Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Sħubijiet fuq skala żgħira

Is-Sħubijiet fuq skala żgħira huma mfassla biex iwessgħu l-aċċess għall-programm għal atturi fuq skala żgħira u individwi li diffiċli jintlaħqu fl-oqsma tal-edukazzjoni fl-iskejjel, l-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. B’ammonti ta’ għotjiet aktar baxxi mogħtija lill-organizzazzjonijiet, tul ta’ żmien iqsar u rekwiżiti amministrattivi aktar sempliċi meta mqabbla mas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni, din l-azzjoni għandha l-għan li tilħaq lill-organizzazzjonijiet lokali stabbiliti, l-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza u l-parteċipanti l-ġodda fil-Programm, u tnaqqas l-ostakli għad-dħul fil-programm għal organizzazzjonijiet b’kapaċità organizzattiva iżgħar. Din l-azzjoni se tappoġġa wkoll formati flessibbli – li jħalltu attivitajiet b’karattru tranżnazzjonali u nazzjonali għalkemm b’dimensjoni Ewropea – li jippermettu lill-organizzazzjonijiet li jkollhom aktar mezzi biex jilħqu lin-nies b’inqas opportunitajiet. Is-Sħubijiet fuq skala żgħira jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks tranżnazzjonali u għat-trawwim ta’ sinerġiji ma’ politiki lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali u bejniethom.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

  • Tattira u twessa’ l-aċċess għall-parteċipanti l-ġodda, għall-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza u għall-atturi fuq skala żgħira għall-programm. Dawn is-sħubijiet għandhom iservu bħala l-ewwel pass għall-organizzazzjonijiet fil-kooperazzjoni fil-livell Ewropew.
  • Tappoġġa l-inklużjoni ta’ gruppi fil-mira b’inqas opportunitajiet
  • Tappoġġa ċ-ċittadinanza Ewropea attiva u ġġib id-dimensjoni Ewropea fil-livell lokali

Barra minn hekk, l-għanijiet prinċipali tas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni japplikaw ukoll għas-Sħubijiet fuq Skala Żgħira, proporzjonalment għall-ambitu u l-volum ta’ kull proġett:

  • Iż-żieda fil-kwalità tal-ħidma u l-prattiki tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet involuti, li tiftaħ għal atturi ġodda mhux inklużi b’mod naturali f’settur wieħed;
  • Il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet biex jaħdmu b’mod tranżnazzjonali u fis-setturi kollha;
  • L-indirizzar tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet komuni fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport;
  • Jippermettu t -trasformazzjoni u l-bidla (fil-livell individwali, organizzattiv jew settorjali), li jwasslu għal titjib, fi proporzjon mal-kuntest ta’ kull organizzazzjoni;

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

X’INHUMA L-KRITERJI LI GĦANDHOM JIĠU SSODISFATI BIEX WIEĦED JAPPLIKA GĦAL SĦUBIJA FUQ SKALA ŻGĦIRA?

Is-Sħubijiet fuq skala żgħira għandhom jirrispettaw il-kriterji li ġejjin sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+:

KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti stabbilita f’Pajjiż tal-Programm tista’ tkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

Liema tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

Kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata[1], stabbilita f’Pajjiż tal-Programm (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida) tista’ tipparteċipa fi Sħubija fuq Skala Żgħira.

Irrispettivament mill-qasam milqut mill-proġett, Sħubijiet fuq Skala Żgħira huma miftuħin għal kwalunkwe tip ta’ organizzazzjoni attiva fi kwalunkwe qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ, tal-isport jew setturi soċjoekonomiċi oħrajn kif ukoll għal organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet li huma trasversali għal oqsma differenti (eż. awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, ċentri ta’ rikonoxximent u validazzjoni, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet kummerċjali, ċentri ta’ gwida, organizzazzjonijiet kulturali u sportivi).

Skont il-prijorità u l-għanijiet indirizzati mill-proġett, is-Sħubijiet fuq Skala Żgħira għandhom jinvolvu l-iktar firxa adegwata u differenti ta’ sħab biex jibbenefikaw mill-esperjenzi, il-profili u l-għarfien espert speċifiku differenti tagħhom.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Is-Sħubija fuq Skala Żgħira hija tranżnazzjonali u tinvolvi mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn żewġ Pajjiżi tal-Programm differenti.

Ma hemm l-ebda numru massimu ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti fi sħubija waħda.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jiġu identifikati meta ssir l-applikazzjoni għal għotja.

Il-prijoritajiet indirizzati

Biex jitqiesu għall-finanzjament, is-Sħubijiet fuq Skala Żgħira għandhom jindirizzaw jew:

  • mill-inqas prijorità orizzontali waħda

u/jew

 

  • mill-inqas prijorità speċifika waħda rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li hija milquta l-aktar.

Għal proġetti fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fil-livell deċentralizzat, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu, fost dawn il-prijoritajiet, jagħtu aktar kunsiderazzjoni lil dawk li huma partikolarment rilevanti fil-kuntest nazzjonali tagħhom (imsejħa “prijoritajiet Ewropej fil-kuntest nazzjonali”). L-Aġenziji Nazzjonali jridu jinfurmaw kif xieraq lill-applikanti potenzjali permezz tas-siti web uffiċjali tagħhom.

Post(ijiet) tal-attivitajiet

L-attivitajiet kollha ta’ Sħubija fuq Skala Żgħira għandhom isiru fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jkunu qed jipparteċipaw fil-proġett.

Barra minn hekk, jekk debitament ġustifikat b’rabta mal-għanijiet jew l-implimentazzjoni tal-proġett, l-attivitajiet jistgħu jseħħu wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea[2], anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni.

Durata tal-proġett

Bejn 6 xhur u 24 xahar.

Id-durata trid tintgħażel fl-istadju ta’ applikazzjoni, abbażi tal-għanijiet tal-proġett u t-tip ta’ attivitajiet ippjanati maż-żmien.

F’każijiet eċċezzjonali, it-tul ta’ Sħubija fuq Skala Żgħira jista’ jiġi estiż, fuq talba tal-benefiċjarju u bi qbil mal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva f’dan il-każ, l-għotja totali mhux se tinbidel. F’każ bħal dan, l-għotja totali mhijiex se tinbidel.

Fejn napplika?

Għal Sħubijiet fuq Skala Żgħira fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni fl-iskejjel, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ ippreżentati minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma:

  • Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Għal Sħubijiet fuq Skala Żgħira fil-qasam tal-isport:

  • Mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, ibbażata fi Brussell.

ID tas-sejħa: ERASMUS-SPORT-2021-SSCP

Fiż-żewġ każijiet, l-istess konsorzju ta’ sħab jista’ jissottometti applikazzjoni waħda biss u lil Aġenzija waħda għal kull skadenza[3].

Meta napplika?

Għal Sħubijiet fuq Skala Żgħira fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni fl-iskejjel, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ ippreżentati minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma:

  • L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-għotja
  • sal-20 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn il-1 ta’ Novembru u t-28 ta’ Frar tas-sena ta’ wara.
  • sat-3 ta’ Novembru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara.

Għal Sħubijiet fuq Skala Żgħira fil-qasam tal-isport:

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sal-20 ta’ Mejju 2021 fil-17:00:00

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

Il-proġett ta’ Sħubija fuq Skala Żgħira jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk itejbu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.

  • L-ippjanar (iddefinixxi l-ħtiġijiet, l-għanijiet, il-proġett u l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iskeda eċċ.);
  • it-tħejjija (l-ippjanar tal-attivitajiet, l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, l-arranġamenti prattiċi, il-konferma tal-grupp(i) fil-mira tal-attivitajiet previsti, l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab eċċ.);
  • l-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • segwitu (evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, kondiviżjoni u użu tar-riżultati tal-proġett).

Għal Sħubijiet fuq skala żgħira fil-qasam tal-isport, huwa rrakkomandat li fil-proposti jiġi inkluż mill-inqas klabb sportiv lokali jew reġjonali wieħed.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tfassal il-proġett tiegħek:

Minbarra li jikkonformaw mal-kriterji formali u jistabbilixxu arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tas-sħubijiet ta’ kooperazzjoni. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu proġetti ta’ Sħubijiet fuq Skala Żgħira.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jinkoraġġixxi lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti biex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Biex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija ta’ Inklużjoni u Diversità biex tappoġġa involviment aħjar ta’ parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli biex jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.

Dimensjoni diġitali

Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għas-Sħubijiet fuq Skala Żgħira li jirnexxu. B’mod partikolari, il-proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni fl-iskejjel u l-edukazzjoni għall-adulti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Pjattaformi ta’ eTwinning, School Education Gateway u EPALE biex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett. Il-proġetti fil-qasam taż-żgħażagħ huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ biex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Rilevanza tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Azzjoni. Barra minn hekk, il-proposta se titqies bħala rilevanti ħafna jekk:
    • tindirizza l-prijorità “inklużjoni u diversità”;
    • Fil-każ ta’ proġetti ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fil-livell deċentralizzat: jekk tindirizza “Prijorità Ewropea fil-kuntest nazzjonali” waħda jew aktar, kif imħabbar mill-Aġenzija Nazzjonali;
  • il-profil, l-esperjenza u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti huma rilevanti għall-qasam tal-applikazzjoni;
  • il-proposta ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE billi tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet biex jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni u networking transfruntiera.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • l-għanijiet tal-proġett huma definiti b’mod ċar, realistiċi u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira tagħhom;
  • l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal persuni b’inqas opportunitajiet.
  • il-metodoloġija proposta hija ċara, adegwata u fattibbli:
    • il-pjan ta’ ħidma tal-proġett huwa ċar, komplet u effettiv, inklużi l-fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett;
    • il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, u biex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab
    • Jekk applikabbli: il-punt sa fejn il-proġett jagħmel użu mill-pjattaformi online tal-Erasmus+ (eTwinning, EPALE, School Education Gateway, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Pjattaforma tal-UE tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ) bħala għodod għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-proġett.
  • Il-proġett huwa mfassal b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jinkorpora prattiki ekoloġiċi f’fażijiet differenti tal-proġett.

Kwalità tal-arranġamenti ta’ sħubija u kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’termini ta’ profil;
  • il-proġett jinvolvi organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza għall-Azzjoni;
  • l-allokazzjoni proposta tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
  • il-proposta tinkludi mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti;

Impatt

(punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u loġiċi biex jiġu integrati r-riżultati tal-proġett fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni parteċipanti;
  • il-proġett għandu l-potenzjal li jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti tiegħu, kif ukoll fuq il-komunità usa’;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi mod xieraq biex jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex jinqasmu r-riżultati ma’ organizzazzjonijiet oħra u l-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut pubblikament il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea.

Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt. Barra minn hekk, għandhom jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji tal-għoti msemmija hawn fuq (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; 10 punti għall-kategoriji “kwalità tat-tim tal-proġett u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “impatt”).

Għal Sħubijiet fuq skala żgħira ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, f’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

Il-mudell ta’ finanzjament propost jikkonsisti f’menu ta’ żewġ somom f’daqqa possibbli, li jikkorrispondu għall-ammont totali tal-għotja għall-proġett. L-applikanti se jagħżlu bejn iż-żewġ ammonti definiti minn qabel skont l-attivitajiet li jridu jwettqu u r-riżultati li jridu jiksbu:

Somom f’daqqa waħdanin:

EUR 30 000

EUR 60 000

REKWIŻITI

Meta wieħed iqis li s-sħubijiet fuq skala żgħira huma strument għall-inklużjoni u l-aċċess ta’ organizzazzjonijiet ġodda u inqas esperjenzati għall-programm, il-livell ta’ informazzjoni meħtieġ biex issir applikazzjoni għal għotja taħt din l-azzjoni se jkun sempliċi, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tar-Regolament Finanzjarju tal-UE. Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-proġett għandha tinkludi:

  • Għanijiet
  • Attivitajiet proposti
  • Riżultati mistennija

L-għanijiet, l-attivitajiet u r-riżultati maħsuba għandhom ikunu marbuta b’mod ċar ma’ xulxin u ppreżentati b’mod koerenti. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll skeda ta’ żmien ġenerali tal-proġett bid-data mistennija għat-tlestija tal-istadji importanti ewlenin.

L-applikanti għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-pjan baġitarju sabiex l-evalwaturi jkunu jistgħu jivvalutaw l-adegwatezza ta’ kull attività, kif ukoll il-koerenza ta’ kull attività ma’ dawk l-oħrajn.

Il-baġit tal-proġett għandu jelenka l-attivitajiet ippjanati tal-proġett u jindika l-porzjon tal-għotja allokat għal kull attività.

 

Ħlas tal-għotja

Il-kondizzjoni għall-ħlas sħiħ tal-għotja hija t-tlestija tal-attivitajiet kollha f’konformità mal-kriterji tal-kwalità deskritti fl-applikazzjoni. F’każ li attività waħda jew aktar ma tkunx tlestiet, tkun parzjalment kompluta jew ivvalutata bħala mhux sodisfaċenti fil-valutazzjoni tal-kwalità, jista’ jiġi applikat tnaqqis xieraq mill-ammont tal-għotja.

  1. Għall-finijiet ta’ din l-Azzjoni, gruppi informali ta’ żgħażagħ m’għandhomx jitqiesu bħala organizzazzjoni, u għalhekk mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw (la bħala applikanti u lanqas bħala sħab).

  2. Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague

  3. Dan jinkludi kemm l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ kif ukoll l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell.