Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali

L-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ eċċellenza vokazzjonali tidher bi prominenza fl-aġenda politika kumplessiva tal-UE għall-ħiliet u għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET). L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2020 dwar il-VET1 , kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück2 , ilkoll jinkludu referenzi ċari ħafna għall-Eċċellenza Vokazzjonali bħala forza mexxejja għar-riformi fis-settur tal-VET.

L-inizjattiva dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVE) għandha l-għan li twieġeb għal din il-prijorità ta’ politika li tappoġġa r-riformi fis-settur tal-VET, li jiżguraw ħiliet u kompetenzi ta’ kwalità għolja li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità u għal opportunitajiet tul il-karriera, li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ ekonomija innovattiva, inklużiva u sostenibbli3 . L-inizjattiva CoVE tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija Diġitali l-ġdida, il-Komunikazzjoni dwar l-attrazzjoni tal-Ħiliet u t-Talent, u l-Istrateġiji Industrijali u tal-SMEs il-ġodda, peress li l-ħiliet huma kruċjali għas-suċċess tagħhom.

Is-CoVEs joperaw f’kuntest lokali partikolari, u joħolqu ekosistemi tal-ħiliet għall-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali, u l-inklużjoni soċjali, filwaqt li jaħdmu mas-CoVEs f’pajjiżi oħrajn permezz ta’ networks kollaborattivi internazzjonali. Jistabbilixxu approċċ minn isfel għal fuq għall-eċċellenza vokazzjonali li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati lokali u li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-VET jadattaw malajr il-provvista tal-ħiliet għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali li qegħdin jevolvu.

Dawn jipprovdu opportunitajiet għat-taħriġ inizjali taż-żgħażagħ kif ukoll għat-tkomplija tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti, permezz ta’ offerta flessibbli u f’waqtha ta’ taħriġ li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ suq tax-xogħol dinamiku, fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jaġixxu bħala katalisti għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni tan-negozji lokali, billi jaħdmu mill-qrib mal-kumpaniji (b’mod partikolari l-SMEs) fuq proġetti tar-riċerka applikata, joħolqu ċentri tal-għarfien u l-innovazzjoni, kif ukoll jappoġġaw l-inizjattivi intraprenditorjali tal-istudenti tagħhom.

In-networks għandhom l-għan ta’ “konverġenza ’l fuq” tal-eċċellenza tal-VET. Dawn se jkunu miftuħa għall-involviment ta’ pajjiżi b’sistemi ta’ eċċellenza vokazzjonali żviluppati sew, kif ukoll dawk fil-proċess tal-iżvilupp ta’ approċċi simili, immirati lejn l-esplorazzjoni tal-potenzjal sħiħ tal-istituzzjonijiet tal-VET biex jaqdu rwol proattiv fl-appoġġ tat-tkabbir u l-innovazzjoni.

Din l-inizjattiva tintroduċi “dimensjoni Ewropea” għall-Eċċellenza Vokazzjonali billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet tal-VET tal-UE maqbulin mal-istati membri, mas-sħab soċjali u mal-fornituri tal-VET.

Il-kunċett ta’ Eċċellenza Vokazzjonali propost hawnhekk huwa kkaratterizzat minn approċċ olistiku ċċentrat fuq l-istudent li fih il-VET:

  • Huwa parti integrata mill-ekosistemi tal-ħiliet4 , li jikkontribwixxu għall-iżvilupp reġjonali5 , għall-innovazzjoni6 , għall-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti7  u ta’ raggruppamenti[ft/]Ir-raggruppamenti industrijali huma gruppi ta’ intrapriżi speċjalizzati, spiss SMEs, u atturi ta’ appoġġ relatati oħrajn li jikkooperaw mill-qrib f’post speċifiku. Hemm madwar 3,000 raggruppament speċjalizzat fl-Ewropa. Il-politika industrijali mġedda tal-UE tirrikonoxxi r-raggruppamenti bħala għodda b’saħħitha biex tappoġġa l-innovazzjoni industrijali. Ara l-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti (ECCP)., kif ukoll għal ktajjen ta’ valur speċifiċi u għall-ekosistemi industrijali;
  • Huwa parti mit-triangoli tal-għarfien8 , billi jaħdem mill-qrib ma’ setturi oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mal-komunità xjentifika, u man-negozju;
  • Jippermetti lill-istudenti jiksbu kemm kompetenzi vokazzjonali (speċifiċi għall-impjieg) kif ukoll kompetenzi ewlenin9  permezz ta’ provvista ta’ kwalità għolja sostnuta minn assigurazzjoni tal-kwalità;
  • Jibni forom innovattivi ta’ sħubijiet10  mad-dinja tax-xogħol, u huma appoġġati mill-iżvilupp professjonali kontinwu tal-persunal tat-tagħlim u t-taħriġ, pedagoġiji innovattivi, mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal u strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-VET.

Objettivi tal-azzjoni

Din l-azzjoni tappoġġa l-istabbiliment u l-iżvilupp gradwali ta’ networks kollaborattivi internazzjonali ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali.

Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali se joperaw f’żewġ livelli:

  1. Fil-livell nazzjonali, li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati lokali li joħolqu ekosistemi tal-ħiliet għall-innovazzjoni lokali, l-iżvilupp reġjonali, u l-inklużjoni soċjali, filwaqt li ssir ħidma mas-CoVEs f’pajjiżi oħrajn permezz ta’ networks kollaborattivi internazzjonali.
  2. Fil-livell internazzjonali li jgħaqqad flimkien is-CoVEs li għandhom interess komuni:
  • f’setturi speċifiċi11  jew ekosistemi industrijali12 ,
  • f’approċċi innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u tas-soċjetà (eż. it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli13 , l-integrazzjoni tal-migranti u ta’ gruppi żvantaġġati, it-titjib tal-ħiliet tal-persuni b’livelli baxxi ta’ kwalifiki, eċċ.), jew
  • f’approċċi innovattivi sabiex jittejbu s-sensibilizzazzjoni, il-kwalità u l-effettività tas-CoVEs eżistenti.

In-networks se jlaqqgħu flimkien is-CoVEs eżistenti, jew jiżviluppaw il-mudell ta’ Eċċellenza Vokazzjonali billi jgħaqqdu s-sħab minn diversi pajjiżi, li jkun beħsiebhom jiżviluppaw Eċċellenza Vokazzjonali fil-kuntest lokali tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Dawn jistgħu jikkontribwixxu, eż. għall-fażi tat-twettiq tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida billi jikkollaboraw mal-komunitajiet involuti fit-trasformazzjonijiet lokali mrawma mill-inizjattiva.

Is-CoVEs jistgħu jkunu skejjel vokazzjonali/fornituri eżistenti li jagħmlu ħilithom sabiex jiksbu l-eċċellenza billi jinvolvu ruħhom fis-sett ta’ attivitajiet proposti minn din l-inizjattiva Ewropea. Dawn jistgħu jkunu wkoll ċentri ġodda stabbiliti bil-għan li jipprovdu offerti u servizzi ta’ taħriġ eċċellenti li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Is-CoVEs jiksbu l-objettivi tagħhom billi jiġbru flimkien u jaħdmu mill-qrib ma’ sett ta’ sħab lokali/reġjonali bħal fornituri tal-VET inizjali u kontinwi, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinkludu universitajiet tax-xjenzi applikati u politekniki, istituzzjonijiet tar-riċerka, parks tax-xjenza, aġenziji tal-innovazzjoni, kumpaniji, impjegaturi oħrajn, kmamar u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, sħab soċjali, intrapriżi soċjali, kunsilli tal-ħiliet settorjali, assoċjazzjonijiet professjonali/settorjali, awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u aġenziji tal-iżvilupp, servizzi tal-impjiegi, awtoritajiet tal-kwalifiki, organizzazzjonijiet tal-inklużjoni soċjali u tar-riintegrazzjoni, eċċ.

Għalhekk, din is-sejħa se tappoġġa proġetti li jlaqqgħu flimkien sħab lokali jew reġjonali minn diversi pajjiżi li jiżviluppaw sett ta’ attivitajiet taħt tliet raggruppamenti; 1) It-tagħlim u l-apprendiment, 2) Il-kooperazzjoni u s-sħubijiet, u 3) Il-governanza u l-finanzjament.

Is-CoVEs huma meħtieġa li japplikaw strumenti u għodod madwar l-UE kollha14  kull meta jkun rilevanti.

Dawn iridu jinkludu t-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett wara li jkun intemm il-proġett. Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq sħubijiet sostnuti bejn fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u atturi tas-suq tax-xogħol ewlenin fil-livell xieraq. Għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta’ strutturi xierqa ta’ governanza, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja.

Għandu jiżgura wkoll il-viżibbiltà u t-tixrid wiesa’ xierqa tax-xogħol tan-networks tas-COVE, inkluż fil-livell tal-UE u dak politiku nazzjonali u jinkludi dettalji dwar kif l-introduzzjoni se tiġi implimentata fil-livelli Ewropej, nazzjonali u/jew reġjonali mas-sħab rilevanti. Il-pjan ta’ azzjoni għandu jindika wkoll kif opportunitajiet ta’ finanzjament oħrajn tal-UE, u l-finanzjament nazzjonali u reġjonali, kif ukoll il-finanzjament privat jistgħu jappoġġaw l-introduzzjoni tal-proġett.

Biex tara l-lista ta’ CoVEs diġà ffinanzjati, jekk jogħġbok iċċekkja l-Portal dwar l-opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP). Skedi informattivi għall-proġetti ffinanzjati huma disponibbli wkoll fuq is-sit web tad-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni15 .

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti tal-proġett għaċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (Min jista’ japplika?)

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:

  • ikunu entitajiet ġuridiċi (korpi pubbliċi jew privati);
  • ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli, jiġifieri l-Istat Membru tal-UE jew il-pajjiż terz assoċjat mal-Programm);
  • ikunu attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jew fid-dinja tax-xogħol.
  • L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jew fid-dinja tax-xogħol minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jipparteċipaw ukoll - bħala benefiċjarju, entità affiljata jew sieħeb assoċjat - iżda mhux bħala koordinatur.

Eċċezzjoni: l-organizzazzjonijiet mill-Belarussja (ir-Reġjun 2) u mill-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkunu, pereżempju (lista mhux eżawrjenti):

  • Fornituri tal-VET
  • Organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ fornituri tal-VET
  • Kumpaniji, industrija, impjegaturi oħrajn jew organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur
  • Awtoritajiet nazzjonali/reġjonali tal-kwalifiki
  • Istituti tar-riċerka
  • Aġenziji tal-innovazzjoni
  • Awtoritajiet għall-iżvilupp reġjonali
  • Organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tal-VET

Kompożizzjoni tal-konsorzju (Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti)

Is-sħubija trid tinkludi mill-inqas tmien applikanti (benefiċjarji) minn minimu ta’ erba’ Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm irid jinkludi:

  1. mill-inqas intrapriża waħda, industrija, impjegaturi oħrajn jew organizzazzjoni rappreżentattiva tas-settur, u
  2. mill-inqas fornitur wieħed tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (fil-livell sekondarju u/jew terzjarju).

L-entitajiet affiljati u s-sħab assoċjati ma jgħoddux f’din il-konfigurazzjoni minima tal-konsorzju. Dawn ma jistgħux ikunu l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni.

L-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni jeħtiġilha tkun minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

L-organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jipparteċipaw ukoll bħala benefiċjarji jew entitajiet affiljati, sal-punt li jintwera li l-parteċipazzjoni tagħhom iġġib valur miżjud essenzjali għall-proġett. Dawn jistgħu jipparteċipaw ukoll bħala sħab assoċjati.

Attivitajiet eliġibbli

L-applikant jeħtieġlu jindirizza tliet raggruppamenti ta’ attivitajiet (billi jipprovdi dettalji dwar l-azzjonijiet konkreti u r-riżultati tanġibbli). Għal kull raggruppament, irid jintgħażel numru minimu ta’ attivitajiet mil-lista ta’ hawn taħt:

  • mill-inqas erba’ attivitajiet elenkati taħt Raggruppament 1 – Tagħlim u apprendiment,
  • mill-inqas tliet attivitajiet elenkati taħt Raggruppament 2 – Kooperazzjoni u sħubija, u
  • mill-inqas 2 attivitajiet elenkati taħt Raggruppament 3 – Governanza u finanzjament.

Ir-Raggruppamenti huma deskritti hawn taħt fit-taqsima “Stabbiliment ta’ proġett”.

L-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, fi kwalunkwe livell tal-QEK minn 3 sa 8, inkluż il-livell sekondarju għoli, il-livell postsekondarju mhux terzjarju kif ukoll il-livell terzjarju (eż. Universitajiet ta’ xjenzi applikati, istituti Politekniċi, eċċ.) huma eliġibbli. Madankollu, l-applikazzjonijiet ma jistgħux jinkludu biss attivitajiet immirati lejn studenti fil-livell terzjarju; jekk jiffokaw fuq il-VET fil-livell postsekondarju (il-livelli tal-QEK minn 6 sa 8), dawn iridu jinkludu mill-inqas livell wieħed ieħor ta’ kwalifika tal-VET bejn il-livelli tal-QEK minn 3 sa 5, kif ukoll komponent qawwi ta’ apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol.

Post ġeografiku (Post tal-attivitajiet)

L-attivitajiet iridu jsiru fi kwalunkwe pajjiż eliġibbli (ara l-Parti A ta’ din il-Gwida)

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti idumu 48 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) permezz tal-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2024-PEX-COVE.

Qabel ma tapplika, jekk jogħġbok ara l-FAQs rilevanti fl-FTOP.

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-7 ta’ Mejju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment ta’ proġett

Is-CoVEs huma kkaratterizzati mill-adozzjoni ta’ approċċ sistemiku li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet tal-VET jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ħolqien konġunt ta’ “ekosistemi tal-ħiliet”, flimkien ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab lokali/reġjonali oħrajn. Is-COVEs huma mistennija jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ kwalifika vokazzjonali ta’ kwalità.

Hawn taħt, aħna nippreżentaw lista ta’ attivitajiet tipiċi pprovduti mis-CoVEs. Il-proġetti se jilħqu l-objettivi tagħhom billi jibnu fuq taħlita ta’ dawn l-attivitajiet (il-punti huma eżempji indikattivi ta’ azzjonijiet possibbli taħt kull attività)16 .

Deskrizzjoni tar-Raggruppamenti:

Raggruppament 1 – Tagħlim u apprendiment

Attività 1. L-għoti ta’ ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol lin-nies
Attività 2. Is-segwitu ta’ approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja u inklużiv fil-VET
  • Permezz tal-iżgurar ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment għal persuni ta’ kull età u sfond soċjoekonomiku21
  • Permezz tal-ikkombinar tal-offerti ta’ kwalifiki tal-VET inizjali u ta’ taħriġ kontinwu għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid li jkunu informati mill-informazzjoni dwar il-ħiliet22
  • L-għoti ta’ programmi tal-VET ta’ livell ogħla, l-iżvilupp ta’ perkorsi flessibbli, u ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-VET u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja23
Attività 3. L-iżvilupp ta’ kurrikuli u kwalifiki tal-VET, li jippermettu l-flessibbiltà u l-individwalizzazzjoni tal-eżekuzzjoni
  • Billi jiġu żviluppati pjanijiet jew perkorsi ta’ apprendiment individwali24  għal kull student25 , inkluż għall-adulti
  • L-integrazzjoni tal-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti26  fil-kurrikuli, l-iżgurar tal-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment miksuba barra mill-pajjiż
  • It-tfassil ta’ kwalifiki li jintegraw komponenti kemm ta’ apprendiment imsejjes fl-iskola kif ukoll ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol27
  • L-iżvilupp ta’ profili Ewlenin Vokazzjonali Ewropej28 , li jikkontribwixxu għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema, filwaqt li jiżguraw ir-rikonoxximent tagħha, kif ukoll it-trasparenza, il-fehim u l-portabbiltà tal-eżiti tal- apprendiment29
  • L-iżvilupp u/jew l-użu ta’ mikrokredenzjali30  sabiex jiġi rrikonoxxut l-eżitu ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment għal żmien qasir adattati għal soċjetà u għal suq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr
  • L-użu tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment, li jippermettu li jiġu awtentikati, ivvalidati u rikonoxxuti faċilment il-kredenzjali ta’ kwalunkwe daqs, għamla jew forma
Attività 4. L-iżvilupp ta’ materjali u metodoloġiji innovattivi ta’ apprendiment iċċentrat fuq l-istudenti
Attività 5. L-investiment fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema u tal-ħarrieġa44
  • Għall-ħiliet pedagoġiċi, tekniċi, ekoloġiċi u diġitali inklużi dawk meħtieġa għall-apprendiment online u mill-bogħod
  • L-integrazzjoni tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa fl-istrateġiji tat-tagħlim, tal-iżvilupp u tal-internazzjonalizzazzjoni45
  • L-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ kultura ta’ kwalità bbażata fuq sistemi ta’ ġestjoni definiti46
Attività 6. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi b’saħħithom għall-assigurazzjoni tal-kwalità
  • Fuq il-bażi ta’ għodod u ta’ strumenti Ewropej bħall-EQAVET
  • Il-ħidma fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ abbażi ta’ standards żviluppati minn organizzazzjonijiet tal-istandards nazzjonali u/jew internazzjonali rilevanti  - eż. ISO 21001 jew l-EFQM (ara wkoll it-tikketta tal-EVTA għall-Eċċellenza fil-VET)
Attività 7. L-istabbiliment ta’ ċirkwiti effettivi ta’ feedback u ta’ sistemi effettivi ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati
  • L-istabbiliment ta’ proċeduri, ta’ mekkaniżmi u ta’ strumenti għal feedback u għal rieżami effettivi bħala parti minn proċess ta’ apprendiment strateġiku fl-organizzazzjoni tal-VET, sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ forniment ta’ kwalità għolja‑ u jittejbu l-opportunitajiet għall-istudenti
  • L-abilitazzjoni tal-adattament f’waqtu tal-provvista ta’ apprendiment ibbażat fuq sistemi effettivi ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati47
Attività 8. Il-provvista ta’ servizzi ta’ gwida
  • L-iżgurar ta’ gwida ta’ kwalità48  kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti biex jiġu appoġġati l-karriera u l-għażliet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ tagħhom, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fl-apprendiment tul il-ħajja
  • L-għoti ta’ appoġġ imfassal apposta lil persuni b’vulnerabbiltajiet
  • L-għoti tal-possibbiltà għall-adulti biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-intitolamenti tagħhom għat-taħriġ
Attività 9. L-għoti ta’ validazzjoni tal-apprendiment preċedenti
  • L-għoti ta’ validazzjoni tal-ħiliet, irrispettivament minn kif inkisbu, inkluż barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali: fuq il-post tax-xogħol, fid-dar jew f’attivitajiet volontarji49 , bħala bażi għall-għoti ta’ taħriġ personalizzat

Raggruppament 2 – Kooperazzjoni u sħubijiet

Attività 10. L-istabbiliment ta’ sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni
  • It-trawwim ta’ relazzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku mas-settur tan-negozju billi jiġu fformati sħubijiet fit-tul bejn in-negozji u l-edukazzjoni, inkluż għall-innovazzjoni u għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet
  • Il-ħidma flimkien sabiex il-kurrikuli jiġu rieżaminati u aġġornati kontinwament ħalli tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom għall-ħtiġijiet tal-istudenti u tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u għall-apprendisti
  • L-appoġġ lill-kumpaniji, lil impjegaturi oħrajn u b’mod partikolari lill-SMEs b’taħriġ imfassal apposta għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill‑ġdid
  • Il-kooperazzjoni mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u mas-soċjetà ċivili biex jittejbu l-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-persuni qiegħda u inattivi
  • L-appoġġ għall-kooperazzjoni bbażata fuq is-settur u dik reġjonali, inkluż is-sħubija fil-Patt għall-Ħiliet50 , u l-ħolqien ta’ sinerġiji mal-Pjan ta’ Azzjoni Settorjali, kif rilevanti u disponibbli.
  • L-għoti ta’ appoġġ tekniku, ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, ta’ għodod u ta’ metodoloġiji lill-SMEs
  • L-organizzazzjoni ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, apprendistati, u opportunitajiet ta’ internships għall-istudenti, il-kondiviżjoni tat-tagħmir, kif ukoll skambji ta’ għalliema u ħarrieġa bejn il-kumpaniji u ċ-ċentri tal-VET51
Attività 11. Ir-Riċerka applikata u l-Innovazzjoni
  • Il-ħidma flimkien mal-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs dwar proġetti ta’ riċerka applikata52  li jinvolvu studenti u persunal tal-VET
  • L-użu jew il-ħolqien konġunt ta’ ċentri ta’ innovazzjoni u ta’ ċentri ta’ diffużjoni tat-teknoloġija53  sabiex jiġi appoġġat il-proċess ta’ innovazzjoni tal-SMEs bl-involviment tal-istudenti u tal-persunal tal-VET
  • Il-kontribut għall-ħolqien u għat-tixrid ta’ għarfien ġdid54
Attività 12. L-internazzjonalizzazzjoni tal-VET u l-mobbiltà barra mill-pajjiż
  • L-iżvilupp ta’ ppjanar strateġiku għall-attivitajiet internazzjonali, marbut mill-qrib mal-iżvilupp tal-istituzzjoni tal-VET, u l-kwalità tal-prattiki tat-tagħlim u tal- apprendiment55
  • Il-ħolqien ta’ strutturi ta’ appoġġ u ta’ miżuri sabiex titrawwem u tiġi żgurata l-kwalità tal-esperjenzi tal-mobbiltà tal-VET (inkluża l-mobbiltà virtwali) fost is-sħab fin-network CoVE f’konformità mal-Istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus56
  • It-tnedija ta’ inizjattivi sabiex jiġu mmobilizzati l-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa (inklużi l-ħarrieġa fil-kumpaniji), kif ukoll l-esperti, sabiex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+ (Ka1) sabiex ikunu involuti f’mobbiltà barra mill-pajjiż
Attività 13. It-trawwim ta’ ħiliet u inizjattivi intraprenditorjali
  • L-iżvilupp ta’ kultura intraprenditorjali fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-VET57  inklużi mexxejja, persunal, għalliema u ħarrieġa kif ukoll studenti58 ​​​​​​​
  • Il-ħidma mas-sħab lokali sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-attitudnijiet intraprenditorjali tal-istudenti li jwieġbu għall-isfidi reali tad-dinja
  • L-għoti jew il-ħolqien ta’ rabtiet ma’ inkubaturi tan-negozju lokali għall-istudenti tal-VET biex jiżviluppaw l-inizjattivi ta’59  intraprenditorija tagħhom
Attività 14. Iż-żieda tal-attraenza tal-VET
  • Permezz tat-tnedija u tal-parteċipazzjoni attiva f’kampanji u attivitajiet ta’ komunikazzjoni60 , immirati biex iżidu l-attraenza tal-VET
  • L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol permezz tal-VET u l-attirar taż-żgħażagħ u tal-adulti (inklużi l-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji) għall-perkorsi ta’ apprendiment tal-VET
  • It-twaqqif ta’ Kampus internazzjonali tal-VET jew kamp tas-sajf61  immirat lejn l-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa, il-mexxejja fl-istituzzjonijiet tal-VET, it-Trade unions, kif ukoll għal persuni li qegħdin iqisu għażliet futuri ta’ studju vokazzjonali. Dawn jistgħu jiffokaw fuq oqsma, prodotti jew servizzi okkupazzjonali speċifiċi, kif ukoll fuq sfidi kumplessi ta’ importanza ekonomika u tas-soċjetà
Attività 15. Kompetizzjonijiet tal-ħiliet
  • It-trawwim tal-parteċipazzjoni tal-istudenti f’kompetizzjonijiet settorjali, nazzjonali u internazzjonali tal-ħiliet, immirati sabiex iżidu l-attraenza u l-eċċellenza fil-VET (eż. il-kompetizzjonijiet World Skills u/jew EuroSkills). Jekk jogħġbok innota li l-premjijiet ma humiex kost eliġibbli fil-baġit.

Raggruppament 3 – Governanza u finanzjament

Attività 16. L-awtonomija u l-governanza effettiva tal-VET
  • L-iżvilupp tal-kapaċità tal-fornituri tal-VET li jieħdu deċiżjonijiet, b’mod indipendenti u b’responsabbiltà, dwar kwistjonijiet edukattivi, organizzazzjonali, finanzjarji, relatati mal-persunal u kwistjonijiet oħrajn, fis-segwitu ta’ attività mwettqa fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni definit mir-regoli u r-regolamenti nazzjonali62
  • L-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-kumpaniji, il-kmamar, l-assoċjazzjonijiet professjonali u settorjali, it-trade unions, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u s-sħab soċjali, inklużi r-rappreżentanti tal-istudenti, fil-governanza tas-sistemi tal-VET
Attività 17. Approċċ strateġiku għall-iżvilupp u għall-governanza tal-ħiliet
  • L-involviment attiv fis-sistemi nazzjonali u reġjonali ta’ governanza tal-ħiliet 
  • Il-kontribut b’perspettiva ta’ ħiliet għat-tfassil tal-politika soċjali u dwar l-impjiegi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew
Attività 18. Il-ħolqien konġunt ta’ ekosistemi tal-ħiliet
  • Il-mobilizzazzjoni ta’ sħab ekonomiċi u soċjali rilevanti kif ukoll ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ oħrajn biex jinvolvu jew joħolqu ekosistemi tal-ħiliet lokali mmirati lejn l-appoġġ tal-innovazzjoni, l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, ir-raggruppamenti, u s-setturi u l-ktajjen tal-valur (ekosistemi industrijali)
  • L-abilitazzjoni tal-ekosistemi tal-ħiliet lokali tikkontribwixxi biex jiġi attirat l- investiment barrani63 , billi tiġi żgurata l-provvista f’waqtha tal-ħiliet għall-kumpaniji li jinvestu lokalment
Attività 19. L-iżvilupp ta’ mudelli finanzjarji sostenibbli
  • Il-kombinament tal-finanzjament pubbliku u privat64 , kif ukoll tal-attivitajiet li jiġġeneraw l-introjtu, u l-isfruttar bis-sħiħ tal-iskemi ta’ finanzjament ibbażati fuq il-prestazzjoni (jekk rilevanti)
Attività 20. Użu sħiħ mill-istrumenti finanzjarji nazzjonali u tal-UE
  • Dawn jistgħu jinkludu l-appoġġ ta’ azzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal, l-attivitajiet ta’ riċerka applikata, l-investimenti fl-infrastruttura għall-immodernizzar taċ-ċentri tal-VET b’tagħmir avvanzat, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni sabiex jiġu żgurati l-eċċellenza u s-sostenibbiltà tal-organizzazzjonijiet tal-VET u s-servizzi li jipprovdu

Il-proġett irid jidentifika u jispjega b’mod ċar l-għażla ta’ kull waħda mill-attivitajiet magħżula fil-formola tal-applikazzjoni, u jiddeskrivi kif ix-xogħol li għandu jitwettaq permezz ta’ dawk l-attivitajiet se jikkontribwixxi b’mod konkret għall-pakketti ta’ ħidma rilevanti, u bl-objettivi ġenerali tal-proġett.

Impatt mistenni

L-istabbiliment u l-iżvilupp gradwali tan-networks Ewropej ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali huma mistennija jżidu r-rispons tal-VET biex jadattaw il-provvista tal-ħiliet għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu, filwaqt li jiġi żgurat li l-VET ikun fuq quddiem nett biex jipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi li jirriżultaw mill-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu malajr.

Billi jifformaw parti essenzjali mit-“triangolu tal-għarfien” – il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn in-negozji, l-edukazzjoni u r-riċerka – u billi jaqdu rwol fundamentali fil-provvista ta’ ħiliet li jappoġġaw l-innovazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali huma mistennija jiżguraw ħiliet u kompetenzi ta’ kwalità għolja li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet tul il-karriera, li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ ekonomija innovattiva, inklużiva u sostenibbli.

Billi jkollhom għeruq sodi f’kuntesti reġjonali/lokali filwaqt li fl-istess ħin joperaw fuq livell tranżnazzjonali, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali se jifformaw sħubijiet b’saħħithom u dejjiema bejn il-komunità tal-VET u d-dinja tax-xogħol fuq livell nazzjonali u bejn il-fruntieri. Se jikkontribwixxu wkoll għall-internazzjonalizzazzjoni tal-VET billi jlaqqgħu flimkien lis-sħab mid-dinja kollha. Dawn se jimmiraw għal “konverġenza ’l fuq” ta’ eċċellenza fil-VET, li tkun diffiċli li tiġi stabbilita fin-nuqqas ta’ inċentivi tal-UE, ta’ appoġġ tekniku u ta’ opportunitajiet għal apprendiment reċiproku.

Permezz tat-tixrid wiesa’ tal-eżiti tal-proġetti fil-livelli tranżnazzjonali, nazzjonali u/jew reġjonali u l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-implimentazzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u dawk ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali, il-proġetti individwali huma mistennija jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom u jiżguraw impatt fit-tul wara l-ħajja tal-proġett.

Kriterji għall-għoti

Il-kriterji għall-għoti li ġejjin japplikaw:

Rilevanza tal-proġett(punteġġ massimu ta’ 35 punt)

  • Rabta mal-politika: il-proposta turi kif in-network ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-prijoritajiet ta’ politika koperti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r- reżiljenza65 , kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück66 ​​​​​​​;
  • Valuri tal-UE: il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Konsistenza: kemm il-proposta tindirizza l-objettivi tas-sejħa, l-għanijiet huma ddefiniti b’mod ċar, realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti; kemm il-proposta twassal analiżi adegwata tal-ħtiġijiet;
  • Attivitajiet: kemm l-attivitajiet magħżula mit-tliet raggruppamenti huma identifikati, deskritti u marbuta b’mod ċar mal-objettivi ġenerali tal-proġett;
  • Innovazzjoni: il-proposta tqis metodi u tekniki tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u twassal għal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi għall-qasam tagħha b’mod ġenerali, jew għall-kuntest ġeografiku li fih jiġi implimentat il-proġett (eż. il-kontenut; l-outputs prodotti, il-metodi ta’ ħidma applikati, l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti jew immirati);
  • Dimensjoni reġjonali: il-proposta turi l-kontribut tagħha għall-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, abbażi tal-identifikazzjoni tal-isfidi lokali/reġjonali f’kull wieħed mill-pajjiżi parteċipanti;
  • Kooperazzjoni u sħubijiet: kemm il-proposta tidentifika u tinvolvi b’mod adegwat l-aktar sħab rilevanti, li huma neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett, u tispjega kif se tistabbilixxi relazzjonijiet b’saħħithom u dejjiema fil-livelli kemm lokali kif ukoll tranżnazzjonali, bejn il-komunità tal-VET u n-negozji (jistgħu jiġu rrappreżentati minn kmamar jew minn assoċjazzjonijiet), li fihom l-interazzjonijiet ikunu reċiproċi u ta’ benefiċċju għal xulxin;
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud fil-livelli individwali (student u/jew persunal), istituzzjonali u sistemiċi, iġġenerat permezz ta’ riżultati li jkunu diffiċli li jinkisbu mis-sħab li jaġixxu mingħajr il-kooperazzjoni Ewropea;
  • Internazzjonalizzazzjoni: il-proposta turi l-kontribuzzjoni tagħha għad-dimensjoni internazzjonali tal-eċċellenza tal-VET, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji biex titrawwem il-mobbiltà tranżnazzjonali tal-VET għall-istudenti u għall-persunal, kif ukoll sħubijiet sostenibbli;
  • Ħiliet diġitali: kemm il-proposta tipprevedi attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali (eż. antiċipazzjoni tal-ħiliet, kurrikuli innovattivi u metodoloġiji tat-tagħlim, gwida, eċċ.) relatati mal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali;
  • Ħiliet ekoloġiċi: kemm il-proposta tipprevedi attivitajiet (eż. antiċipazzjoni tal-ħiliet, kurrikuli innovattivi u metodoloġiji tat-tagħlim, gwida, eċċ.) marbuta mat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari u ekoloġika;
  • Dimensjoni soċjali: il-proposta tinkludi tħassib orizzontali fid-diversi azzjonijiet biex tiġi indirizzata d-diversità u jiġu promossi l-valuri komuni, l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u n-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni soċjali, inkluż għal persuni bi bżonnijiet speċjali/b’inqas opportunitajiet.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Koerenza: it-tfassil kumplessiv tal-proġett jiżgura konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet. Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet u servizzi xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet identifikati u twassal għar-riżultati mistennija;
  • Attivitajiet: Il-ħidma li għandha titwettaq taħt kull waħda mill-attivitajiet magħżula mit-tliet raggruppamenti hija deskritta b’mod ċar f’termini tal-eżiti/tar-riżultati tanġibbli mistennija tagħhom, tal-kontribut konkret tagħhom għall-pakketti ta’ ħidma rilevanti u għall-objettivi ġenerali tal-proġett;
  • Metodoloġija: il-kwalità u l-fattibbiltà tal-metodoloġija proposta u l-adegwatezza tagħha għall-produzzjoni tar-riżultati mistennija;
  • Ġestjoni: il-koordinatur juri ġestjoni ta’ kwalità għolja, il-kapaċità li jikkoordina n-networks tranżnazzjonali u tmexxija f’ambjent kumpless, u jistabbilixxi arranġamenti sodi ta’ ġestjoni. L-iskedi ta’ żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma ddefiniti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività. Jiġi ddefinit sett ċar ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni, u skeda ta’ żmien għall-valutazzjoni u l-kisba tagħhom;
  • Baġit: il-baġit jipprevedi r-riżorsi meħtieġa għas-suċċess, la huwa sopravalutat u lanqas sottovalutat; il-proposta hija kosteffettiva u talloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • Pjan ta’ ħidma: il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom; inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
  • Kontroll tal-kwalità: il-miżuri ta’ kontroll (l-evalwazzjoni kontinwa tal-kwalità, ir-rieżamijiet bejn il-pari, l-attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, eċċ.) u l-indikaturi tal-kwalità jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett hija ta’ kwalità għolja. L-isfidi/ir-riskji tal-proġett huma identifikati b’mod ċar u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma indirizzati kif suppost. Il-proċessi tar-rieżami espert huma ppjanati bħala parti integrali tal-proġett. Dawn il-proċessi jinkludu valutazzjoni esterna indipendenti f’nofs it-terminu u fl-aħħar tal-proġett;
  • Jekk il-proġett jinkludi attivitajiet ta’ mobbiltà (għall-istudenti u/jew għall-persunal): 
    • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ;
    • Kemm dawn l-attivitajiet huma xierqa għall-miri tal-proġett u jinvolvu n-numru xieraq ta’ parteċipanti;
    • Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, b’konformità mal-għodod u l-prinċipji Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplementari bil-profil, il-kompetenzi, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġ biex jitlestew b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett; ir-rwol ta’ kull sieħeb huwa identifikat b’mod ċar, u l-valur miżjud tiegħu spjegat;
  • Konverġenza ’l fuq: kemm is-sħubija tlaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, jew fid-dinja tax-xogħol, li jinsabu fi stadji differenti tal-iżvilupp ta’ approċċi ta’ eċċellenza vokazzjonali, u tippermetti skambju bla xkiel u effettiv ta’ għarfien espert u għarfien fost dawk is-sħab;
  • Dimensjoni ġeografika: kemm is-sħubija tinkludi sħab rilevanti minn reġjuni ġeografiċi differenti, kif ukoll kemm l-applikant ikun immotiva l-kompożizzjoni ġeografika tas-sħubija u wera r-rilevanza tagħha għall-kisba tal-objettivi tas-CoVEs; kif ukoll kemm is-sħubija tinkludi firxa wiesgħa u xierqa ta’ atturi rilevanti fil-livell lokali u reġjonali;
  • Involviment ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm: jekk ikun applikabbli, l-involviment ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm iġib valur miżjud essenzjali għall-proġett;
  • Kollaborazzjoni: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra huma deskritti fid-dettall b’mod ċar u raġonevoli (fosthom: l-għadd ta’ laqgħat u t-twaqqit tagħhom, il-konfigurazzjoni tal-gruppi, id-deskrizzjoni tal-għanijiet u l-kisbiet mistennija, eċċ.) u jintwerew fiċ-ċart/fl-iskeda taż-żmien Gantt tal-proġett.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-proġett se jintużaw mis-sħab u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Tipprovdi mezzi biex jitkejjel l-isfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara;
  • il-proposta tipprovdi pjan ċar għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi miri xierqa, attivitajiet, twaqqit rilevanti, għodod u mezzi biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b’mod effettiv lill-partijiet ikkonċernati, dawk li jfasslu l-politika, lill-professjonisti ta’ gwida, lill-intrapriżi, lill-istudenti żgħażagħ, eċċ. matul u wara l-ħajja tal-proġett;
  • Impatt: il-proposta turi l-impatt potenzjali tal-proġett:  
    • Fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • Barra mill-organizzazzjonijiet u mill-individwi li jipparteċipaw direttament fil-proġett, kif ukoll il-potenzjal tiegħu għall-integrazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-VET reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew.
  • Il-proposta tinkludi miżuri kif ukoll miri u indikaturi ddefiniti b’mod ċar biex timmonitorja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (fuq perjodu qasir u twil);
  • Sostenibbiltà: il-proposta tispjega kif is-CoVE se jiġi żviluppat aktar; il-proposta tinkludi pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett u s-sħubijiet sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija fil-livell xieraq; il-pjan stabbilit jinkludi l-identifikazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza xierqa, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja, inkluża l-identifikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (Ewropej, nazzjonali u privati) biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji miksuba jkollhom sostenibbiltà fit-tul.

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jiksbu tal-inqas 70 punt (minn total ta’ 100 punt), filwaqt li jitqies ukoll il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 18-il punt għall-kategorija “Rilevanza tal-proġett”; minimu ta’ 13-il punt għall-“Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett” u 11-il punt għall-kategoriji tal-“Kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u tal-“impatt”.

Il-proposti ex aequo se jiġu stabbiliti skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità se tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord. 

Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati.

Siġill ta’ Eċċellenza

Il-proposti tal-proġetti evalwati ’l fuq mil-limiti tal-kwalità, b’punteġġ totali ta’ 75 % jew ogħla, iżda li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas tal-Erasmus+ minħabba n-nuqqas ta’ baġit disponibbli taħt din is-sejħa għal proposti, jistgħu jingħataw ċertifikat tas-Siġill ta’ Eċċellenza bħala xhieda tal-kwalità tal-proposti u sabiex jiġi ffaċilitat il-finanzjament alternattiv tagħhom fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Is-Siġill ta’ Eċċellenza huwa ċertifikat ta’ tikketta ta’ kwalità mogħti lil proposti ta’ proġetti ta’ kwalità li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas tal-Erasmus+ minħabba fondi insuffiċjenti67 . It-tikketta tirrikonoxxi l-kwalità tal-proposta u tiffaċilita t-tfittxija għal finanzjament alternattiv. Il-korpi ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali jew reġjonali jistgħu jiddeċiedu li jiffinanzjaw direttament il-proposta tal-proġett tad-detentur tas-Siġill abbażi tal-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kwalità għolja mwettaq mill-esperti indipendenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma jwettqu proċess ta’ evalwazzjoni sħiħ ġdid. L-għoti tas-Siġill ta’ Eċċellenza jista’ jiffaċilita wkoll il-finanzjament alternattiv mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK)68 .

L-applikanti għandhom jiġu mgħarrfin li l-għoti ta’ ċertifikat tas-Siġill ta’ Eċċellenza ma jipprovdix garanzija għal finanzjament alternattiv awtomatiku, peress li d-deċiżjoni li potenzjalment jiġu ffinanzjati l-proposti tal-proġetti tad-detenturi tas-Siġill hija kompletament diskrezzjonali għall-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tal-fondi tal-Politika ta’ koeżjoni, skont il-FEŻR jew il-FSE+, jew korpi oħrajn ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali u reġjonali.  

Jekk l-applikant jipprovdi awtorizzazzjoni minn qabel fil-formola tal-applikazzjoni, id-data tal-proposta tal-proġett tad-detenturi tas-Siġill tista’ tiġi kondiviża mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tal-fondi tal-Politika ta’ koeżjoni u ma’ korpi oħrajn ta’ finanzjament potenzjalment interessati fil-livell nazzjonali jew reġjonali permezz tal-Aġenziji Nazzjonali, b’rispett sħiħ tar-regoli li jirregolaw il-kunfidenzjalità tal-proposta u l-protezzjoni tad-data personali.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma unika f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament ta’ 80 %.

L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 4 miljun

Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi fil-forma ta’ għotjiet jew premjijiet ma huwiex permess.

Il-kostijiet tal-voluntiera huma permessi. Dawn għandhom jieħdu l-forma ta’ kostijiet unitarji kif iddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kostijiet unitarji għall-voluntiera69

Il-kostijiet unitarji tal-SMEs għas-sidien tal-SMEs huma permessi. Dawn għandhom jieħdu l-forma ta’ kostijiet unitarji kif iddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kostijiet unitarji għas-sidien tal-SMEs70 .

Il-pakkett ta’ ħidma rilevanti għandu jinkludi l-kostijiet għal mill-inqas laqgħa annwali waħda (rappreżentant wieħed minn kull sieħeb sħiħ tal-proġett) organizzata mill-Kummissjoni Ewropea/l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura jew fuq l-inizjattiva tagħha għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u għall-apprendiment reċiproku bejn iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali.

Kif tigi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-progett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  1. Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  2. Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  3. Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  4. Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, mistenni, il-kwalità u l-effiċjenza tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja. Jekk jogħġbok irreferi għall-Parti C ta’ din il-Gwida tal-Programm, it-taqsima “Kostijiet diretti eliġibbli”.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. Din l-iskema ta’ finanzjament se tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Tagged in:  Studenti u persunal tal-ETV