Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Azzjoni Erasmus Mundus

L-azzjoni Erasmus Mundus tinkludi:

  • Lott 1: Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJM) u
  • Lott 2: Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus (EMDM).

Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni madwar id-dinja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ programmi ta’ studju – fil-livell ta’ masters – li jitwasslu flimkien u jiġu rikonoxxuti b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti fl-Ewropa, u miftuħa għal istituzzjonijiet f’pajjiżi oħra tad-dinja.

Il-Master Konġunt tal-Erasmus Mundus u l-Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus jirrappreżentaw żewġ lottijiet indipendenti. M’hemm l-ebda obbligu li jiġi implimentat EMDM qabel EMJM. L-għoti ta’ EMDM ma jimplikax finanzjament awtomatiku taħt EMJM u t-tlestija ta’ proġett EMDM mhijiex kriterju tal-għoti għal EMJM.

Lott 1: Il-Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJM)

L-EMJM jappoġġa programmi ta’ studju tranżnazzjonali integrati ta’ livell għoli fil-livell ta’ Master[1] mogħtija minn konsorzju internazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) minn pajjiżi differenti madwar id-dinja u, fejn rilevanti, sħab edukattivi u/jew mhux edukattivi oħra b’għarfien espert speċifiku u interess fl-oqsma ta’ studju/dominji professjonali kkonċernati.

L-EMJMs huma programmi ta’ eċċellenza u għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA). L-ispeċifiċità tal-EMJMs tinsab fil-grad għoli ta’ konġunzjoni/integrazzjoni fost l-istituzzjonijiet parteċipanti u l-eċċellenza tal-kontenut akkademiku tagħhom.

GĦANIJIET TAL-EMJM

L-EMJM għandha l-għan li ttejjeb l-attrazzjoni u l-eċċellenza tal-edukazzjoni għolja Ewropea fid-dinja u li tattira talent lejn l-Ewropa, permezz ta’ taħlita ta’:

  1. kooperazzjoni akkademika istituzzjonali biex tintwera l-eċċellenza Ewropea fl-edukazzjoni għolja, u
  2. mobbiltà individwali għall-istudenti kollha li jieħdu sehem fl-EMJM, b’boroż ta’ studju ffinanzjati mill-UE għall-aħjar studenti li japplikaw

LIEMA HUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦALL-MASTER KONĠUNT TAL-ERASMUS MUNDUS?

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti għal proġetti għal Master Konġunt tal-Erasmus Mundus iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe istituzzjoni parteċipanti eliġibbli ta’ edukazzjoni għolja stabbilita f’Pajjiż tal-Programm jew f’Pajjiż Sieħeb tista’ tissottometti l-applikazzjoni.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

L-organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata, bl-entitajiet affiljati tagħha (jekk jeżistu) stabbilita f’Pajjiż tal-Programm jew f’Pajjiż Sieħeb li tikkontribwixxi direttament u b’mod attiv għat-twettiq tal-EMJM.

L-HEIs stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) valida. Mhix meħtieġa ECHE għal HEIs parteċipanti minn Pajjiżi Sieħba, iżda dawn se jkollhom jikkonformaw mal-prinċipji tagħha.

Fl-istadju tal-applikazzjoni l-HEIs sħab sħaħ iridu juru li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (QA) esterna tal-ġuriżdizzjoni tagħhom (eż. akkreditazzjoni jew evalwazzjoni) għall-programm konġunt. Dan jista’ jirriżulta jew (i) billi jkunu implimentaw b’suċċess l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti), (ii) jew ikunu bbażati fuq akkreditazzjoni/evalwazzjoni speċifika tal-programm konġunt, (iii) jew ta’ kull komponent nazzjonali li abbażi tiegħu l-EMJM huwa kompost.

Barra minn hekk, il-programm ta’ studju tal-EMJM jista’ jibbenefika wkoll mill-involviment ta’ sħab assoċjati (fakultattiv). Dawn l-organizzazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod indirett għall-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi u/jew jappoġġaw it-tixrid u s-sostenibbiltà tal-EMJM. Din il-kontribuzzjoni tista’ pereżempju tieħu l-forma ta’ trasferiment ta’ għarfien u ħiliet, il-forniment ta’ korsijiet komplementari jew l-għoti ta’ appoġġ għal possibbiltajiet għal sekondar jew kollokament. Għall-eliġibbiltà u l-aspetti tal-ġestjoni kuntrattwali, dawn mhumiex ikkunsidrati bħala benefiċjarji tal-finanzjament tal-Programm.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

L-EMJM jinvolvi mill-inqas tliet HEIs sħab sħaħ minn tliet pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas tnejn iridu jkunu Pajjiżi tal-Programm.

Parteċipanti eliġibbli

L-EMJM jirreġistra studenti fil-livell ta’ Master li jkunu kisbu l-ewwel lawrja ta’ edukazzjoni għolja jew li juru livell ekwivalenti ta’ apprendiment rikonoxxut skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali fil-pajjiżi/fl-istituzzjonijiet li jagħtu l-lawrji.

L-istudenti li qabel ikunu kisbu borża ta’ studju tal-EMJM mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal borża ta’ studju addizzjonali taħt l-EMJM.

Il-boroż ta’ studju tal-EMJM jistgħu jiġu offruti lil studenti minn madwar id-dinja kollha. Madankollu, il-konsorzji għandhom jiżguraw bilanċ ġeografiku – jiġifieri mhux aktar minn 10 % tan-numru totali ta’ boroż ta’ studju mogħtija matul l-implimentazzjoni tal-proġett għandhom jingħataw lil kandidati mill-istess nazzjonalità (din ir-regola ma tapplikax għall-boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli).

Post(ijiet) tal-attivitajiet, fejn applikabbli

L-EMJM jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti kollha rreġistrati (detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-EMJM jew le) li tikkonsisti f’minimu ta’ żewġ perjodi ta’ studju f’żewġ pajjiżi, li minnhom mill-inqas wieħed irid ikun Pajjiż tal-Programm. Dawn iż-żewġ pajjiżi jridu jkunu differenti mill-pajjiż ta’ residenza tal-istudent fl-istadju ta’ reġistrazzjoni. Kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ studju obbligatorji jrid jikkorrispondi għal ammont ta’ xogħol ta’ mill-inqas semestru akkademiku wieħed (30 kreditu tal-ECTS jew ekwivalenti).

Il-perjodi ta’ studju kollha tal-programm tal-Master għandhom isiru f’HEIs sħab sħaħ, jew taħt is-superviżjoni diretta tagħhom.

Il-perjodi obbligatorji ta’ mobbiltà ma jistgħux jinbidlu b’mobbiltà virtwali (apprendiment mill-bogħod).

Durata tal-proġett (u tal-attività, fejn applikabbli)

Il-konsorzju se jirċievi ftehim ta’ għotja għal perjodu ta’ 6 snin akkademiċi biex jiffinanzja mill-inqas erba’ edizzjonijiet tal-programm tal-Master, kull wieħed idum bejn sena u sentejn akkademiċi (60, 90, jew 120 kreditu tal-ECTS).

Il-Lawrji ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJMDs) u l-Masters Konġunt (EMJMs) li kienu ffinanzjati qabel jistgħu japplikaw biss għal tiġdid mhux aktar kmieni mis-sena qabel ma jintemm il-kuntratt. Fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jibdew żewġ edizzjonijiet ta’ Master iffinanzjat minn żewġ ftehimiet ta’ għotja differenti fl-istess sena akkademika.

Il-borża ta’ studju tingħata għal reġistrazzjoni full-time, u se tkopri d-durata kollha tal-programm tal-Master (jiġifieri 12, 18, 24 xahar). Tul ta’ żmien imnaqqas tal-borża ta’ studju huwa applikabbli f’każ ta’ rikonoxximent ta’ apprendiment preċedenti (b’durata minima ta’ borża ta’ studju ta’ sena akkademika waħda).

L-ewwel ġenerazzjoni ta’ studenti rreġistrati m’għandhiex tibda tistudja aktar tard mis-sena akkademika wara s-sena tal-għażla tal-proġett.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.

ID tas-sejħa: ERASMUS-EDU-2021-PEX-EMJM-MOB

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-26 ta’ Mejju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

L-EMJMs huma mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

  1. Jinkludu kurrikulu mfassal b’mod konġunt u integrat b’mod sħiħ li jissottoskrivi għall-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA)[2] applikabbli fid-data tal-applikazzjoni tal-EMJM. Dawn l-istandards ikopru l-aspetti ewlenin kollha tal-programmi konġunti, f’termini ta’ tfassil konġunt, implimentazzjoni, twassil u assigurazzjoni tal-kwalità.

Lil hinn mill-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti, l-EMJMs jagħmlu enfasi fuq il-proċeduri ta’ implimentazzjoni konġunti/komuni li ġejjin:

  • Rekwiżiti konġunti ta’ ammissjoni għall-istudenti u regoli/proċeduri ta’ applikazzjoni, għażla, monitoraġġ, eżami/evalwazzjoni tal-prestazzjoni;
  • It-tfassil ta’ programm konġunt u attivitajiet integrati ta’ tagħlim/taħriġ inkluż politika tal-lingwa miftiehma b’mod konġunt u proċess konġunt għar-rikonoxximent ta’ perjodi ta’ studju fi ħdan il-konsorzju;
  • Servizzi komuni offruti lill-istudenti (eż. korsijiet tal-lingwa, appoġġ għall-viża);
  • Attivitajiet konġunti ta’ promozzjoni u sensibilizzazzjoni sabiex jiżguraw il-viżibbiltà tal-programm madwar id-dinja kif ukoll tal-iskema ta’ boroż ta’ studju Erasmus Mundus. L-istrateġija promozzjonali għandha tinkludi sit web speċifiku integrat u komprensiv (bl-Ingliż, kif ukoll fil-lingwa(i) tat-tagħlim ewlenija jekk differenti) li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-programm għall-istudenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra bħal impjegaturi futuri;
  • Ġestjoni amministrattiva u finanzjarja konġunta mill-konsorzju;
  • Il-lawrji konġunti huma mħeġġa, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan.
  1. Jitwasslu minn konsorzju ta’ HEIs u, fejn rilevanti, sħab edukattivi u/jew mhux edukattivi oħra, stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm jew f’Pajjiż Sieħeb. Il-konsorzju jrid jinvolvi mill-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas tnejn iridu jkunu Pajjiżi tal-Programm.

L-HEIs sħab sħaħ kollha (mill-Pajjiżi tal-Programm jew Sħab) iridu jkunu istituzzjonijiet li joffru lawrja fil-livell ta’ Masters bil-kapaċità li joħorġu lawrja konġunta jew multipla li turi t-tlestija b’suċċess tal-programm EMJM.

Qabel ir-reġistrazzjoni tal-ewwel studenti tal-EMJM, għandu jiġi żgurat l-impenn istituzzjonali meħtieġ min-naħa tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fil-konsorzju tal-EMJM sabiex jiġu żgurati inkorporazzjoni u appoġġ istituzzjonali solidu. Dan l-impenn jieħu l-forma ta’ Ftehim ta’ Sħubija EMJM, li għandu jiġi ffirmat mill-istituzzjonijiet sħab kollha (inkluż sħab assoċjati jekk jitqiesu rilevanti). L-HEIs parteċipanti minn pajjiżi sħab għandhom jimpenjaw ruħhom għall-prinċipji tal-ECHE f’dan il-Ftehim ta’ Sħubija. Dan il-Ftehim ta’ Sħubija tal-EMJM se jkollu jkopri l-aspetti akkademiċi, operattivi, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-EMJM u l-ġestjoni tal-boroż ta’ studju għal EMJM (ara hawn taħt). L-abbozz ta’ Ftehim ta’ Sħubija huwa pprovdut fl-istadju tal-applikazzjoni.

  1. Ir-reklutaġġ ta’ studenti eċċellenti madwar id-dinja. L-għażla, ir-reklutaġġ u l-monitoraġġ tal-istudenti individwali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-konsorzju tal-EMJM. L-għażla tal-istudenti għandha tiġi organizzata b’mod trasparenti, imparzjali u ekwu. Fost dawn l-istudenti, numru minnhom jistgħu jibbenefikaw minn borża ta’ studju tal-EMJM.

Sabiex tiġi garantita trasparenza sħiħa, u biex jiġu ddefiniti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istudenti kollha rreġistrati, iż-żewġ partijiet (jiġifieri l-istudenti rreġistrati u l-konsorzju EMJM) għandhom jiffirmaw Ftehim tal-Istudenti mar-reġistrazzjoni tal-istudenti fil-programm. Il-mudell tal-Ftehim tal-Istudenti għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-EMJM.

  1. Jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti kollha rreġistrati: Il-binarji ta’ mobbiltà u l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-perjodi ta’ studju fost l-istituzzjonijiet sħab iridu jkunu ġew miftiehma fi ħdan il-konsorzju fl-istadju ta’ applikazzjoni tal-proġett.
  2. Jippromwovi l-iskambju tal-persunal u tal-akkademiċi mistiedna biex jikkontribwixxu għal attivitajiet ta’ tagħlim, taħriġ, riċerka u attivitajiet amministrattivi.
  3. It-tlestija b’suċċess tal-programm EMJM konġunt għandha twassal għall-għoti ta’ lawrja konġunta (jiġifieri diploma waħda maħruġa minn tal-anqas żewġ HEIs minn pajjiżi differenti, li minnhom tal-anqas wieħed irid ikun Pajjiż tal-Programm), jew lawrji multipli (jiġifieri tal-anqas żewġ diplomi mogħtija minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti, li minnhom tal-anqas wieħed irid Pajjiż tal-Programm), jew kombinazzjoni tat-tnejn.

Il-lawrja/i mogħtija lill-gradwati jridu jappartjenu għas-sistemi tal-lawrji ta’ edukazzjoni għolja tal-pajjiżi li fihom huma bbażati l-HEIs. Il-lawrja/i għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod reċiproku mill-HEIs sħab sħaħ kollha li jagħtu l-lawrji. Il-konsorzji għandhom jipprovdu lill-istudenti b’Suppliment tad-Diploma konġunt fi tmiem l-istudji tagħhom, li jkopri l-kontenut kollu tal-programm tal-Master.

Fl-istadju tal-applikazzjoni, il-proposti tal-EMJM iridu jippreżentaw programmi ta’ studju konġunti żviluppati bis-sħiħ, li huma lesti biex jitmexxew u jiġu reklamati madwar id-dinja minnufih wara li jintgħażlu. Ma hemm ebda limitu f’termini ta’ dixxiplini.

Minbarra l-kontribuzzjoni finanzjarja biex jitmexxew programmi ta’ Master konġunti (ara t-taqsima ta’ hawn taħt dwar ir-regoli ta’ finanzjament), kwalunkwe proġett iffinanzjat mill-EM li jintemm fil-perjodu 2021-2027 (inklużi dawk li bdew matul il-perjodu 2014-2020) jista’ jkompli jmexxi l-kors bħala Master tal-Erasmus Mundus għal sa tliet edizzjonijiet addizzjonali wara t-tmiem tal-azzjoni, sakemm il-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja mwettqa mill-EACEA fl-istadju tar-rapportar finali se tirriżulta f’punteġġ ta’ 75 jew aktar. Il-Masters ikkonċernati għandhom jimpenjaw ruħhom li (i) ikomplu jirrispettaw l-għanijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-impatt mistenni tal-azzjoni, (ii) jinvolvu ruħhom biex jiżguraw il-kontinwità mal-programm ta’ Master iffinanzjat qabel u (iii) jipprovdu rapport tal-attività fi tmiem il-perjodu kkonċernat.

IMPATT MISTENNI

Fil-livell tas-sistema

  • Irawwem il-kooperazzjoni akkademika fi ħdan l-EHEA u lil hinn billi jappoġġa t-tagħlim u l-kwalifiki konġunti, it-titjib fil-kwalità, il-promozzjoni tal-eċċellenza akkademika;
  • Isaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja permezz tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fl-Ewropa u barra minnha, u permezz tal-mobbiltà għall-aħjar studenti madwar id-dinja;
  • Iżid s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni għolja, l-innovazzjoni u r-riċerka;
  • Ineħħi l-ostakli għall-apprendiment, itejjeb l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u mmexxija mill-innovazzjoni u jagħmilha aktar faċli għall-istudenti biex jiċċaqilqu bejn il-pajjiżi;
  • Iwieġeb għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol;
  • Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ politiki innovattivi dwar l-edukazzjoni.

Fil-livell istituzzjonali

  • Jipprovdi lill-HEIs Ewropej u mhux Ewropej b’aktar opportunitajiet għal kooperazzjoni akkademika strutturata u sostenibbli madwar id-dinja;
  • Itejjeb il-kwalità tal-programmi fil-livell ta’ Master u l-arranġamenti ta’ superviżjoni;
  • Iżid l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Jappoġġa l-ħolqien ta’ networks ġodda u jtejjeb il-kwalità ta’ dawk eżistenti;
  • Iżid l-attrazzjoni tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti lejn studenti b’talent;
  • Jikkontribwixxi għall-politiki tal-internazzjonalizzazzjoni tal-HEIs billi jiżviluppa għarfien internazzjonali permezz tal-kurrikuli tagħhom u t-tfassil ta’ strateġiji komprensivi ta’ internazzjonalizzazzjoni (kooperazzjoni istituzzjonali u mobbiltà transfruntiera tan-nies).

Fil-livell individwali

  • Itejjeb l-impjegabbiltà tal-istudenti parteċipanti;
  • Itejjeb il-kompetenzi u l-ħiliet ewlenin tal-istudenti;
  • Joħloq mentalitajiet u approċċi ġodda għall-istudji akkademiċi permezz ta’ esperjenza internazzjonali, interdixxiplinari, intersettorjali u interkulturali;
  • Isaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ networking u komunikazzjoni tal-istudenti;
  • Iżid il-kontribut individwali għall-ekonomija u s-soċjetà bbażati fuq l-għarfien.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • L-għanijiet ġenerali u l-għanijiet speċifiċi tal-proġett u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-EMJM;
  • Ir-raġunament tal-proġett u kif dan jirrispondi għall-ħtiġijiet identifikati tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol fil-qasam tematiku rilevanti;
  • Strateġija biex jitrawmu l-eċċellenza u l-innovazzjoni;
  • Strateġija biex iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja ssir aktar attraenti u biex tikkontribwixxi għall-integrazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tagħha.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kooperazzjoni/l-integrazzjoni tal-EMJM b’referenza għat-tfassil, l-implimentazzjoni, it-twassil u l-assigurazzjoni tal-kwalità tiegħu, fir-rigward tar-rekwiżiti deskritti fit-taqsima 1.2. B’mod partikolari, il-proposta tiddeskrivi:
  • Il-miżuri interni u esterni tal-assigurazzjoni tal-kwalità;
  • Il-prinċipji u r-rekwiżiti għall-applikazzjoni, l-għażla, il-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-kors, u l-allokazzjoni tal-boroż ta’ studju tal-istudenti;
  • Il-programm akkademiku u kif l-eċċellenza u l-elementi innovattivi fl-esperjenza tal-apprendiment se jkunu żgurati fil-konsorzju kollu;
  • L-organizzazzjoni ta’ perjodi ta’ studju inklużi r-rekwiżiti minimi ta’ mobbiltà u r-rikonoxximent reċiproku tal-eżiti/krediti tal-apprendiment;
  • Is-servizzi offruti lill-istudenti;
  • Il-lawrja/i konġunta/i li għandhom jitwasslu u r-rikonoxximent tagħhom mill-HEIs sħab sħaħ tal-għoti, kif ukoll is-suppliment tad-diploma konġunta;
  • Il-kontribuzzjoni tal-persunal mobbli u tal-akkademiċi mistiedna għal attivitajiet ta’ tagħlim, taħriġ, riċerka u attivitajiet amministrattivi;
  • Miżuri ta’ appoġġ speċifiċi għall-iffaċilitar ta’ aċċess ugwali u inklużiv għall-parteċipanti, u r-reġistrazzjoni ta’ studenti/persunal/akkademiċi mistiedna bi ħtiġijiet individwali marbuta ma’ indebolimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul;
  • L-identifikazzjoni tar-riskji fl-implimentazzjoni tal-proġett, u l-ippjanar ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Ir-raġuni għall-kompożizzjoni tal-konsorzju u l-komplementarjetajiet tas-sħab; il-valur miżjud tagħhom għall-implimentazzjoni tal-EMJM u kif kull sieħeb jibbenefika mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett.
  • Il-karattru innovattiv tal-konsorzju u l-inklużjoni ta’ sħab b’livelli differenti ta’ esperjenza bl-azzjoni ta’ Erasmus Mundus. Jekk applikabbli:

- kif ġie msaħħaħ il-konsorzju Erasmus Mundus eżistenti

- kif hija organizzata l-kooperazzjoni mal-atturi mhux edukattivi u għal liema skop.

  • L-impenn istituzzjonali, id-definizzjoni tar-rwoli u l-kompiti ta’ kull sieħeb, u l-livell ta’ involviment fl-attivitajiet tal-proġett; arranġamenti ta’ kooperazzjoni, korpi ta’ tmexxija u għodod ta’ ġestjoni b’mod partikolari li jikkonċernaw il-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja. L-abbozz tal-Ftehim ta’ Sħubija huwa komprensiv u koerenti mad-deskrizzjoni tal-EMJM.
  • Id-distribuzzjoni tal-finanzjament u l-pjan baġitarju; il-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzjament kumplimentari.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Il-projezzjonijiet f’termini tal-għadd ta’ studenti rreġistrati fil-perjodu ta’ żmien tal-proġett u l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament bil-għan li jinbena Master sostenibbli. Miżuri li jiżguraw bilanċ bejn il-pajjiżi fir-reklutaġġ tal-istudenti;
  • Strateġija ta’ promozzjoni sabiex tattira studenti eċċellenti minn madwar id-dinja: gruppi fil-mira, il-kompiti tas-sħab, u kif l-istudenti se jkunu mħeġġa jikkontribwixxu għall-identità/komunità ta’ Erasmus+;
  • Strateġija ta’ tixrid u sfruttament;
  • L-impatt fil-livell tas-sistema (fl-akkademja u barra minnha, inklużi l-pubbliku ġenerali u s-soċjetà), fil-livell istituzzjonali (organizzazzjonijiet sħab), u fil-livell individwali (b’enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà);
  • L-istrateġija ta’ żvilupp u sostenibbiltà fuq perjodu medju/twil ta’ żmien lil hinn mill-finanzjament tal-UE.

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 70 punt. Barra minn hekk, dawn għandhom jagħtu punteġġ ta’ mill-inqas 22 punt għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza tal-proġett”. F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad, “impatt”.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

L-għotja tal-EMJM tiġi kkalkulata fuq il-bażi tat-tliet komponenti li ġejjin:

  • kontribuzzjoni għall-ispejjeż istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-programm;
  • numru massimu ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti li għandhom jingħataw matul il-perjodu kollu tal-ftehim.
  • żieda maħsuba biex tkopri l-ħtiġijiet individwali tal-istudenti b’diżabilità

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż istituzzjonali tal-EMJM

Din tieħu l-forma ta’ spiża unitarja għal kull student irreġistrat u hija maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm EMJM.

L-ispiża unitarja tinkludi l-ispejjeż tal-persunal (tagħlim, ivvjaġġar), il-lekċerers mistiedna, il-promozzjoni, it-tixrid, l-ispejjeż organizzattivi (inkluż il-kopertura sħiħa tal-assigurazzjoni għall-istudenti rreġistrati, l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti rreġistrati bi bżonnijiet individwali fil-każ li ma jkunux koperti mill-mekkaniżmu supplimentari (ara hawn taħt), l-assistenza fl-akkomodazzjoni, u servizzi oħra tal-istudenti), l-ispejjeż amministrattivi, u l-ispejjeż l-oħra kollha meħtieġa biex jiġi implimentat programm ta’ Master ta’ suċċess.

Proġetti magħżula ma jistgħux jitolbu tariffi għall-applikazzjoni tal-istudenti. Barra minn hekk, il-proġetti ma jistgħux jitolbu miżati għat-tagħlim jew spejjeż obbligatorji oħra relatati mal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-kors għad-detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-Erasmus Mundus.

 

Il-kontribuzzjoni massima għall-ispejjeż istituzzjonali hija: EUR 750/xahar x DR x NRES

Fejn:

  • DR = durata massima f’xhur tal-programm ta’ Masters (eż. 12, 18, 24 xahar)
  • NRES = l-għadd ta’ studenti rreġistrati (detenturi ta’ borża ta’ studju u le) previst għat-tul kollu tal-ftehim ta’ għotja.

Kun af li għall-kalkolu tal-għotja, l-NRES se jkun limitat għal 100 (esklużi boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli).

Boroż ta’ studju għall-istudenti

Il-borża ta’ studju se tkun kontribuzzjoni għall-ispejjeż imġarrba mill-istudenti benefiċjarji u għandha tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-viża, tal-installazzjoni u tas-sussistenza. Din tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-ispiża unitarja ta’ kull xahar għall-perjodu kollu meħtieġ mid-detentur ta’ borża ta’ studju rreġistrat biex ilesti l-programm ta’ studju. Dan il-perjodu jkopri l-istudju, ir-riċerka, l-attivitajiet ta’ kollokament, it-tħejjija u d-difiża tat-teżi, f’konformità mar-rekwiżit tal-Masters konġunt. Matul dan il-perjodu, il-borża ta’ studju tista’ tingħata biss b’mod sħiħ, u lil studenti full-time.

Kalkolu tal-borża ta’ studju massima għal kull student:

Il-borża ta’ studju hija kkalkolata bħala: EUR 1 400/xahar x DS

Fejn DS = durata tal-programm ta’ Masters.

Kalkolu tal-ammont massimu ta’ borża ta’ studju tal-EMJM għad-durata tal-ftehim ta’ għotja:

L-ammont massimu tal-borża ta’ studju huwa kkalkolat bħala: EUR 1 400/xahar x DR x NRS

Fejn:

  • DR = durata massima f’xhur tal-programm ta’ Masters (eż. 12, 18, 24 xahar)
  • NRS = numru ta’ boroż ta’ studju previsti għat-tul kollu tal-ftehim ta’ għotja (massimu ta’ 60, esklużi boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli)

Kontribut għall-ħtiġijiet individwali tal-istudenti b’diżabilità

Il-kontribuzzjoni għall-ħtiġijiet individwali hija eliġibbli jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-ftehim tal-għotja. Dawn se jintużaw għal studenti rreġistrati (bi jew mingħajr borża ta’ studju) b’diżabilità (eż. indebolimenti fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul), bħal dawk relatati mal-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi speċjali (eż. assistenza minn persuni terzi, adattament tal-ambjent tax-xogħol, spejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar/tat-trasport).

 

L-appoġġ biex jiġu koperti tali ħtiġijiet individwali ta’ studenti rreġistrati, se jieħu l-forma tal-ispejjeż unitarji ta’ ħtiġijiet speċjali li ġejjin:

(a) EUR 3 000

(b) EUR 4 500

(c) EUR 6 000

(d) EUR 9 500

(e) EUR 13 000

(f) EUR 18 500

(g) EUR 27 500

(h) EUR 35 500

(i) EUR 47 500

(j) EUR 60 000

Kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-ispiża unitarja għal kull student:

L-istudenti rreġistrati se jiddikjaraw liema tip ta’ oġġetti/servizzi huma meħtieġa u l-kost tagħhom. L-ispiża unitarja applikabbli se tiġi identifikata bħala r-rata li tikkorrispondi għal jew immedjatament inqas mill-ispejjeż stmati. Din l-ispiża unitarja hija kontribuzzjoni, u mhijiex maħsuba biex tkopri bis-sħiħ l-ispejjeż attwali.

NB: kostijiet taħt l-inqas rata (jiġifieri inqas minn EUR 3 000) mhumiex se jkunu eliġibbli għal appoġġ addizzjonali u se jkollhom jiġu koperti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż istituzzjonali tal-EMJM jew minn sorsi oħra ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet benefiċjarji.

Kalkolu tal-kontribuzzjoni massima allokata lill-EMJM għat-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ għotja:

Fl-istadju tal-applikazzjoni, fuq il-bażi tal-istima tagħhom, l-applikanti se jitolbu massimu ta’ żewġ spejjeż unitarji, li jikkorrispondu għall-ogħla spejjeż unitarji disponibbli, jiġifieri massimu ta’ 2 x EUR 60 000. Dan l-ammont se jintuża biex jiġu allokati l-ispejjeż unitarji lill-istudenti kkonċernati.

Fl-istadju tal-implimentazzjoni, l-ispejjeż unitarji se jieħdu l-forma ta’ kontribuzzjoni unitarja ta’ kull xahar, ikkalkolata kif ġej:

{unità ta’ bżonnijiet speċjali x (1/numru ta’ xhur)}

In-numru ta’ xhur fil-formula ta’ hawn fuq għandu jikkorrispondi għan-numru ta’ xhur li fihom intużaw jew ġew prodotti oġġetti jew servizzi ta’ bżonnijiet speċjali għall-implimentazzjoni tal-azzjoni, skont in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi. Għal spejjeż ta’ darba, in-numru ta’ xhur għandu jikkorrispondi għal 1.

FONDI ADDIZZJONALI GĦAL STUDENTI MINN REĠJUNI TAD-DINJA FIL-MIRA

L-applikanti jistgħu japplikaw għal fondi addizzjonali għal studenti minn reġjuni ta’ Pajjiżi Sħab iffinanzjati mill-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-UE li ġejjin (Intestatura 6):

  • L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI)
  • L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

L-EMJMs proposti għall-finanzjament jistgħu jirċievu sa 18-il borża ta’ studju addizzjonali (inklużi l-ispejjeż istituzzjonali korrispondenti) iffinanzjati mill-NDICI, u sa 6 boroż ta’ studju addizzjonali (inklużi l-ispejjeż istituzzjonali korrispondenti) iffinanzjati mill-IPA III għat-tul kollu tal-kors ta’ Masters. Dawn il-boroż ta’ studju addizzjonali huma offruti biex jirrispondu għall-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE fir-rigward tal-edukazzjoni għolja u jqisu l-livelli differenti ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fil-Pajjiżi Sħab rilevanti. Dawn il-boroż ta’ studju se jiġu allokati lill-EMJMs magħżula għal finanzjament skont il-klassifikazzjoni tagħhom mill-kbir saż-żgħir, u billi jitqies il-baġit disponibbli.

Il-lista dettaljata ta’ pajjiżi fil-mira ta’ din l-azzjoni se tiġi ppubblikata fil-link li ġej: https://www.eacea.ec.europa.eu/scholarships/emjmd-catalog_en

Kalkolu tal-għotja finali

L-għotja finali se tiġi kkalkulata fl-istadju finali tar-rappurtar abbażi tan-numru ta’ boroż ta’ studju mogħtija, in-numru ta’ studenti rreġistrati u n-numru reali ta’ spejjeż unitarji allokati għall-ħtiġijiet individwali, sakemm l-ammont totali ma jaqbiżx l-għotja massima mogħtija. Il-proġetti se jkollhom il-flessibbiltà li jittrasferixxu fondi bejn boroż ta’ studju (minbarra boroż ta’ studju supplimentari għal reġjuni fil-mira tad-dinja, jekk applikabbli) u ħtiġijiet individwali skont il-ħtiġijiet reali u skont il-ftehim ta’ għotja. Trasferimenti bejn l-intestaturi tal-baġit u bejn l-istrumenti ta’ finanzjament mhumiex permessi.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim tal-Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Lott 2: Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus

Il-Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus għandhom itejbu l-kapaċitajiet tal-universitajiet biex jimmodernizzaw u jinternazzjonalizzaw il-kurrikuli u l-prattiki tat-tagħlim tagħhom, jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom, u għas-sistemi tal-edukazzjoni għolja biex jiżviluppaw mekkaniżmi komuni relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità, l-akkreditazzjoni u r-rikonoxximent tal-lawrji u l-krediti. Dan l-appoġġ huwa maħsub ukoll biex jesplora u jisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti. Abbażi tal-grad għoli ta’ kooperazzjoni/integrazzjoni fost l-istituzzjonijiet parteċipanti, programmi tranżnazzjonali integrati bħal dawn għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA).

L-GĦAN TAL-MIŻURI TA’ TFASSIL TAL-ERASMUS MUNDUS

L-għan prinċipali tal-Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus huwa li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju fil-livell ta’ Masters ġodda, innovattivi, ta’ livell għoli, integrati u tranżnazzjonali. Dawn il-miżuri ta’ tfassil għandhom jinvolvu (a) il-Pajjiżi tal-Programm Erasmus+, (b) l-istituzzjonijiet, u/jew (c) oqsma tematiċi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-Erasmus Mundus (ara l-Katalogu Erasmus Mundus)[3].

LIEMA HUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦALL-MIŻURI TA’ TFASSIL TAL-ERASMUS MUNDUS?

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja, il-proposti għal proġetti għal Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja stabbilita f’Pajjiż tal-Programm jew f’Pajjiż Sieħeb tista’ tissottometti l-applikazzjoni.

Durata tal-proġett (u tal-attività, fejn applikabbli)

15-il xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.

ID tas-sejħa: ERASMUS-EDU-2021-EMJM-DESIGN

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-26 ta’ Mejju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

L-EMDM jappoġġaw it-tfassil ta’ programmi ta’ studju ta’ livell għoli fil-livell ta’ Masters[4], mogħtija b’mod konġunt minn konsorzju internazzjonali ta’ HEIs minn pajjiżi differenti madwar id-dinja u, fejn rilevanti, sħab oħra edukattivi u/jew mhux edukattivi b’għarfien espert speċifiku u interess fl-oqsma ta’ studju/dominji professjonali kkonċernati.

Il-benefiċjarju se jibda l-attivitajiet ta’ kuntatt u kollaborazzjoni bil-ħsieb li jistabbilixxi programm ta’ Masters skont id-definizzjoni ta’ “programm ta’ Masters integrat” (ara t-taqsima EMJM “L-istabbiliment ta’ proġett”). Il-Masters imfassal b’mod konġunt għandu:

  • Joffri kurrikulu integrat bis-sħiħ mogħti minn konsorzju ta’ HEIs (magħmul minn mill-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas tnejn iridu jkunu Pajjiżi tal-Programm);
  • Jimmira li jirrekluta studenti eċċellenti madwar id-dinja;
  • Jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti kollha reklutati;
  • Iwassal jew għal lawrja konġunta (jiġifieri diploma waħda unika mogħtija f’isem tal-anqas żewġ HEIs minn pajjiżi differenti, li tal-anqas wieħed minnhom irid ikun Pajjiż tal-Programm), jew lawrji multipli (jiġifieri mill-inqas żewġ diplomi maħruġa minn żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas wieħed irid ikun Pajjiż tal-Programm), jew kombinazzjoni tat-tnejn.

Sa tmiem il-perjodu ta’ finanzjament, il-proġett huwa mistenni li jkun fassal il-mekkaniżmi konġunti li ġejjin:

  • Rekwiżiti konġunti ta’ ammissjoni għall-istudenti u regoli/proċeduri ta’ applikazzjoni, għażla, monitoraġġ, eżami/evalwazzjoni tal-prestazzjoni;
  • Tfassil ta’ programm konġunt u attivitajiet integrati ta’ tagħlim/taħriġ;
  • Servizzi komuni offruti lill-istudenti (eż. korsijiet tal-lingwa, appoġġ għall-viża);
  • Strateġija konġunta ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni;
  • Ġestjoni amministrattiva u finanzjarja konġunta mill-konsorzju;
  • Politika dwar lawrja konġunta;
  • Abbozz ta’ ftehim ta’ sħubija konġunt li jinvolvi mill-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu pajjiżi tal-programm. Dan il-ftehim huwa maħsub biex ikopri l-aspetti akkademiċi, operattivi, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ Masters.
  • Abbozz ta’ Ftehim konġunt tal-Istudenti.

Il-programm ta’ Masters li qed jiġi żviluppat huwa mistenni li jissottoskrivi għall-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA)[5].

Huwa mħeġġeġ li mill-inqas iniedu kwalunkwe proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni qabel it-tmiem tal-proġett, u jesploraw l-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti).

IMPATT MISTENNI

  • Jipprovdi lill-HEIs Ewropej u mhux Ewropej opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda;
  • Itejjeb il-kwalità u jrawwem l-innovazzjoni fil-programmi fil-livell ta’ Masters u fl-arranġamenti ta’ superviżjoni;
  • Iżid l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Iżid l-attrazzjoni tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti lejn studenti b’talent;
  • Jikkontribwixxi għall-politiki tal-internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet billi jiżviluppa għarfien internazzjonali permezz tal-kurrikuli tagħhom u t-tfassil ta’ strateġiji komprensivi ta’ internazzjonalizzazzjoni (kooperazzjoni istituzzjonali u mobbiltà transfruntiera tan-nies).

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Rilevanza

(punteġġ massimu ta’ 40 punt)

  • L-għanijiet ġenerali u l-għanijiet speċifiċi tal-proġett u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus.
  • L-istrateġija proposta fid-dawl tat-tfassil realistiku ta’ programm ta’ Masters integrat sew.
  • L-ambizzjoni tal-proġett meta mqabbla mal-offerta ta’ programmi ta’ Masters eżistenti u l-kontribuzzjoni għall-attrazzjoni tal-EHEA.
  • Kontribut għall-iżvilupp ta’ sħubiji ġodda u l-potenzjal li jiġu involuti (a) Pajjiżi tal-Programm, (b) istituzzjonijiet, u/jew (c) oqsma tematiċi, li huma sottorappreżentati fl-Erasmus Mundus.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • L-ippjanar tal-attivitajiet proposti biex jinkisbu l-għanijiet u l-eżiti mistennija.
  • Ir-riżorsi operattivi previsti b’rabta mal-attivitajiet u r-riżultati ppjanati.
  • Il-passi previsti għat-tnedija ta’ proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni għall-kors ta’ Masters propost, jekk possibbli billi jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti.

Il-kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Definizzjoni tar-rwoli u d-distribuzzjoni tal-kompiti fit-tim tal-proġett
  • L-involviment mistenni ta’ atturi edukattivi/mhux edukattivi oħra u l-kontribut tagħhom għat-tfassil tal-programm.
  • Ir-raġuni għall-parteċipazzjoni, il-valur miżjud u l-komplementarjetà tagħhom.

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • L-impatt mistenni tal-programm ta’ Masters il-ġdid.
  • Attivitajiet previsti għall-promozzjoni u t-tixrid tal-programm tal-Masters il-ġdid u l-eżiti tal-proġett.
  • Miżuri previsti għas-sostenibbiltà tal-programm ta’ Masters il-ġdid u l-identifikazzjoni ta’ sorsi possibbli ta’ finanzjament.

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt. F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“Rilevanza tal-proġett” u mbagħad, “impatt”.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

L-appoġġ jieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa finanzjarja għall-ispejjeż marbuta direttament mal-attivitajiet meħtieġa biex jiġi stabbilit il-programm ta’ Masters il-ġdid, bħal laqgħat u konferenzi, studji/stħarriġ, proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni, eċċ. Il-kontribuzzjoni tista’ tintuża wkoll biex tkopri l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-attivitajiet subkuntrattati, sa fejn rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Miżuri ta’ Tfassil tal-Erasmus Mundus.

Is-somma f’daqqa se tammonta għal EUR 55 000 għal kull proġett

Il-parametri tal-għotja se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.

Għall-ħlas finali tal-għotja, il-benefiċjarji se jkollhom jipprovdu evidenza li l-attivitajiet previsti fl-applikazzjoni tagħhom twettqu b’mod sħiħ u sodisfaċenti.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim tal-Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

  1. Livell 7 tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni ISCED 2011.

  2. https://www.eqar.eu/kb/joint-programmes/agreed-standards/

  3. https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/emjmd-catalogue_en

  4. Livell 7 tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni ISCED 2011.

  5. https://www.eqar.eu/kb/joint-programmes/agreed-standards/

.foot {font-size: 0.8em; margin-left: 2.5em; border-top: 1px solid black;} table, td, tr{border: 1px solid black; cellpadding="1"; cellspacing="1";} table{margin-bottom: 30px;}
Tagged in: