Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Sħubijiet għall-kooperazzjoni

X’INHUMA S-SĦUBIJIET GĦALL-KOOPERAZZJONI?

Din l-azzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet parteċipanti jiksbu esperjenza fil-kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, iżda anki jipproduċu riżultati innovattivi ta’ kwalità għolja. Skont l-għanijiet tal-proġett, l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, jew l-impatt mistenni, fost elementi oħra, is-Sħubijiet għall-Kooperazzjoni jistgħu jkunu ta’ daqsijiet u kamp ta’ applikazzjoni differenti, u jadattaw l-attivitajiet tagħhom kif xieraq. Il-valutazzjoni kwalitattiva ta’ dawn il-proġetti se tkun proporzjonata għall-għanijiet tal-kooperazzjoni u n-natura tal-organizzazzjonijiet involuti.

Abbażi ta’ din il-loġika, żewġ tipi ta’ sħubijiet huma offruti lill-organizzazzjonijiet biex jaħdmu, jitgħallmu u jikbru flimkien:

  • Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni
  • Sħubijiet fuq Skala żgħira

Dawn iż-żewġ tipi ta’ sħubijiet huma ppreżentati fid-dettall fit-taqsima li jmiss. L-informazzjoni inkluża fiż-żewġ taqsimiet se tgħinek tagħżel it-tip ta’ sħubija li taqbel l-aktar mal-profil u l-istruttura tal-organizzazzjoni tiegħek u l-ideat tal-proġett tiegħek.

LIEMA ATTIVITAJIET TIPIKAMENT JITWETTQU MINN SĦUBIJIET GĦALL-KOOPERAZZJONI?

Matul il-ħajja ta’ proġetti, l-organizzazzjonijiet jistgħu tipikament iwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Minn attivitajiet tradizzjonali għal dawk aktar kreattivi u innovattivi, l-organizzazzjonijiet għandhom il-flessibbiltà li jagħżlu l-aħjar kombinazzjoni li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proġett fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u fi proporzjon mal-kapaċitajiet tas-sħubija. Pereżempju:

  • Ġestjoni tal-proġett: attivitajiet li huma meħtieġa biex jiżguraw l-ippjanar, l-implimentazzjoni u s-segwitu adegwati tal-proġetti, inkluża kollaborazzjoni bla xkiel u effiċjenti bejn is-sħab tal-proġetti. F’din il-fażi, l-attivitajiet tipikament jinkludu kompiti organizzattivi u amministrattivi, laqgħat virtwali bejn is-sħab, it-tħejjija ta’ materjali ta’ komunikazzjoni, it-tħejjija u s-segwitu tal-parteċipanti li jieħdu sehem fl-attivitajiet, eċċ.
  • Attivitajiet ta’ implimentazzjoni: jistgħu jinkludu avvenimenti ta’ networking, laqgħat, sessjonijiet ta’ ħidma għall-iskambju ta’ prattiki u għall-iżvilupp ta’ riżultati. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinvolvu wkoll il-parteċipazzjoni tal-persunal u tal-istudenti (sakemm il-parteċipazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-proġett).
  • Attivitajiet ta’ kondiviżjoni u promozzjoni: l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, sessjonijiet, avvenimenti mmirati lejn il-kondiviżjoni, l-ispjegazzjoni u l-promozzjoni tar-riżultati tal-proġett, jekk humiex fil-forma ta’ riżultati tanġibbli, konklużjonijiet, prattiki tajbin jew kwalunkwe forma oħra.

KONTRIBUT TA’ DIN L-AZZJONI GĦALL-KISBA TAL-PRIJORITAJIET TAL-POLITIKA

Fuq bażi annwali, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi prijoritajiet u għanijiet komuni li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-Programm Erasmus+ f’oqsma differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Għalhekk, minbarra l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet involuti fil-proġett, is-sħubijiet għall-kooperazzjoni għandhom l-għan li jikkontribwixxu bir-riżultati tagħhom lejn il-kisba tal-prijoritajiet.

Il-proġetti huma għalhekk mitluba li jfasslu l-ħidma tagħhom fir-rigward ta’ waħda jew aktar minn dawn il-prijoritajiet u li jagħżluhom fl-istadju tal-applikazzjoni. Meta jkunu qed jitfasslu proposti għal proġetti, huwa rrakkomandat ukoll li jiġu kkonsultati r-riżultati prodotti minn proġetti ffinanzjati preċedentement ibbażati fuq prijoritajiet simili, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, kif ukoll biex progressivament tjiġu żviluppati r-riżultati eżistenti u jingħata kontribut għall-iżvilupp konġunt tal-oqsma differenti. Informazzjoni utli dwar proġetti ffinanzjati tista’ tinstab fil-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects_mt

Barra minn hekk, biex il-prijoritajiet Ewropej jintrabtu aħjar mal-ħtiġijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ għandhom il-possibbiltà li jidentifikaw waħda jew aktar minn dawn il-prijoritajiet Ewropej bħala partikolarment rilevanti fil-kuntest nazzjonali tagħhom, sabiex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jiffokaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom f’dawn l-oqsma magħżula f’sena partikolari.

Fl-2021, is-sħubijiet għall-kooperazzjoni jridu jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma prijoritarji li ġejjin:

Prijoritajiet li japplikaw għas-setturi kollha tal-Erasmus+

  • L-inklużjoni u d-diversità fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport: il-Programm se jappoġġa proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u li għandhom l-għan li jtejbu s-sensibilizzazzjoni għal persuni b’inqas opportunitajiet, inklużi persuni b’diżabilità u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti, persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi jew kwalunkwe sors potenzjali ieħor ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Dawn il-proġetti se jgħinu biex jiġu indirizzati l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-gruppi fl-aċċess għall-opportunitajiet offruti mill-programm, kif ukoll jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjenti inklużivi li jrawmu l-ekwità u l-ugwaljanza, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunità usa’.
  • L-Ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: il-Programm għandu l-għan li jappoġġa, fis-setturi kollha, is-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi ambjentali u dawk tat-tibdil fil-klima. Se tingħata prijorità lil proġetti li għandhom l-għan li jiżviluppaw kompetenzi f’setturi varji b’rilevanza għas-sostenibbiltà, jiżviluppaw metodoloġiji u strateġiji ta’ ħiliet settorjali ekoloġiċi, kif ukoll kurrikuli orjentati lejn il-futur li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-individwi. Il-Programm se jappoġġa wkoll l-ittestjar ta’ prattiċi innovattivi biex jipprepara l-istudenti, il-persunal u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ isiru aġenti veri tal-bidla (eż. jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-użu tal-enerġija u l-iskart, jikkompensaw l-emissjonijiet tal-impronta tal-karbonju, jagħmlu għażliet ta’ ikel u ta’ mobbiltà sostenibbli, eċċ.). Se tingħata prijorità wkoll lil proġetti li – permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-attivitajiet tal-isport - jippermettu bidliet fl-imġiba għal preferenzi individwali, drawwiet ta’ konsum, u stili ta’ ħajja; jiżviluppaw kompetenzi ta’ sostenibbiltà tal-edukaturi u tal-mexxejja tal-edukazzjoni u jappoġġaw l-approċċi ppjanati tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali.
  • L-indirizzar tat-trasformazzjoni diġitali permezz tal-iżvilupp tal-prontezza diġitali, ir-reżiljenza u l-kapaċità: Il-Programm se jappoġġa l-pjanijiet tat-trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni għall-adulti. Se tingħata prijorità lil proġetti li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità u l-prontezza tal-istituzzjonijiet biex jimmaniġġjaw bidla effettiva lejn l-edukazzjoni diġitali. Il-Programm se jappoġġa l-użu bi skop tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport għat-tagħlim, l-apprendiment, il-valutazzjoni u l-involviment. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ pedagoġija u għarfien espert diġitali fl-użu ta’ għodod diġitali għall-għalliema, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza u l-ħolqien u l-użu innovattiv ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali. Bl-istess mod, dan jinkludi l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-popolazzjoni kollha permezz ta’ programmi u inizjattivi xierqa. Se tingħata attenzjoni partikolari lil promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-differenzi fir-relazzjoni bejn l-aċċess u l-użu minn gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed. Il-Programm se jkompli jappoġġa l-użu tal-oqfsa Ewropej dwar il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi, taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet.
  • Valuri komuni, impenn ċiviku u parteċipazzjoni: Il-Programm se jappoġġa ċ-ċittadinanza attiva u l-etika fl-apprendiment tul il-ħajja; se jrawwem l-iżvilupp tal-kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Se tingħata prijorità wkoll lil proġetti li joffru opportunitajiet għal parteċipazzjoni tan-nies fil-ħajja demokratika, l-impenn soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Il-fokus se jkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, notevolment fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Minbarra l-prijoritajiet ġenerali msemmija hawn fuq, il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin se jiġu segwiti fis-setturi rispettivi.

PRIJORITAJIET SPEĊIFIĊI GĦAS-SETTUR

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja:

Se tingħata prijorità lil azzjonijiet li huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. L-għan huwa li jiġi appoġġat is-settur tal-edukazzjoni għolja biex isir aktar interkonness, innovattiv, inklużiv u diġitali. Għal dan il-għan, il-Programm se jħeġġeġ kooperazzjoni ħafna aktar profonda u interdixxiplinari bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll mal-ekosistemi tal-innovazzjoni ta’ madwarhom, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-enfasi se tkun fuq it-tisħiħ tal-inklużjoni, il-mobbiltà, id-diġitalizzazzjoni, l-apprendiment tul il-ħajja, l-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent awtomatiku. L-għan sottostanti huwa li titħaffef it-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa, sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħarrġa fil-ħolqien konġunt tal-għarfien għal soċjetà reżiljenti, inklużiva u sostenibbli.

  • Il-promozzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni għolja interkonnessi: Il-Programm se jkollu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika u strutturata bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja permezz ta’: a) appoġġ għall-iżvilupp u l-ittestjar ta’ diversi tipi ta’ mudelli ta’ kooperazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni virtwali u mħallta u l-użu ta’ għodod diġitali u pjattaformi online differenti; b) titjib fil-mobbiltà billi jiġi implimentat ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u tal-eżiti tal-apprendiment, u billi l-mobbiltà tiġi integrata fil-kurrikuli; c) appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jimplimentaw il-prinċipji u l-għodod ta’ Bolonja biex itejbu l-mobbiltà għal kulħadd.
  • L-istimolu ta’ prattiki innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim: biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà permezz ta’ appoġġ għal: a) l-iżvilupp ta’ eżiti tal-apprendiment u kurrikuli ċċentrati fuq l-istudent li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-istudenti u jnaqqsu l-ispariġġ fil-ħiliet, filwaqt li jkunu wkoll rilevanti għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà usa’; b) l-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta’ perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u disinn ta’ kors modulari (part-time, online jew imħallat) u forom xierqa ta’ valutazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ valutazzjoni online; c) il-promozzjoni tad-dimensjoni tal-apprendiment tul il-ħajja tal-edukazzjoni għolja, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-użu, il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta’ korsijiet ta’ apprendiment qosra li jwasslu għal mikrokredenzjali; d) l-implimentazzjoni ta’ approċċi transdixxiplinarji u pedagoġiji innovattivi bħal apprendiment invertit, apprendiment internazzjonali kollaborattiv online u apprendiment ibbażat fuq ir-riċerka; e) l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-kurrikuli kollha għall-istudenti fid-dixxiplini kollha u fil-livelli kollha.
  • L-iżvilupp ta’ STEM/STEAM fl-edukazzjoni għolja, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa fi STEM:  Din il-prijorità tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kurrikuli ta’ edukazzjoni għolja ta’ STEM li huma adatti għall-iskop tagħhom, wara approċċ ta’ STEAM; il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma ta’ studju STEM u speċjalment fl-inġinerija, l-ICT u l-ħiliet diġitali avvanzati; l-iżvilupp ta’ programmi ta’ gwida u ta’ mentoraġġ għall-istudenti, speċjalment il-bniet u n-nisa, biex jiġu segwiti oqsma ta’ studju u okkupazzjonijiet ta’ STEM u tal-ICT; it-trawwim ta’ prattiki ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ sensittivi għall-ġeneru fl-edukazzjoni ta’ STEM; l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tal-ġeneri fi STEM;
  • L-ippremjar tal-eċċellenza fl-apprendiment, fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-ħiliet: permezz ta’ a) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u kultura ta’ kwalità biex tiġi ppremjata u inċentivata l-eċċellenza fit-tagħlim, inkluż it-tagħlim online, u t-tagħlim għal studenti żvantaġġati; b) taħriġ ta’ akkademiċi f’pedagoġiji innovattivi u/jew online, inklużi approċċi transdixxiplinarji, tfassil ta’ kurrikulu ġdid, metodi ta’ twassil u valutazzjoni li jorbtu l-edukazzjoni mar-riċerka u l-innovazzjoni fejn rilevanti, c) it-trawwim ta’ settur tal-edukazzjoni għolja intraprenditorjali, miftuħ u innovattiv, billi jippromwovu sħubiji ta’ apprendiment u tagħlim ma’ organizzazzjonijiet kummerċjali u mhux kummerċjali fis-settur privat; e) l-iżvilupp ta’ prattiki ġodda fid-disinn tat-tagħlim, ibbażati fuq ir-riċerka edukattiva u l-kreattività.
  • Il-bini ta’ sistemi ta’ edukazzjoni għolja inklużivi: Il-Programm se jrawwem approċċi inklużivi għall-attivitajiet ta’ mobbiltà u kooperazzjoni bħal a) żieda fir-rati tal-aċċess, tal-parteċipazzjoni u tat-tkomplija ta’ gruppi fil-mira b’inqas opportunitajiet; b) appoġġ attiv lill-parteċipanti mobbli li ġejjin, matul il-proċess tat-tfittxija tal-akkomodazzjoni, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għall-provvista ta’ akkomodazzjoni xierqa u affordabbli; c) appoġġ għall-iżvilupp ta’ rotot ta’ karriera flessibbli bejn l-edukazzjoni u r-riċerka; d) trawwim tal-bilanċ bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, fl-oqsma kollha tal-istudju u f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija; e) trawwim tal-involviment ċiviku permezz tal-promozzjoni ta’ apprendiment informali u attivitajiet extra-kurrikulari u r-rikonoxximent ta’ xogħol volontarju u komunitarju fir-riżultati akkademiċi tal-istudenti.
  • L-appoġġ għall-kapaċitajiet diġitali tas-settur tal-edukazzjoni għolja: permezz ta’ a) l-azzjonijiet li jippermettu l-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti permezz ta’ trasferiment elettroniku sigur tad-data tal-istudenti bejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data personali u torbot fejn ikun possibbli mal-Europass il-ġdid; b) l-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi diġitali tal-istudenti u tal-persunal.

Fil-qasam tal-edukazzjoni fl-iskejjel, se tingħata prijorità lil:

  • L-indirizzar tal-iżvantaġġ fl-apprendiment, it-tluq bikri mill-iskola u l-profiċjenza baxxa fil-ħiliet bażiċi: L-għan ta’ din il-prijorità huwa li tgħin biex l-istudenti kollha jkollhom suċċess, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet. Il-prijorità tinkludi l-monitoraġġ, l-identifikazzjoni bikrija ta’ studenti f’riskji, approċċi preventivi u ta’ intervent bikri għal studenti b’diffikultajiet, il-promozzjoni ta’ approċċi aktar iffukati fuq l-istudenti, il-promozzjoni tal-benesseri u s-saħħa mentali għall-istudenti u l-għalliema, kif ukoll il-protezzjoni mill-bullying fl-iskola. Fil-livell tal-iskejjel, din il-prijorità tappoġġa approċċi olistiċi għat-tagħlim u l-apprendiment u l-kollaborazzjoni fost l-atturi kollha fl-iskejjel, kif ukoll mal-familji u partijiet ikkonċernati esterni oħra. Fl-aħħar nett, fil-livell strateġiku, l-enfasi hija fuq it-titjib tat-tranżizzjonijiet bejn stadji differenti tal-edukazzjoni, it-titjib tal-evalwazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi b’saħħithom ta’ assigurazzjoni tal-kwalità.
  • L-appoġġ lill-għalliema, lill-kapijiet tal-iskejjel u lil professjonijiet oħra tat-tagħlim: Din il-prijorità tappoġġa lill-prattikanti fil-professjonijiet tal-għalliema (inklużi l-edukaturi tal-għalliema) matul il-fażijiet kollha tal-karriera tagħhom. Il-proġetti taħt din il-prijorità jistgħu jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, kif ukoll l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom, b’mod partikolari billi jtejbu l-qafas ta’ politika u l-opportunitajiet konkreti għall-mobbiltà tal-għalliema. It-tieni fokus tal-prijorità huwa li l-karrieri tat-tagħlim isiru aktar attraenti u varjati, u li jissaħħu l-għażla, ir-reklutaġġ u l-evalwazzjoni għall-professjonijiet tat-tagħlim. Fl-aħħar nett, il-proġetti jistgħu jappoġġaw direttament ukoll l-iżvilupp ta’ tmexxija tal-iskola aktar b’saħħitha u metodi innovattivi ta’ tagħlim u ta’ valutazzjoni.
  • L-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin: Il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw fuq il-promozzjoni ta’ kollaborazzjoni transkurrikulari, bl-użu ta’ approċċi ta’ apprendiment innovattivi, l-iżvilupp tal-kreattività, l-appoġġ lill-għalliema biex jipprovdu tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza u l-iżvilupp ta’ valutazzjoni u validazzjoni ta’ kompetenzi ewlenin.
  • Il-promozzjoni ta’ approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi: Din il-prijorità tinkludi proġetti li jaħdmu fuq l-appoġġ tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-lingwa fil-kurrikuli kollha u l-iżgurar li l-istudenti jilħqu livelli ta’ kompetenza tal-lingwa adegwati sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja. L-integrazzjoni tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-apprendiment tal-lingwi hija wkoll parti mill-isforzi taħt din il-prijorità. Fl-aħħar nett, il-prijorità tappoġġa proġetti li jistgħu jgħinu biex jinħolqu skejjel konxji tal-lingwa u li jibnu fuq id-diversità lingwistika li dejjem qed tiżdied fl-iskejjel, pereżempju billi jħeġġu l-apprendiment u l-għarfien tal-lingwa bikrija u jiżviluppaw għażliet ta’ tagħlim bilingwi (speċjalment f’reġjuni u żoni tal-fruntiera fejn l-abitanti jużaw aktar minn lingwa waħda).
  • Il-promozzjoni tal-interess u l-eċċellenza fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika (STEM) u tal-approċċ ta’ STEAM: Din il-prijorità tappoġġa proġetti li jippromwovu l-approċċ STEM għall-edukazzjoni permezz ta’ tagħlim interdixxiplinari f’kuntesti kulturali, ambjentali, ekonomiċi, ta’ disinn u oħrajn. Il-prijorità tinkludi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ pedagoġiji effettivi u innovattivi u metodi ta’ valutazzjoni. L-iżvilupp ta’ sħubiji bejn l-iskejjel, in-negozji, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, u s-soċjetà usa’ huwa partikolarment siewi f’dan il-kuntest. Fil-livell strateġiku, il-prijorità sservi biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali ta’ STEM.
  • L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja: Din il-prijorità tiffoka fuq il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità tal-UE għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Tinkludi proġetti li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-persunal involut fl-organizzazzjoni, it-tmexxija u l-forniment ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Barra minn hekk, il-prijorità tappoġġa wkoll il-ħolqien, l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u prattiki biex titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal kollha fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, inklużi tfal b’inqas opportunitajiet.
  • Rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment għall-parteċipanti fil-mobbiltà tal-apprendiment transfruntiera: Din il-prijorità għandha l-għan li tgħin biex ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tiġi implimentata fil-prattika. Din tappoġġa l-inkorporazzjoni ta’ skambji ta’ klassijiet transfruntiera fi programmi tal-iskola, il-bini tal-kapaċità tal-iskejjel biex jorganizzaw perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż għall-istudenti tagħhom, u l-ħolqien ta’ sħubiji fit-tul bejn skejjel f’pajjiżi differenti. Fil-livell strateġiku, din il-prijorità għandha l-għan li tinvolvi aktar lill-awtoritajiet tal-iskola fil-livelli kollha fl-isforzi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent, u tappoġġa l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ għodod u prattiki għat-tħejjija, il-monitoraġġ u r-rikonoxximent ta’ perjodi barra mill-pajjiż.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (kemm fil-bidu u kemm kontinwu), se tingħata prijorità lil:

  • L-adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol: Dan jinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ programmi tal-VET li joffru taħlita bbilanċjata ta’ ħiliet vokazzjonali u joħolqu opportunitajiet ta’ apprendiment ibbażati fuq ix-xogħol allinjati tajjeb maċ-ċikli ekonomiċi kollha, l-impjiegi li qed jevolvu u l-metodi ta’ ħidma u l-kompetenzi ewlenin. Din il-prijorità trawwem ukoll l-iżvilupp tal-kurrikuli, tal-offerti tal-programmi u tal-kwalifiki tal-VET li jiġu aġġornati regolarment, filwaqt li tibni fuq l-informazzjoni dwar il-ħiliet. Il-proġetti se jappoġġaw lill-fornituri tal-VET fl-adattament tal-offerta ta’ taħriġ tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u ċ-ċikli ekonomiċi.
  • Iż-żieda fil-flessibilità tal-opportunitajiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tappoġġa inizjattivi li jiżviluppaw programmi VET flessibbli u ċċentrati fuq l-istudenti, u li jikkontribwixxu biex jagħlqu d-differenzi eżistenti fl-aċċess għat-taħriġ għall-adulti tal-età tax-xogħol biex jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Il-proġetti taħt din il-prijorità jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwi mfassla biex ikunu adattabbli għas-suq tax-xogħol, kif ukoll programmi li jiffaċilitaw it-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment li jwasslu għal kwalifiki nazzjonali.
  • Kontribut għall-innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tappoġġa proġetti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jibdlu b’mod sostanzjali l-mod li bih il-VET huwa ipprattikat, u b’hekk dan isir aktar rilevanti għall-ħtiġijiet attwali u futuri tal-ekonomija u tas-soċjetà. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu organizzattivi (ippjanar, finanzjament, ġestjoni tar-riżorsi umani, monitoraġġ u komunikazzjoni). Dawn jistgħu jindirizzaw ukoll proċessi ta’ apprendiment u ta’ tagħlim permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment ġodda u aktar rilevanti. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu relatati mal-ekosistema tal-fornituri tal-VET u l-mod kif jinvolvu ruħhom mas-sħab, pereżempju permezz ta’ diffużjoni teknoloġika u riċerka applikata, ta’ promozzjoni, ta’ netwerking u ta’ attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni. Dawn jistgħu jimmiraw ukoll l-iżvilupp u l-provvista ta’ prodotti u servizzi tal-VET (eż. l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka applikata, u l-konsulenza) lil atturi esterni bħal studenti, kumpaniji u gvernijiet.
  • Attrazzjoni dejjem akbar tal-VET: Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu biex tiżdied l-attrazzjoni tal-VET f’livelli differenti. Eżempji ta’ dawn jistgħu jkunu proġetti li jaħdmu għal permeabilità akbar bejn livelli edukattivi differenti, li jrawmu ambjenti ta’ apprendiment miftuħa u parteċipattivi, jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u tal-ħarrieġa tal-VET, jew jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment u l-użu tal-Europass u ta’ servizzi diġitali oħra. Din il-prijorità tappoġġa wkoll proġetti li jiżviluppaw sħubiji fit-tul għall-istabbiliment jew it-tisħiħ ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u settorjali tal-ħiliet. L-impatt ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jiġi ottimizzat billi jaħdmu mill-qrib flimkien man-negozji, mal-fornituri tal-VET, mal-kmamar tal-kummerċ u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-proġett.
  • Titjib fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tiffoka fuq il-kejl u t-titjib tal-kwalità tal-VET billi jiġu żviluppati sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, kemm għall-VET inizjali kif ukoll kontinwu, fl-ambjenti kollha ta’ apprendiment u fil-formati kollha tal-apprendiment, ipprovduti kemm mill-fornituri pubbliċi kif ukoll minn dawk privati. B’mod partikolari, dan jinkludi l-istabbiliment u l-ittestjar ta’ arranġamenti ta’ traċċar tal-gradwati f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-traċċar tal-gradwati, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET)[1], kif ukoll l-esplorazzjoni tal-profili ewlenin vokazzjonali tal-UE, u l-mikrokredenzjali.
  • Il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-fornituri tal-VET: Din il-prijorità għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ appoġġ u oqfsa kuntrattwali għall-promozzjoni tal-mobbiltà ta’ kwalità tal-persunal u tal-istudenti tal-VET. Aspetti partikolarment importanti jinkludu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u tal-eżiti tal-apprendiment, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti għall-mobbiltà tal-istudenti. Tali servizzi jistgħu jinkludu l-informazzjoni, il-motivazzjoni, it-tħejjija u l-iffaċilitar tal-integrazzjoni soċjali tal-istudenti tal-VET fil-pajjiż ospitanti, kif ukoll it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni interkulturali u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti se tingħata prijorità lil:

  • It-titjib tad-disponibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja għall-adulti: Din il-prijorità tipprovdi appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ offerti ta’ apprendiment flessibbli adattati għall-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-adulti, pereżempju bl-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment diġitali u mħallta. Tingħata prijorità wkoll lil proġetti li jaħdmu fuq il-validazzjoni tal-ħiliet miksuba permezz ta’ apprendiment informali u mhux formali.
  • Il-ħolqien ta’ perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet, it-titjib tal-aċċessibbiltà u ż-żieda fl-użu tal-edukazzjoni għall-adulti: Din il-prijorità għandha l-għan li tippromwovi opportunitajiet ġodda ta’ edukazzjoni għall-adulti, b’mod partikolari għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi. Il-ħolqien ta’ perkorsi ġodda għat-titjib tal-ħiliet għandu jippermetti lill-istudenti adulti jtejbu l-kompetenzi ewlenin tagħhom u jagħmlu progress lejn kwalifiki ogħla. Xogħol komplementari kopert taħt din il-prijorità jinkludi l-iżvilupp ta’ gwida bħala servizz biex jiġi żgurat li l-adulti jkollhom aċċess għall-apprendiment rilevanti matul il-ħajja, it-titjib tal-identifikazzjoni u l-iskrinjar tal-ħiliet, it-tfassil ta’ offerti ta’ apprendiment imfassla apposta, u l-iżvilupp ta’ strateġiji effettivi ta’ sensibilizzazzjoni, gwida u motivazzjoni.
  • It-titjib tal-kompetenzi tal-edukaturi u ta’ persunal ieħor tal-edukazzjoni għall-adulti: Tingħata prijorità b’mod partikolari lil proġetti li jiżviluppaw kompetenzi tal-persunal li jwasslu għal titjib ġenerali fil-provvista, fil-mira u fl-effettività tal-edukazzjoni għall-adulti. Dan jinkludi valutazzjoni tal-għarfien u l-ħiliet minn qabel tal-istudenti adulti, metodi ta’ tagħlim aħjar u aktar innovattivi, kif ukoll it-tisħiħ tar-rwol ta’ appoġġ li l-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti għandu fil-motivazzjoni, fil-gwida u fil-konsulenza lill-istudenti f’sitwazzjonijiet ta’ tagħlim ta’ sfida.
  • It-titjib tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għall-adulti: Din il-prijorità tappoġġa l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-politiki u l-provvista tal-apprendiment għall-adulti. B’mod partikolari, dan jinkludi l-iżvilupp u t-trasferiment ta’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ biex titkejjel l-effettività tal-provvista tal-edukazzjoni għall-adulti u biex jiġi intraċċat il-progress tal-istudenti adulti.
  • L-iżvilupp ta’ ċentri ta’ apprendiment li jħarsu ’l quddiem: Din il-prijorità għandha l-għan li tappoġġa ambjenti ta’ apprendiment lokali, li tippromwovi l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku u d-demokrazija, u li tattira u toffri lil kulħadd fl-opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja u fil-wisa’ tal-ħajja tal-komunità, anki billi tisfrutta t-teknoloġiji diġitali. Pereżempju, il-proġetti jistgħu jħeġġu ċentri ta’ apprendiment lokali, libreriji, soċjetà ċivili u l-komunità usa’ (NGOs, awtoritajiet lokali, saħħa, kultura, eċċ.) biex jaħdmu flimkien biex jimmotivaw u jippermettu lill-adulti ta’ kull età jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja u l-kompetenzi ewlenin meħtieġa biex ikunu reżiljenti u adattabbli fid-dawl tal-bidla u l-inċertezza.
  • Il-promozzjoni tal-Erasmus+ fost iċ-ċittadini u l-ġenerazzjonijiet kollha: Tingħata prijorità lil proġetti li joħolqu u jippromwovu opportunitajiet ta’ edukazzjoni u skambji ta’ esperjenzi għall-anzjani, bil-għan li tinbena u tissaħħaħ l-identità Ewropea.

Fil-qasam taż-żgħażagħ:

Se tingħata prijorità lil azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-oqsma ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027: l-involviment, il-konnessjoni u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transsettorjali li tippermetti sinerġiji akbar fost oqsma differenti ta’ azzjonijiet li huma importanti għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’diversi skali u formati u l-appoġġ taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ, b’mod partikolari ż-żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Prijoritajiet speċifiċi għall-qasam taż-żgħażagħ jinkludu:

  • Il-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva, is-sens ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ inkluż l-intraprenditorija soċjali: Il-prijorità għandha l-għan li trawwem ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tal-volontarjat u ta’ atti ta’ solidarjetà, u b’hekk issaħħaħ is-sens ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, u tappoġġa lill-komunitajiet tagħhom. Il-proġetti taħt din il-prijorità jistgħu jippromwovu wkoll l-intraprenditorija, l-apprendiment kreattiv u l-intraprenditorija soċjali fost iż-żgħażagħ. Id-djalogu interkulturali, l-għarfien u r-rikonoxximent tad-diversità u l-promozzjoni tat-tolleranza huma kruċjali għal din il-prijorità.
  • Iż-żieda fil-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ: Il-prijorità għandha l-għan li tippromwovi r-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-apprendiment informali u mhux formali fil-livelli kollha, u li tappoġġa l-iżvilupp ta’ kwalità u l-innovazzjoni fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. Dan jinkludi l-bini tal-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-prattiki online u offline tagħhom, kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ metodi biex jintlaħqu żgħażagħ emarġinati, jiġu evitati r-razziżmu u l-intolleranza fost iż-żgħażagħ, u r-riskji, l-opportunitajiet u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni.
  • It-tisħiħ tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ: Il-prijorità għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ. Is-settur taż-żgħażagħ għandu rwol importanti fit-tħaffif tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ miż-żgħożija sal-età adulta, inkluż fl-appoġġ tal-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-attivitajiet li jiffukaw fuq l-inklużjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet (inklużi NEETs), b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni u dawk bi sfond ta’ migranti, jinsabu fil-qalba ta’ din il-prijorità.
  • Ir-rinfurzar tar-rabtiet bejn il-politika, ir-riċerka u l-prattika: Din il-prijorità tindirizza l-ħtieġa għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-politika, ir-riċerka u l-prattika fil-qasam taż-żgħażagħ biex tiġi pprovduta evidenza mtejba tal-ħtiġijiet u jiġi ffaċilitat it-tfassil tal-politika. Attivitajiet li jippromwovu għarfien aħjar dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u l-politiki taż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn se jkunu ta’ importanza għal din il-prijorità.

Fil-qasam tal-isport:

Se tingħata prijorità lil sħubiji li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ dokumenti ta’ politika ewlenin bħall-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport (2021-2024) jew ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. Prijoritajiet speċifiċi fil-qasam tal-isport jinkludu:

  • L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq a) l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, il-Linji Gwida tal-UE dwar l-attività fiżika u s-sejħa ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Tajjeb għas-Saħħa b) l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ġimgħat Ewropej tal-Isport c) il-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika bħala għodda għas-saħħa c) il-promozzjoni tal-attivitajiet kollha li jħeġġu l-prattika tal-isport u l-attività fiżika inklużi l-isport u l-logħob tradizzjonali u l-isport interġenerazzjonali.
  • Il-promozzjoni tal-integrità u tal-valuri fl-isport: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq a) il-ġlieda kontra l-użu tad-doping b) il-ġlieda kontra l-iffissar tal-logħob u l-korruzzjoni fl-isport c) it-titjib tal-governanza tajba fl-isport u d) il-promozzjoni tal-valuri pożittivi tal-isport.
  • Il-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-isport u permezz tiegħu: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq a) l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-isport, b) l-inkoraġġiment ta’ karrieri doppji tal-atleti c) il-promozzjoni tal-kwalità tal-ikkowċjar u tal-persunal d) l-użu tal-mobbiltà bħala għodda għat-titjib tal-kwalifiki e) il-promozzjoni tal-impjegabbiltà permezz tal-isport.
  • Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-indirizzar tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-intolleranza fl-isport u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni vjolenti: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq il-ġlieda kontra dik l-imġiba li jista’ jkollha influwenza negattiva fuq il-prattika tal-isport u tas-soċjetà b’mod aktar ġenerali. Il-proġetti se jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu l-ugwaljanza fl-isport, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
  1. ĠU C 417, 2.12.2020, P. 1–16

.foot {font-size: 0.8em; margin-left: 2.5em; border-top: 1px solid black;} table, td, tr{border: 1px solid black; cellpadding="1"; cellspacing="1";} table{margin-bottom: 30px;}