l-manutenzjoni tagħhom; Trasport tal-Merkanzija eċċ.

  1. Ajruspazju u Difiża:

Il-produzzjoni ta’ inġenji tal-ajru u ta’ inġenji spazjali; Militari u armi; Satelliti eċċ.

  1. Kostruzzjoni:

Il-bini ta’ proprjetà residenzjali u mhux residenzjali; Bini ta’ toroq u ferroviji; Bini ta’ utilitajiet u inġinerija ċivili; Attivitajiet assoċjati eċċ.

  1. Ikel agrikolu:

Produzzjoni ta’ pjanti u annimali; Ipproċessar tal-ikel; Attivitajiet veterinarji eċċ.

  1. Industriji Intensivi fl-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju:

Estrazzjoni tal-karburanti fossili; Raffinar; Manifattura ta’ prodotti b’impatt ambjentali għoli: plastiks, sustanzi kimiċi, fertilizzanti, ħadid u azzar, prodotti bbażati fuq il-foresti, siment, gomma, metalli mhux tal-ħadid, eċċ.

  1. Tessuti:

Produzzjoni ta’ tessuti, ħwejjeġ li jintlibsu, żraben, ġilda u ġojjellerija eċċ.

  1. Industriji Kreattivi u Kulturali:

Gazzetti, kotba u perjodiċi; Films taċ-ċinema, vidjows u televiżjoni; Radju u mużika eċċ.

  1. Diġitali:

Telekomunikazzjonijiet; Software u pprogrammar; Portali tal-internet; Manifattura ta’ kompjuters u tagħmir eċċ.

  1. Enerġija Rinnovabbli:

Muturi, magni u turbini elettriċi; Ġenerazzjoni tal-elettriku; Manifattura u distribuzzjoni tal-gass eċċ.

  1. Elettronika:

Produzzjoni ta’ elettronika eċċ.

  1. Bl-imnut:

Bejgħ bl-imnut; Bejgħ bl-ingrossa konness mal-konsumaturi eċċ.

  1. Prossimità u Ekonomija Soċjali:

Intrapriżi soċjali, assoċjazzjonijiet u kooperattivi li għandhom l-għan li jiġġeneraw impatt soċjali eċċ.

 
  1. Saħħa:

Prodotti u tagħmir farmaċewtiċi; Sptarijiet, djar tal-kura, kura residenzjali eċċ.

L-Alleanzi għandhom jagħżlu għall-proposta tagħhom l-ekosistema industrijali unika li l-proġett tagħhom se jindirizza. Proposta waħda biss għal kull ekosistema industrijali tista’ tintgħażel għall-finanzjament. Proposta tista’ tikkonċerna ekosistema li mhijiex koperta minn proġett Blueprint kontinwu jew ekosistema li diġà għandha Blueprint għaddej. Fil-każ tal-aħħar, il-proposta għandha tindirizza oqsma li huma b’mod ċar differenti minn dawk indirizzati mill-proġett/i Blueprint li jkun għaddej[5].

Durata tal-proġett

4 snin

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-sejħa Lott 2: ERASMUS-EDU-2021-PI-ALL-INNO-BLUEPRINT

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sas-7 ta’ Settembru 2021 fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

Kull Alleanza għandha timplimenta sett koerenti, komprensiv u varjabbli ta’ attivitajiet interkonnessi biex issaħħaħ l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-intrapriżi (inklużi l-intrapriżi kbar, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi soċjali) u l-ambjent soċjoekonomiku usa’.

Lott 1: Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi

L-attivitajiet appoġġati jinkludu:

Spinta lill-innovazzjoni

  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni b’mod konġunt ta’ metodi ta’ apprendiment u tagħlim ġodda (bħall-kurrikuli multidixxiplinari ġodda, tagħlim u apprendiment iffukati fuq l-istudent u bbażati fuq problemi reali, użu akbar tal-mikrokredenzjali);
  • L-iżvilupp u l-ittestjar ta’ programmi u attivitajiet ta’ edukazzjoni kontinwa ma’ u fi ħdan l-intrapriżi;
  • L-iżvilupp u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet għal talbiet soċjali urġenti mhux indirizzati mis-suq u mmirati lejn gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; l-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà jew relatati mal-bidliet fl-attitudnijiet u l-valuri, l-istrateġiji u l-politiki, l-istrutturi u l-proċessi organizzazzjonali, is-sistemi u s-servizzi ta’ twassil;
  • L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li joħolqu sfida, l-innovazzjoni tal-prodotti u l-proċessi (permezz tal-kollaborazzjoni tal-istudenti, tal-professuri u tal-prattikanti).

L-iżvilupp ta’ sens ta’ inizjattiva u mentalitajiet, kompetenzi u ħiliet intraprenditorjali

  • L-iżvilupp ta’ metodi ta’ tagħlim u għodod ta’ apprendiment ġodda li jinkorporaw l-apprendiment ta’ ħiliet trasversali u l-applikazzjoni tul il-programmi ta’ edukazzjoni għolja u ta’ VET żviluppati b’kooperazzjoni mal-intrapriżi u li għandhom l-għan li jsaħħu l-impjegabbiltà, il-kreattività u perkorsi professjonali ġodda;
  • L-introduzzjoni kull fejn ikun xieraq ta’ sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija f’dixxiplina, kurrikulu, kors eċċ. partikolari biex l-istudenti, ir-riċerkaturi, il-persunal u l-edukaturi jingħataw il-kompetenzi, il-ħiliet u l-motivazzjoni biex jiżviluppaw sens ta’ inizjattiva u mentalità intraprenditorjali u biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw diversi sfidi fl-edukazzjoni tagħhom u fil-ħajja professjonali u privata tagħhom;
  • Il-ftuħ ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment ġodda permezz tal-esperjenzi prattiċi u l-applikazzjoni ta’ sens ta’ inizjattiva u kompetenzi u ħiliet intraprenditorjali li jistgħu jinvolvu u/jew iwasslu għat-tnedija ta’ servizzi, prodotti u prototipi ġodda, u għall-ħolqien ta’ negozji ġodda u spin-offs;
  • L-introduzzjoni ta’ aktar “approċċi ffukati fuq l-istudent” bl-istudenti jfasslu apposta l-perkorsi edukattivi tagħhom stess.

L-istimulazzjoni tal-fluss u tal-iskambju tal-għarfien bejn l-edukazzjoni għolja, il-VET, l-intrapriżi u r-riċerka

  • Il-bini ta’ sistemi u intrapriżi tal-HE u l-VET inklużivi u konnessi permezz ta’ fiduċja reċiproka, rikonoxximent u ċertifikazzjoni transfruntiera, perkorsi flessibbli bejn il-VET u l-HE u t-trawwim tal-mobbiltà għall-istudenti u l-ħaddiema;
  • Apprendistati u attivitajiet relatati mal-qasam ta’ studju fl-intrapriżi li huma inkorporati b’mod sħiħ fil-kurrikulu, rikonoxxuti u kkreditati; strutturi biex jippruvaw u jittestjaw miżuri innovattivi; skambji ta’ studenti, riċerkaturi, persunal tat-tagħlim u persunal tal-intrapriża għal perjodu limitat; l-għoti ta’ inċentivi għall-involviment tal-persunal tal-intrapriża fit-tagħlim u r-riċerka; analiżi tad-data tar-riċerka.

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq relatati mar-reżiljenza u l-professjonijiet emerġenti

  • L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq u l-professjonijiet emerġenti (min-naħa tad-domanda), it-titjib tar-rispons tas-sistemi fil-livelli kollha għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (min-naħa tal-provvista); l-adattament tal-forniment tal-HE u l-VET għall-ħtiġijiet tal-ħiliet permezz tat-tfassil u t-twassil ta’ kurrikuli tranżnazzjonali mifruxa mas-settur kollu li jintegraw l-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol;
  • L-identifikazzjoni ta’ dawk il-ħiliet li huma meħtieġa fid-dominju pubbliku biex jiġu solvuti l-isfidi tas-soċjetà (eż. it-tibdil fil-klima, is-saħħa) u jkunu mħeġġa r-reżiljenza fil-livell tas-soċjetà u tal-komunità, inkluż permezz tal-kooperazzjoni tal-HEIs u l-fornituri tal-VET mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll is-settur privat biex jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fir-reġjuni;
  • L-għoti ta’ appoġġ biex jingħeleb in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet kemm għar-reżiljenza kif ukoll għall-ħtiġijiet tas-suq.

Lott 2: Alleanzi għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”)

L-attivitajiet li ġejjin iridu jiġu implimentati:

L-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet

  • L-istabbiliment ta’ kooperazzjoni sostenibbli dwar l-iżvilupp tal-ħiliet bejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija inklużi s-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell nazzjonali u reġjonali). Il-proġett se jkollu wkoll l-għan li jibni kooperazzjoni bejn kumpaniji kbar u kumpaniji mikro, żgħar u medji (SMEs) tul il-katina tal-valur f’ekosistema industrijali partikolari;
  • Il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-ħiliet fuq bażi kontinwa: it-twassil ta’ evidenza kwalitattiva u data kwantitattiva rilevanti tal-UE u tal-pajjiż u/jew reġjonali skont il-format ta’ data miftuħa marbuta; l-iżvilupp ta’ metodoloġija komuni għall-antiċipazzjoni ta’ ħtiġijiet futuri ta’ ħiliet kif ukoll il-monitoraġġ (fuq bażi annwali) tal-progress u l-evoluzzjoni tad-domanda u l-provvista ta’ ħiliet ibbażati fuq xenarji ta’ previżjoni kredibbli, abbażi tal-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE u, fejn rilevanti, il-ħidma tal-OECD, il-Forum Ekonomiku Dinji u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali eżistenti;
  • L-immappjar tal-appoġġ eżistenti għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid disponibbli fis-settur/ekosistema (ipprovdut mill-industrija, il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati) u l-identifikazzjoni ta’ liema minn dawk l-azzjonijiet jistgħu jiġu estiżi biex jappoġġaw kumpaniji fil-ktajjen tal-valur;
  • Abbażi tal-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-iżvilupp ta’ strateġija tal-ħiliet għall-ekosistema industrijali inklużi prijoritajiet għal azzjonijiet li jappoġġaw l-għanijiet ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-ekosistema industrijali u ta’ dawk li jistgħu jissieħbu fis-settur (eż. ekonomikament inattivi). L-istrateġija għandha turi fid-dettall kif xejriet kbar, bħall-iżviluppi globali, soċjetali u teknoloġiċi fl-ekosistema industrijali, x’aktarx li jaffettwaw l-impjiegi u l-ħtiġijiet tal-ħiliet. Għandha tiddeskrivi l-iskeda taż-żmien mistennija u tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt tat-teknoloġiji diġitali u dawk abilitanti essenzjali. Dan għandu jidentifika u jiddefinixxi okkupazzjonijiet u ħiliet relatati li x’aktarx jitfaċċaw fis-settur (jiġifieri se jkunu kompletament ġodda). Għandha tidentifika wkoll atturi industrijali ewlenin u partijiet ikkonċernati li għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Din l-istrateġija għandha tkun waħda mill-ewwel riżultati tanġibbli ewlenin tal-proġett, li tindika sett ċar ta’ attivitajiet, stadji importanti u outputs iddefiniti sew, kif ukoll l-istabbiliment ta’ azzjonijiet ta’ prijorità konkreti li jissuġġerixxu kif isir it-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista ta’ ħiliet għal dawn l-okkupazzjonijiet emerġenti. L-istrateġija għandha tintuża bħala bażi għall-bini tas-sħubija skont il-Patt għall-Ħiliet;
  • Fejn rilevanti, l-iżgurar li r-riżultati tal-proġett huma disponibbli f’format ta’ data miftuħa biex ikunu jistgħu jservu ta’ input fil-Panorama tal-Ħiliet tal-UE u fil-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO);
  • It-twassil tal-evidenza kwalitattiva u d-data kwantitattiva rilevanti fil-livell tal-UE u tal-pajjiż u/jew reġjonali skont format ta’ data miftuħa marbut.

It-tfassil ta’ kurrikuli u programmi ta’ taħriġ “ewlenin” miftiehma mas-settur Ewropew kollu

  • Fl-ewwel sena tal-attività (rispons reattiv)

B’mod parallel mal-azzjonijiet ta’ hawn fuq, il-proġetti kollha għandhom jindirizzaw b’mod rapidu l-ħtiġijiet urġenti ta’ ħiliet f’okkupazzjonijiet f’ekosistema industrijali li jirriżultaw mill-kriżi tal-Covid-19 u t-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika (evidenza li għandha tiġi pprovduta fil-proposta):

  • Billi, fejn disponibbli, jibbażaw fuq il-profili okkupazzjonali tal-Klassifikazzjoni tal-ESCO u l-oqfsa ta’ kompetenza eżistenti[6];
  • It-tfassil ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwi għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol permezz ta’ apprendiment innovattiv imħallat u bbażat fuq ix-xogħol;
  • L-iżgurar tal-kwalità tajba tal-kontenut u l-provvista tal-programmi ta’ taħriġ il-ġodda billi jiġu applikati metodi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità f’konformità mal-EQAVET u l-ESG (Standards u Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja);
  • L-iżgurar tal-adozzjoni rapida u l-użu tal-programmi ta’ taħriġ billi jintlaħqu l-atturi prinċipali fil-ktajjen tal-valur fi ħdan l-ekosistema industrijali, għaċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali[7], għar-reġjuni li jimplimentaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti[8], għal Sħubijiet ta’ Raggruppamenti Ewropej[9] u għal Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT)[10] li huma attivi fl-istess ekosistema industrijali.
  • Matul il-proġett kollu (rispons proattiv)

Il-proġetti għandhom imbagħad jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ kontenut ta’ taħriġ għal profili okkupazzjonali emerġenti:

  • Abbażi tal-ħtiġijiet identifikati ta’ ħiliet għal profili okkupazzjonali emerġenti f’ekosistema industrijali mogħtija settur ekonomiku, it-tfassil ta’ kurrikuli modulari ġodda tal-VET u kwalifiki relatati għall-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali (E & T) (kurrikuli sħaħ għall-integrazzjoni f’sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ), u l-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwi għall-avvanz fil-ħiliet jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-persuni fl-età tax-xogħol (moduli li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti);
  • Dawn il-kurrikuli u l-programmi ta’ taħriġ għandhom ikunu magħmula minn unitajiet ta’ eżiti tal-apprendiment, f’konformità mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) / Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) u infurmati mill-ESCO; il-kurrikuli għandhom jipprovdu ħiliet speċifiċi għall-impjiegi kif ukoll kompetenzi ewlenin[11], li jinkludu b’mod partikolari ħiliet trasversali u dixxiplini ta’ STEAM[12];
  • L-integrazzjoni ta’ perjodi ta’ apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol fil-kontenut il-ġdid tat-taħriġ, inkluż opportunitajiet sabiex l-għarfien jiġi applikat f’sitwazzjonijiet prattiċi tal-“ħajja reali” fuq il-post tax-xogħol, u li jkun fih l-esperjenza ta’ apprendiment transnazzjonali, kull meta jkun possibbli;
  • L-applikazzjoni ta’ ġestjoni ta’ kwalità għall-kontenut il-ġdid tat-taħriġ jew bl-applikazzjoni ta’ prinċipji tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-EQAVET u l-ESG jew bl-użu tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità diġà eżistenti li, madankollu, iridu jkunu konformi mal-EQAVET u l-ESG;
  • Il-promozzjoni ta’ kwalifiki settorjali rilevanti inkluż programmi konġunti transnazzjonali mogħtija minn aktar minn fornitur wieħed tal-E&T, u b’hekk tiġi ffaċilitata ċ-ċertifikazzjoni transfruntiera, u tinbena fiduċja reċiproka, li tikkontribwixxi għal mobbiltà akbar tal-istudenti u tal-professjonisti fis-settur.

It-twettiq tal-kurrikuli u tal-programmi ta’ taħriġ “ewlenin”

  • L-iżvilupp ta’ metodoloġiji tat-twassil għall-kurrikuli u l-programmi tat-taħriġ, li huma adattati għad-diversi gruppi fil-mira, bl-użu ta’ approċċi innovattivi lejn it-tagħlim u l-apprendiment, inkluż il-provvista ta’ apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol, l-użu tal-ICTs (eż. apprendiment imħallat, simulaturi, realtà awmentata, eċċ.), soluzzjonijiet ta’ mobbiltà virtwali/mħallta għall-istudenti u l-persunal, u r-riżorsi edukattivi miftuħa (eż. apprendiment imsaħħaħ bl-IA, MOOC’s[13]);
  • L-iżvilupp ta’ azzjonijiet biex jiffaċilitaw it-trasferiment interġenerazzjonali tal-għarfien professjonali;
  • Id-deskrizzjoni ta’ modi kif il-metodoloġiji u l-proċeduri tal-valutazzjoni jistgħu jkopru l-forom kollha ta’ apprendiment, inkluż il-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol, u kif jistgħu jiffaċilitaw il-validazzjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba qabel it-taħriġ;
  • Il-bini fuq kuntatti stabbiliti u fuq kuntatti ġodda stabbiliti man-naħa tad-domanda għall-ħiliet matul il-fażi tal-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-ilħuq ta’ fornituri ta’ opportunitajiet ta’ impjieg, bħal impjegaturi privati u pubbliċi u servizzi ta’ impjieg, għal tqabbil potenzjali ma’ gradwati ta’ taħriġ;
  • L-identifikazzjoni ta’ miżuri adegwati biex jintraċċaw l-istudenti wara li jkunu lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jiġu pprovduti “ċirkwiti ta’ feedback”[14]. Dawn is-sistemi ta’ tracking u feedback jistgħu jibnu fuq l-informazzjoni mingħand il-kumpaniji, l-istudenti/l-impjegati, kif ukoll minn riżorsi ta’ informazzjoni pubblika u mill-partijiet ikkonċernati fis-suq tax-xogħol;
  • Il-proposta tal-miżuri xierqa għar-rikonoxximent formali tal-kurrikuli vokazzjonali VET u HE ġodda jew adattati u l-kwalifiki fil-pajjiżi fejn jinsabu s-sħab u fl-ekosistema industrijali koperta.

It-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni fuq żmien twil għall-implimentazzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett wara li jkun intemm il-proġett

  • Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq sħubiji sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi (reġjonali jew nazzjonali) fil-livell xieraq biex jiġu ffaċilitati/jissaħħu s-sħubijiet ta’ ħiliet bejn diversi partijiet ikkonċernati skont il-Patt għall-Ħiliet għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta’ strutturi xierqa ta’ governanza, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabilità u s-sostenibbiltà finanzjarja;
  • Il-pjan għandu jiżgura l-viżibilità xierqa u t-tixrid wiesa’ tar-riżultati, inkluż fil-livell politiku tal-UE u nazzjonali/reġjonali u jinkludi dettalji dwar kif l-implimentazzjoni se tiġi implimentata fil-livelli nazzjonali u/jew reġjonali mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti;
  • Il-pjan għandu jipprevedi kif ir-riżultati tal-proġett, b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-istrateġija u l-programmi ta’ taħriġ, se jiġu aġġornati wara t-tmiem tad-durata ta’ 4 snin tal-proġett, inkluż billi jiġu previsti s-sorsi futuri ta’ finanzjament tiegħu;
  • Il-pjan għandu jindika kif l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE (eż. faċilità ta’ rkupru u reżiljenza (RRF), il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE (QFP) 2021-2027, inklużi l-Fondi Strutturali Ewropej, InvestEU, Erasmus+), kif ukoll l-investiment privat u l-finanzjament nazzjonali/reġjonali jistgħu jappoġġaw l-istrateġiji tal-ħiliet. Dan għandu jqis l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, is-sħubijiet ta’ raggruppamenti Ewropej, il-pjattaformi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u l-Komunitajiet ta’ Innovazzjoni tal-EIT.

Taħt iż-żewġ Lottijiet (Lott 1: Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi u Lott 2: Alleanzi għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”)

L-Alleanzi għall-Innovazzjoni huma meħtieġa japplikaw strumenti u għodod mifruxa mal-UE kollha, bħall-QEK, l-ESCO, il-Europass, l-EQAVET u l-ESG, kull fejn rilevanti.

Biex jippruvaw u jittestjaw kurrikuli ġodda jew metodi ġodda ta’ taħriġ u apprendiment, l-Alleanzi għall-Innovazzjoni jistgħu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment tal-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal sakemm ikunu jappoġġaw/jikkomplementaw l-attivitajiet prinċipali tas-sħubijiet u jġibu valur miżjud fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-proġett.

IMPATT MISTENNI

L-Alleanzi għall-Innovazzjoni se jkunu ankrati f’kooperazzjoni strateġika u sostenibbli fost l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-intrapriżi li jaħdmu flimkien biex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Ewropa. Dawn se jsaħħu b’mod konsiderevoli s-sinerġiji bejn iż-żewġ oqsma edukattivi fit-trawwim tal-innovazzjoni, ħiliet ġodda, sens ta’ inizjattiva u mentalitajiet intraprenditorjali. Dawn l-Alleanzi fost l-HE, il-VET u l-intrapriżi huma mistennija li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekosistemi reġjonali u jipprovdu direttament kontribut siewi għall-ekonomija, filwaqt li jintegraw l-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol. Filwaqt li l-universitajiet għandhom għarfien u data tar-riċerka li jippermettulhom jipprovdu direttament il-kontribut lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jagħtu spinta lill-ekonomiji lokali, il-fornituri tal-VET jipprovdu l-ħiliet meħtieġa mill-intrapriżi u huma kapaċi jrawmu t-tkabbir fl-ekonomija lokali.

Fuq skala akbar, l-Alleanzi għall-Innovazzjoni huma mistennija li jimmiraw l-isfidi tas-soċjetà u ekonomiċi, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fl-impjiegi, u jqisu l-oqsma ewlenin bħall-isfidi tal-innovazzjoni, il-provvista tal-ħiliet, it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ekoloġika, id-demografija, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali. Il-benefiċċji jistgħu jinkisbu wkoll mill-kooperazzjoni mal-intrapriżi l-kbar. L-Alleanzi għall-Innovazzjoni se jiffukaw fuq il-ħtieġa taċ-ċittadini u jħaffu l-modernizzazzjoni tal-HE u tal-VET.

Il-Patt għall-Ħiliet mhux biss se jistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet l-oħra tal-Aġenda għall-Ħiliet aġġornata, iżda wkoll għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti tal-Alleanzi għall-Innovazzjoni. B’mod partikolari, ir-riżultati tal-Alleanzi tal-Blueprint għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet se jintużaw bħala l-bażi għas-sħubijiet settorjali fuq skala kbira tal-Patt għall-Ħiliet.

Barra minn hekk, l-Alleanzi se jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-UE dwar l-Aġenda Mġedda għall-Edukazzjoni Għolja[15] u se jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni[16]. Dawn se jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji industrijali u tal-SMEs tal-UE (2021).

L-Alleanzi għall-Innovazzjoni se jqisu wkoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030[17] u d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima[18] bħala parametri ġenerali tal-azzjoni, u b’hekk jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-Patt Ekoloġiku[19] l-ġdid tagħha u l-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa[20].

L-Alleanzi għall-Innovazzjoni huma maħsuba li jkollhom impatt għal żmien qasir u twil fuq il-firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati involuti, fil-livell individwali, organizzazzjonali u sistemiku. Dan l-Impatt huwa mistenni li jmur lil hinn mill-ħajja tal-proġett u lil hinn mill-organizzazzjonijiet involuti fis-sħubijiet. Huwa mistenni li s-sħubija u l-attivitajiet jippersistu. Għal dan, ir-riżultati/ir-riżultati tanġibbli jistgħu ma joperawx weħidhom iżda jkunu marbuta ma’/integrati f’impriżi, skemi, proġetti, pjattaformi eżistenti eċċ.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Il-kriterji għall-għoti li ġejjin japplikaw għal Lott 1- Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi:

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Rabta mal-politika u l-inizjattivi tal-UE: il-proposta tqis u tikkontribwixxi għal kisba tal-għanijiet Ewropej fl-oqsma tal-VET u tal-edukazzjoni għolja; il-proposta tqis u tikkontribwixxi biex tingħata viżibilità lill-għodod u l-inizjattivi eżistenti tal-UE għall-iżvilupp tal-ħiliet;
  • Għan: il-proposta hija rilevanti għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Azzjoni;
  • Konsistenza: l-għanijiet huma bbażati fuq analiżi soda tal-ħtiġijiet; huma definiti b’mod ċar, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-Azzjoni;
  • Innovazzjoni: il-proposta tikkunsidra metodi u tekniki tal-ogħla żvilupp tekniku, u twassal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi speċifiċi għall-proġett;
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud iġġenerat permezz tat-transnazzjonalità u t-trasferibbiltà potenzjali tagħha;
  • Rappreżentazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ: l-Alleanza tinkludi sħab li jirrappreżentaw b’mod adegwat il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • Ħiliet diġitali: sa liema punt il-proposta tintegra l-ħiliet diġitali fil-kontenut tat-taħriġ għal profil okkupazzjonali relatat wieħed jew bosta;
  • Ħiliet ekoloġiċi: il-proposta tintegra ħiliet marbuta mat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u aktar ekoloġika fil-kontenut tat-taħriġ għall-profil professjonali relatat wieħed jew bosta;
  • Ħiliet ta’ reżiljenza: sa fejn il-proposta tintegra l-ħiliet marbuta mal-kapaċità ta’ adattament, ġestjoni tal-bidla, u kura għal xulxin bħala komunità.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Koerenza: it-tfassil globali tal-proġett jiżgura konsistenza bejn l-għanijiet tal-proġett, il-metodoloġija, l-attivitajiet u l-baġit propost. Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet xierqa li jwasslu għall-ħtiġijiet identifikati u għar-riżultati mistennija;
  • Struttura: il-programm ta’ ħidma huwa ċar u intelliġibbli, u jkopri l-fażijiet kollha (il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, l-isfruttament, is-sorveljanza, l-evalwazzjoni u t-tixrid);
  • Metodoloġija: il-proposta tagħmel użu mill-istrumenti u l-għodod tal-UE relatati mal-ħiliet u l-okkupazzjonijiet kull meta jkun rilevanti, bħall-QEK, l-ESCO, il-Europass, l-EQAVET, l-ESG;
  • Ġestjoni: huma previsti arranġamenti ta’ mmanġġjar sodi. L-iskedi ta’ żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma definiti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • Pjan ta’ ħidma: il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-għanijiet u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki: f’konformità mal-għodod u l-prinċipji Ewropej ta’ trasparenza u rikonoxximent, inkluż għall-mikrokredenzjali;
  • Baġit: il-baġit jipprevedi r-riżorsi xierqa meħtieġa għas-suċċess, la huwa sopravalutat u lanqas sottovalutat;
  • Kontroll finanzjarju u tal-kwalità: il-miżuri ta’ kontroll (evalwazzjoni kontinwa tal-kwalità, rieżamijiet bejn il-pari, attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, eċċ.) u l-indikaturi tal-kwalità jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja u kosteffiċjenti. L-isfidi/ir-riskji tal-proġett huma identifikati b’mod ċar u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma indirizzati kif xieraq. Il-proċessi tar-rieżami espert huma ppjanati bħala parti integrali tal-proġett. Il-programm ta’ ħidma tal-Alleanza jinkludi valutazzjoni tal-kwalità esterna indipendenti f’nofs it-terminu u fl-aħħar tal-proġett.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-kompożizzjoni tas-sħubija hija konformi mal-għanijiet tal-azzjoni u tal-proġett; din tiġbor flimkien taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet rilevanti, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-intrapriżi bil-profili meħtieġa, il-ħiliet, l-esperjenza, l-għarfien espert u l-appoġġ għall-ġestjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett; l-Alleanza tinkludi sħab li jirrappreżentaw b’mod xieraq is-settur jew l-approċċ transsettorjali kkonċernat;
  • Impenn: il-kontribuzzjonijiet mis-sħab huma sinifikanti, pertinenti u kumplimentari; id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti hija ċara, xierqa u turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fir-rigward tal-għarfien espert u l-kapaċità speċifika tagħhom;
  • Kompiti: il-koordinatur juri ġestjoni u koordinazzjoni ta’ kwalità għolja tan-networks tranżnazzjonali u ta’ tmexxija f’ambjent kumpless. Il-kompiti individwali huma allokati abbażi tal-għarfien speċifiku ta’ kull sieħeb;
  • Kollaborazzjoni/Spirtu ta’ tim: qed jiġi propost mekkaniżmu effettiv biex jiżgura l-koordinazzjoni, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-komunikazzjoni effiċjenti bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra;
  • Sodisfazzjon: l-Alliance jipprovdi valur miżjud ċar u benefiċċji lil kull organizzazzjoni sieħba;
  • Involviment tal-Pajjiżi Sħab: jekk ikun applikabbli, l-involviment ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti minn Pajjiżi Sħab iġib valur miżjud essenzjali għall-Alliance.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-Alleanza se jintużaw mis-sħab u l-partijiet ikkonċernati l-oħra. Tipprovdi mezzi biex jitkejjel l-isfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara;
  • Tixrid: il-proposta tipprovdi pjan ċar għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi attivitajiet xierqa u ż-żmien tagħhom, għodod u mezzi biex jiżguraw li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b’mod effettiv lill-partijiet ikkonċernati u l-udjenza mhux parteċipanti matul il-ħajja tal-proġett u wara;
  • Impatt: il-proposta turi rilevanza u sensibilizzazzjoni soċjetali u ekonomiċi. Dan jiżgura l-impatt fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew fuq il-gruppi fil-mira u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bi rwol sinifikanti fis-settur ikkonċernat inkluż fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Tinkludi miżuri kif ukoll miri u indikaturi biex timmonitorja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (fuq żmien qasir u twil);
  • Aċċess miftuħ: Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-midja prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa , u ma jkunx fihom limitazzjonijiet mhux proporzjonati;
  • Sostenibbiltà: il-proposta tispjega kif se jiġi żviluppat il-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Il-proposta tinkludi miżuri xierqa u l-identifikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (Ewropej, nazzjonali jew privati) biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji miksuba se jkunu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu punteġġ ta’ mill-inqas 70 punt filwaqt li jitqies il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 13-il punt għall-kategorija “rilevanza tal-proġett”; 16-il punt għall-“kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”, 13-il punt għall-“kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u 11-il punt għall-“impatt”.

Il-proposti ex aequo fi ħdan l-istess suġġett se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “rilevanza” u mbagħad “impatt”.

Il-kriterji għall-għoti li ġejjin japplikaw għal Lott 2 - Alleanzi għal Kooperazzjoni Settorjali (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”):

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Rabta mal-politika u l-inizjattivi tal-UE: il-proposta tqis u tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet Ewropej fil-qasam tal-HE u l-VET u l-politiki settorjali tal-UE rilevanti għall-ekosistema industrijali magħżula, tikkontribwixxi għall-Patt għall-Ħiliet u l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet u tqis l-għodod tal-UE. Proposta li tindirizza ekosistema industrijali li fiha diġà tinsab l-Alleanza tal-Blueprint f’dik l-ekosistema għandha tkun komplementarja b’mod ċar, jiġifieri tkopri qasam differenti b’mod ċar, u għandha tispeċifika x’riżultati tal-proġett(i) tal-Blueprint li għaddejjin se tibni fuqhom; ma għandu jkun hemm l-ebda trikkib fil-kamp ta’ applikazzjoni, fl-outputs u fl-attivitajiet. Fi kwalità ugwali, proposta li tkopri ekosistema jew parti minn ekosistema li mhijiex koperta minn Alleanza tal-Blueprint li għadha għaddejja se tkun aktar rilevanti;
  • Għan: il-proposta hija rilevanti għall-għanijiet u l-attivitajiet tal-Azzjoni. B’mod partikolari, il-proposta tinkludi żviluppi dwar sett rilevanti ħafna ta’ profili okkupazzjonali emerġenti, u tfassal il-kwalifiki relatati, organizzati f’unitajiet ta’ eżiti tal-apprendiment, kemm fil-livelli tal-QEK 3 sa 5 kif ukoll fil-livelli tal-QEK 6 sa 8. Il-proposta tinkludi t-tfassil, it-test u l-għoti inizjali tal-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ relatati, maħsuba u mogħtija bħala opportunitajiet ta’ apprendiment modulari, flessibbli u aċċessibbli, filwaqt li titqies il-validazzjoni tal-ħiliet miksuba qabel;
  • Konsistenza: l-għanijiet huma bbażati fuq analiżi soda tal-ħtiġijiet; huma definiti b’mod ċar, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-Azzjoni;
  • Innovazzjoni: il-proposta tqis metodi u tekniki tal-ogħla żvilupp tekniku, u twassal għal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi;
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud iġġenerat permezz tat-tranżnazzjonalità tagħha;
  • Rappreżentazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ: l-Alleanza tinkludi sħab li jirrappreżentaw b’mod adegwat il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • Rappreżentazzjoni tas-settur/qasam: l-Alleanza tinkludi sħab li jirrappreżentaw b’mod xieraq l-ekosistema industrijali kkonċernata;
  • Teknoloġiji diġitali u abilitanti essenzjali (KETs), inkluż ħiliet fl-Intelliġenza Artifiċjali (IA): sa liema punt il-proposta tindirizza dawn il-ħiliet fit-tfassil tal-proġett għall-profil okkupazzjonali relatat wieħed, jew bosta;
  • Ħiliet ekoloġiċi: il-proposta tintegra ħiliet marbuta mat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u aktar ekoloġika fil-kontenut tat-taħriġ għall-profil okkupazzjonali relatat wieħed jew bosta.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Koerenza: Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet xierqa li jwasslu għall-ħtiġijiet identifikati u għar-riżultati mistennija;
  • Struttura: il-programm ta’ ħidma huwa ċar u intelliġibbli, u jkopri l-fażijiet kollha (il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, l-isfruttament, is-sorveljanza, l-evalwazzjoni u t-tixrid);
  • Metodoloġija: il-proposta tagħmel użu mill-istrumenti u l-għodod tal-UE relatati mal-ħiliet u l-okkupazzjonijiet kull meta jkun rilevanti, bħall-QEK, l-ESCO, il-Europass, l-EQAVET, l-ESG;
  • Ġestjoni: huma previsti arranġamenti ta’ mmanġġjar sodi. L-iskedi ta’ żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma definiti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • Pjan ta’ ħidma: il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-għanijiet u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki: f’konformità mal-għodod u l-prinċipji Ewropej tat-trasparenza u tar-rikonoxximent;
  • Baġit: il-baġit jipprevedi r-riżorsi xierqa meħtieġa għas-suċċess, la huwa sopravalutat u lanqas sottovalutat u huwa proporzjonat għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta; proposta għal ekosistema industrijali li fiha diġà tinsab għaddejja Alleanza tal-Blueprint hija mistennija li tissottometti baġit li juri b’mod ċar li l-finanzjament doppju se jiġi evitat, peress li se jikkomplementa u jibni fuq il-ħidma li diġà saret mill-Blueprint li għaddej bħalissa;
  • Kontroll finanzjarju u tal-kwalità: il-miżuri ta’ kontroll (evalwazzjoni kontinwa tal-kwalità, rieżamijiet bejn il-pari, attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, eċċ.) u l-indikaturi tal-kwalità jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett hi ta’ kwalità għolja u kosteffiċjenti. L-isfidi/ir-riskji tal-proġett huma identifikati b’mod ċar u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma indirizzati kif xieraq. Il-proċessi tar-rieżami espert huma ppjanati bħala parti integrali tal-proġett. Il-programm ta’ ħidma tal-Alleanza jinkludi valutazzjoni tal-kwalità esterna indipendenti f’nofs it-terminu u fl-aħħar tal-proġett.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-kompożizzjoni tas-sħubija hija konformi mal-għanijiet tal-azzjoni u tal-proġett; din tiġbor flimkien taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet rilevanti, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-industrija, inklużi SMEs, bil-profili meħtieġa, il-ħiliet, l-esperjenza, l-għarfien espert u l-appoġġ għall-ġestjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett. L-Alleanza tiżgura r-rappreżentattività adegwata tal-ekosistema industrijali: ir-rappreżentattività u l-għarfien espert tas-sħab fl-ekosistema industrijali kkonċernata u fil-livell nazzjonali u Ewropew huma murija b’mod konvinċenti. Il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali Ewropej u/jew is-sħab soċjali nazzjonali fil-pajjiżi koperti mill-Alleanza hija rilevanti ħafna. It-tixrid u r-rappreżentattività ġeografiċi tas-sħab rilevanti fuq il-Pajjiżi tal-Programm u r-reġjuni involuti fl-Alleanza għandhom ikunu tali li l-Alleanza jkollha kapaċità ta’ implimentazzjoni kbira fil-pajjiżi u r-reġjuni koperti (eż. permezz tal-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjoni fis-settur Ewropew u/jew sħab soċjali Ewropej);
  • Impenn: il-kontribuzzjonijiet mis-sħab huma sinifikanti, pertinenti u kumplimentari; id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti hija ċara, xierqa u turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fir-rigward tal-għarfien espert u l-kapaċità speċifika tagħhom;
  • Kompiti: il-koordinatur juri ġestjoni u koordinazzjoni ta’ kwalità għolja tan-networks tranżnazzjonali u ta’ tmexxija f’ambjent kumpless. Il-kompiti individwali huma allokati abbażi tal-għarfien speċifiku ta’ kull sieħeb;
  • Kollaborazzjoni/Spirtu ta’ tim: huwa propost mekkaniżmu effettiv biex jiġu żgurati koordinazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet u komunikazzjoni tajbin bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra;
  • Sodisfazzjon: l-Alliance jipprovdi valur miżjud ċar u benefiċċji lil kull organizzazzjoni sieħba;
  • Involviment tal-Pajjiżi Sħab: jekk ikun applikabbli, l-involviment ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti minn Pajjiżi Sħab iġib valur miżjud essenzjali għall-Alliance.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-Alleanza se jiġu implimentati fil-pajjiżi parteċipanti f’konformità mal-għanijiet tal-Patt għall-Ħiliet;
  • Tixrid: il-proposta tipprovdi pjan ċar għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi attivitajiet u ż-żmien tagħhom, għodod u mezzi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b’mod effettiv lill-partijiet ikkonċernati;
  • Impatt: il-proposta turi rilevanza u sensibilizzazzjoni soċjetali u ekonomiċi. Dan jiżgura l-impatt fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew fuq il-gruppi fil-mira u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bi rwol sinifikanti fis-settur ikkonċernat inkluż fl-edukazzjoni u t-taħriġ, bħal dawk li ngħaqdu mal-Patt għall-Ħiliet. Tinkludi miżuri kif ukoll miri u indikaturi biex timmonitorja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (fuq żmien qasir u twil);
  • Aċċess miftuħ: jekk rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-midja prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa u f’format marbut ta’ data miftuħa, u ma fihiex limitazzjonjiet sproporzjonati;
  • Sostenibbiltà: il-proposta tispjega kif se jiġi żviluppat il-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Il-proposta tinkludi miżuri xierqa u l-identifikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (Ewropej, nazzjonali u privati) biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji miksuba mill-Alleanza jkunu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett.

Għal-Lott 2 proposta waħda biss għal kull ekosistema tista’ tiġi finanzjata.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu punteġġ ta’ mill-inqas 70 punt, filwaqt li jitqies ukoll il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 13-il punt għall-kategorija “rilevanza tal-proġett”; 16-il punt għall-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett, 13-il punt għall-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u 11-il punt għall-impatt.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità awtorizzanti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.

L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija kif ġej:

  • Lott 1- Alleanzi għall-Edukazzjoni u l-Intrapriżi
  • EUR 1 miljun (proġett ta’ 2 snin)
  • EUR 1,5 miljun (proġett ta’ 3 snin)
  • Lott 2 - Alleanzi għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet (l-implimentazzjoni tal-“Blueprint”):
  • EUR 4 miljun (proġett ta’ 4 snin) - proposta waħda biss għal kull ekosistema industrijali tista’ tintgħażel għall-finanzjament. Bl-istess kwalità, proposta li tkopri ekosistema li mhi koperta xejn minn Alleanza tal-Blueprint li għadha għaddejja se tiġi vvalutata bħala aktar rilevanti.

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti għandhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  1. Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni ta’ avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  2. Il-proposta għandha tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  3. L-applikanti għandhom jipprovdu fil-proposta tagħhom tqassim tal-ispejjeż stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  4. L-ispejjeż deskritti jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, l-ispejjeż tat-tagħmir u tas-sottokuntrattar kif ukoll spejjeż oħra (bħat-tixrid tal-informazzjoni, pubblikazzjoni jew traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna ta’ esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 80 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal awtorizzanti se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, l-ispejjeż totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq ir-riżultati aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-ilħuq ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim tal-Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

  1. https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC101581/lfna27939enn.pdf

  2. L-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223

  3. COM/2020/102 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0102

  4. COM/2020/102 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0102

  5. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1415&langId=mt

  6. Eż. il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, il-Qafas ta’ Kompetenza għall-Intraprenditorija u l-Qafas Ewropew għall-Kompetenza Elettronika (e-CF)

  7. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1501

  8. https://s3platform.jrc.ec.europa.eu/home

  9. https://www.clustercollaboration.eu

  10. https://eit.europa.eu/

  11. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32018H0604(01)&from=MT

  12. Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika

  13. Il-MOOC huwa Kors Online Miftuħ Massiv immirat lejn parteċipazzjoni bla limitu u aċċess miftuħ permezz tal-internet. Minbarra l-materjal tradizzjonali tal-korsijiet bħal lekċers iffilmjati, qari, u settijiet tal-problemi, ħafna MOOCs jipprovdu forums interattivi għall-utenti biex jappoġġaw l-interazzjonijiet tal-komunità fost l-istudenti, il-professuri u l-assistenti tat-tagħlim.

  14. Ara r-Riżultat tanġibbli fuq terminu medju 2 (MTD2), fil-Konklużjonijiet ta’ Riga tal-2015: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/200c516d-b8de-4c2a-a233-218671296c8d/language-mt

  15. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX %3A52017DC0247

  16. https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/european-education-area_mt

  17. https://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

  18. https://unfccc.int/process-and-meetings/the-paris-agreement/the-paris-agreement

  19. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/european-green-deal-communication_en.pdf

  20. https://ec.europa.eu/info/strategy/recovery-plan-europe_mt

.foot {font-size: 0.8em; margin-left: 2.5em; border-top: 1px solid black;} table, td, tr{border: 1px solid black; cellpadding="1"; cellspacing="1";} table{margin-bottom: 30px;}