Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ - “Skambji Taż-Żgħażagħ”

Taħt din l-Azzjoni1 , l-organizzazzjonijiet u l-gruppi informali taż-żgħażagħ jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jlaqqgħu flimkien żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex jiskambjaw u jitgħallmu barra mis-sistema edukattiva formali tagħhom.

Objettivi tal-azzjoni

L-Erasmus+ jappoġġa l-mobbiltà għall-apprendiment mhux formali taż-żgħażagħ fil-forma ta’ Skambji taż-Żgħażagħ, bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu involuti u jingħataw is-setgħa li jsiru ċittadini attivi, jiġu konnessi mal-proġett Ewropew kif ukoll jiġu megħjuna jakkwistaw u jiżviluppaw kompetenzi għall-ħajja u l-futur professjonali tagħhom.

B’mod aktar speċifiku, l-Iskambji taż-Żgħażagħ għandhom l-għan li:

  • irawmu d-djalogu u l-apprendiment interkulturali u li wieħed iħossu Ewropew;
  • jiżviluppaw il-ħiliet u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ;
  • issaħħu l-valuri Ewropej u jneħħu l-preġudizzji u l-istereotipi;
  • iqajmu sensibilizzazzjoni dwar suġġetti soċjalment rilevanti u b’hekk jistimulaw l-involviment fis-soċjetà u l-parteċipazzjoni attiva.

L-Azzjoni hija miftuħa għaż-żgħażagħ kollha, b’enfasi speċjali fuq dawk b’inqas opportunitajiet.

Kuntest tal-politika

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tistabbilixxi Qafas għal Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ”. L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-impenn soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll proċess ta’ djalogu maż-Żgħażagħ u f’dak il-kuntest, fl-2018 ġew żviluppati 11-il għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ. Dawn l-għanijiet jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ din il-viżjoni fir-rigward taż-żgħażagħ. Taħt il-qasam ewlieni “Konnessjoni”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ qed tippromwovi u tiffaċilita l-konnessjonijiet, ir-relazzjonijiet u l-iskambju tal-esperjenza bejn iż-żgħażagħ bħala assi ċentrali għall-iżvilupp futur tal-UE. Dawn il-konnessjonijiet jitrawmu bl-aħjar mod permezz ta’ forom differenti ta’ mobbiltà, li waħda minnhom hija l-Iskambji taż-Żgħażagħ.

https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy_en  

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)2 .

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Skambji taż-Żgħażagħ

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma laqgħat ta’ gruppi ta’ żgħażagħ minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti li jiltaqgħu għal perjodu qasir biex jimplimentaw b’mod konġunt programm ta’ apprendiment mhux formali (taħlita ta’ workshops, eżerċizzji, dibattiti, logħob ta’ rwol, simulazzjonijiet, attivitajiet fuq barra, eċċ.) dwar suġġett ta’ interess għalihom, filwaqt li jfittxu ispirazzjoni mill-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ3 . Il-perjodu ta’ apprendiment jinkludi fażi ta’ tħejjija qabel l-applikazzjoni, fażi ta’ tħejjija qabel kif ukoll evalwazzjoni u segwitu wara l-iskambju.

L-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għal għotjiet fi ħdan l-Iskambji taż-Żgħażagħ: il-vjaġġi għal studji akkademiċi; l-attivitajiet ta’ skambju li jkollhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; l-attivitajiet ta’ skambju li jistgħu jitqiesu bħala turiżmu; festivals; l-ivvjaġġar għal btala; tours ta’ prestazzjoni, laqgħat statutorji, korsijiet ta’ taħriġ mill-adulti għaż-żgħażagħ.

Barra mill-Iskambji taż-Żgħażagħ, il-proġetti jistgħu jinkludu wkoll Żjarat Preparatorji.

Żjarat Preparatorji

Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti. Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ Skambji taż-Żgħażagħ ma’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, iż-żjara preparatorja għandha tippermetti li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-parteċipanti jkunu jistgħu jiġu indirizzati. Iż-Żjarat Preparatorji jsiru fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu qabel ma tibda l-attività tal-Iskambju taż-Żgħażagħ.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett jiġi implimentat minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet. L-organizzazzjonijiet involuti fi proġett għandhom jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom; għalhekk il-proġett għandu jkun konformi mal-objettivi tagħhom u jkun xieraq għall-ħtiġijiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet involuti jassumu r-rwoli li “jibagħtu” u/jew “li jilqgħu” l-parteċipanti jiġifieri li jospitaw l-attività. Waħda mill-organizzazzjonijiet tassumi wkoll ir-rwol ta’ koordinatur u tapplika għall-proġett kollu f’isem is-sħubija.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u ż-żgħażagħ involuti fl-attivitajiet għandhom jassumu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tagħhom fl-apprendiment.

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ. qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni)
  • It-tħejjija (arranġamenti prattiċi, it-twaqqif ta’ ftehimiet mas-sħab, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq eċċ.);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).

Skambju taż-Żgħażagħ ta’ kwalità:

  • jiddependi mill-involviment attiv taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, li għandhom jassumu rwol attiv fl-istadji kollha tal-proġett, u b’dan il-mod isaħħu l-esperjenza tagħhom fl-apprendiment u l-iżvilupp;
  • jinvolvi gruppi diversi ta’ parteċipanti u jibni fuq din id-diversità;
  • ikun ibbażat fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar tal-parteċipanti żgħażagħ;
  • jiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-parteċipanti jiġu identifikati u ddokumentati kif xieraq;
  • iħeġġeġ lill-parteċipanti biex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej.

Proċess ta’ apprendiment

It-twettiq ta’ Skambju taż-Żgħażagħ fil-kuntest tal-apprendiment mhux formali jeħtieġ li mill-inqas parti mill-eżiti tal-apprendiment mixtieqa tiġi ppjanata minn qabel, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet xierqa. Iż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attività għandhom jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom u għall-apprendiment li jixtiequ jiksbu jew jiżviluppaw permezz tal-Iskambju taż-Żgħażagħ.

Il-parteċipanti għandhom ikunu involuti wkoll kemm jista’ jkun fit-tfassil u l-iżvilupp tal-attività (it-twaqqif tal-programm, il-metodi ta’ ħidma u d-definizzjoni tat-tqassim tal-kompiti) u jaħsbu dwar kif għandhom jippreparaw biex jimmassimizzaw l-apprendiment u l-iżvilupp personali li jiksbu matul l-Iskambju.

Wara li tintemm l-attività ewlenija, il-parteċipanti għandhom jiġu mistiedna jipprovdu feedback dwar l-attività, jirriflettu fuq dak li jkunu tgħallmu u kif jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-eżiti tal-apprendiment. Barra minn hekk, il-parteċipanti għandhom iqisu segwitu possibbli tal-attività. Dan jista’ jsir individwalment u meta jkun possibbli bħala grupp.

L-organizzazzjonijiet għandhom jappoġġaw il-proċess ta’ apprendiment, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass.

Inklużjoni u diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma partikolarment adattati għall-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet:

  • Il-mobbiltà fi gruppi toffri esperjenza ta’ mobbiltà internazzjonali fis-sikurezza ta’ grupp;
  • Id-durata qasira tal-Iskambji taż-Żgħażagħ tagħmel l-involviment taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet wieħed xieraq;
  • L-involviment tal-parteċipanti lokali jiffaċilita l-ewwel parteċipazzjoni fi proġetti Ewropej.

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma xierqa wkoll biex jaħdmu fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, pereżempju biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-istereotipi, irawmu l-fehim, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni. Il-proġett kollu jieħu approċċ maħsub lejn l-inklużjoni u d-diversità. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu.

Protezzjoni u Sikurezza tal-parteċipanti

Skambju taż-Żgħażagħ jinvolvi l-mexxejja tal-gruppi. Il-mexxejja tal-gruppi jimmonitorjaw u jipprovdu appoġġ lill-parteċipanti biex jiżguraw il-proċess ta’ apprendiment kwalitattiv matul l-attività ewlenija. Fl-istess ħin, dawn jipprovdu ambjent sikur, rispettuż u mhux diskriminatorju, kif ukoll il-protezzjoni tal-parteċipanti. Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ Skambju taż-Żgħażagħ, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji.

Sostenibbiltà ambjentali

Skambju taż-Żgħażagħ għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, iqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Skambju taż-Żgħażagħ għandu jitfassal u jiġi implimentat b’sensibilizzazzjoni ambjentali billi pereżempju jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew ekoloġiċi, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ u mezzi sostenibbli tat-trasport.

Tranżizzjoni diġitali

Il-Programm Erasmus jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u biex itejbu l-kwalità tal-attivitajiet.

Standards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-żgħażagħ

L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati taħt din l-Azzjoni trid issegwi l-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll il-prattiki konkreti tal-implimentazzjoni għall-kompiti tal-proġett bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_en  

Kriterji li jintużaw biex jiġi vvalutat dan il-proġett

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Kriterji Ġenerali tal-Eliġibbiltà

Il-kriterji ġenerali ta’ hawn taħt japplikaw għal proġetti standard tal-Iskambji taż-Żgħażagħ. Għall-akkreditazzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima rilevanti ta’ din il-gwida.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
  • grupp informali ta’ żgħażagħ4 .

stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-parti A ta’ din il-Gwida). 

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni jew grupp parteċipanti eliġibbli stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jista’ jkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett5 .

Għadd ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 24 xahar.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

23 ta’ frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ ġunju u l-31 ta’ diċembru tal-istess sena

4 ta’ ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ jannar u l-31 ta’ mejju tas-sena ta’ wara

Rawnd addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu rawnd addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinfurmaw lill-applikanti dwar il-ftuħ tar-rawnd addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.

  • Jekk jiġi organizzat rawnd addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sal-4 ta’ Mejju  f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell),  għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Annessi

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa dikjarazzjoni fuq l-unur tar-rappreżentant legali.

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-attivitajiet ippjanata fil-proġett tal-Iskambji taż-Żgħażagħ u taż-Żjarat Preparatorji.

Kriterji tal-eliġibbiltà addizzjonali għall-iskambji taż-żgħażagħ

Durata tal-attività

Minn 5 ijiem sa 21 jum, bl-esklużjoni tal-jiem tal-ivvjaġġar.

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda (jew diversi, f’każ ta’ attivitajiet itineranti) mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività. 

Għadd ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

Attivitajiet fi ħdan l-istati membri tal-ue u pajjiżi terzi assoċjati mal-programm: l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jkunu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Attivitajiet ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm ġirien tal-ue: L-attività trid tinvolvi mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm u organizzazzjoni parteċipanti waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġartal-UE (ir-Reġjuni 1-4).

Parteċipanti eliġibbli

Żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena6  residenti fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu tagħhom.

Mexxejja ta’ gruppi7  u faċilitaturi involuti jrid ikollhom mill-inqas 18-il sena.

Għadd ta’ parteċipanti għal kull attività u kompożizzjoni tal-gruppi nazzjonali

Minimu ta’ 16 u massimu ta’ 60 parteċipant għal kull attività (il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi mhumiex inklużi). Fil-każijiet ta’ Skambji taż-Żgħażagħ li jinvolvu biss żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, l-għadd minimu ta’ parteċipanti huwa ta’ 10.

Minimu ta’ erba’ parteċipanti għal kull grupp (il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi mhumiex inklużi).

Minimu ta’ żewġ gruppi ta’ żgħażagħ minn żewġ pajjiżi differenti.

Kull grupp irid ikollu mill-inqas mexxej ta’ grupp wieħed. Massimu ta’ żewġ faċilitaturi għal kull attività

Kriterji oħra

  • Mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet li tibgħat jew waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ fl-attività trid tkun mill-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali li lilha tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Kriterji tal-eliġibbiltà addizzjonali għaż-żjarat preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’. 

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, faċilitaturi, mexxejja tal-gruppi u żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attività ewlenija.

Kriterji għall-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin. Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt. Barra minn hekk, irid ikollhom punteġġ ta’ mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn taħt.

Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proġett għall-:
    • objettivi tal-Azzjoni;
    • ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti tal-iskambju;
  • Kemm il-proġett huwa adatt biex jipproduċi eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-parteċipanti;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jieħdu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.
  • Il-punt sa fejn il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għall-inklużjoni u d-diversità, id-dimensjonijiet ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
  • Il-punt sa fejn il-proġett jintroduċi organizzazzjonijiet ġodda u dawk b’inqas esperjenza għall-Azzjoni.

Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

  • Il-konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti;
  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha tal-proġett: l-ippjanar, it-tħejjija (inkluża t-tħejjija pprovduta lill-parteċipanti), l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u s-segwitu;
  • Kemm iż-żgħażagħ huma involuti fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet;
  • Kemm l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti bi sfondi u kapaċitajiet diversi. 
  • L-adegwatezza tal-metodi ta’ apprendiment parteċipattiv proposti, inkluż ta’ kwalunkwe komponent online/diġitali;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti u l-appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu konsistenti tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass;
  • Ir-rappreżentanza bilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ġeneru;
  • L-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti;
  • Kemm l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ;
  • Il-kwalità tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;
  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett;
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lil hinn minnhom.

Regoli ta’ finanzjament

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbuta direttament mal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti, bl-esklużjoni tal-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi.

Ammont

EUR 100 għal kull parteċipant fi Skambju taż-Żgħażagħ

Kategorija tal-baġit – Ivvjaġġar

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-grupp, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u l-għadd ta’ persuni..

L-applikant irid jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività  billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea .

Għall-attivitajiet itineranti, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwali u jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total .

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar standard

Vjaġġar ekoloġiku

10 – 99 km

EUR 23

 

100 – 499 km

EUR 180

EUR 210

500 – 1,999 km

EUR 275

EUR 320

2,000 – 2,999 km

EUR 360

EUR 410

3,000 – 3,999 km

EUR 530

EUR 610

4,000 – 7,999 km

EUR 820

 

8,000 km jew aktar

EUR 1500

 

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mas-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata taż-żjara għal kull parteċipant, inklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi (jekk meħtieġ), inkluż ukoll jum wieħed tal-ivvjaġġar qabel l-attività u jum wieħed tal-ivvjaġġar wara l-attività, u sa erbat ijiem addizzjonali għall-parteċipanti li jirċievu għotja ta’ vjaġġar ekoloġiku.

Ammont

Tabella  A2.1 għal kull parteċipant għal kull jum

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, esklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi.

Ammont

EUR 100 għal kull parteċipant fi Skambju taż-Żgħażagħ

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi tagħhom, inkluż il-mexxejja tal-gruppi u l-faċilitaturi (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: esklużi parteċipanti mill-organizzazzjoni li tilqa’.  Jistgħu jiġu ffinanzjati massimu ta’ żewġ parteċipanti għal kull organizzazzjoni parteċipanti, dment li t-tieni parteċipant ikun żagħżugħ. Barra minn hekk, jista’ jiġi ffinanzjat ukoll faċilitatur wieħed għal kull żjara preparatorja. Kundizzjonali: il-ħtieġa ta’ Żjara Preparatorja, l-objettivi u l-parteċipanti jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal proġetti ffinanzjati taħt is-sistema ta’ akkreditazzjoni.

Ammont

EUR 575 għal kull parteċipant għal kull żjara preparatorja.

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.

Kostijiet tal-ivvjaġġar għali tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi; inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.

Ammont

Garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għali: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi : 100 % tal-kostijiet eliġibbli

Tabella A2.1 Appoġġ individwali għall-iskambji taż-żgħażagħ 

 

Appoġġ Individwali (euro għal kull jum)

L-Awstrija

EUR 45

Il-Belġju

EUR 42

Il-Bulgarija

EUR 32

Il-Kroazja

EUR 35

Ċipru

EUR 32

Ir-Repubblika Ċeka

EUR 32

Id-Danimarka

EUR 45

L-Estonja

EUR 33

Il-Finlandja

EUR 45

il-Maċedonja ta’ Fuq

EUR 28

Franza

EUR 38

Il-Ġermanja

EUR 41

Il-Greċja

EUR 38

L-Ungerija

EUR 33

L-Iżlanda

EUR 45

L-Irlanda

EUR 49

L-Italja

EUR 39

Il-Latvja

EUR 34

Il-Liechtenstein

EUR 45

Il-Litwanja

EUR 34

Il-Lussemburgu

EUR 45

Malta

EUR 39

In-Netherlands

EUR 45

In-Norveġja

EUR 50

Il-Polonja

EUR 34

Il-Portugall

EUR 37

Ir-Rumanija

EUR 32

Is-Serbja

EUR 29

Is-Slovakkja

EUR 35

Is-Slovenja

EUR 34

Spanja

EUR 34

L-Iżvezja

EUR 45

It-Turkija

EUR 32

Pajjiżi terzi ġirien mhux assoċjati mal-Programm

EUR 29

  • 1 Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, madwar 25% tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ġirien tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).
  • 2 L-istrateġiji jistgħu jinsabu hawn: https://www.salto-youth.net/
  • 3 L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ ġew żviluppati fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dawn l-objettivi jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi. Https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy_en
  • 4 Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. Għall-finijiet ta’ din l-azzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni relatata magħha, “grupp informali ta’ żgħażagħ” għandu jkun konformi mal-kunċett ta’ “organizzazzjoni parteċipanti”. Fejn issir referenza għal “organizzazzjoni parteċipanti”, din għandha titqies li tkopri wkoll “grupp informali ta’ żgħażagħ”.
  • 5 L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkollhom jiffirmaw mandat lill-organizzazzjoni applikanti. Il-mandati għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
  • 6

    Jekk jogħġbok qis dawn li ġejjin: 

    limiti inferjuri tal-età - il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima fid-data tal-bidu tal-attività.

    limiti massimi tal-età - il-parteċipanti ma jridux ikunu ikbar mill-età massima indikata fid-data tal-bidu tal-attività.

  • 7 mexxej ta’ grupp huwa adult li jingħaqad maż-żgħażagħ li jipparteċipaw fi skambju taż-żgħażagħ sabiex jiżgura l-apprendiment, il-protezzjoni u s-sikurezza effettivi tagħhom.
Tagged in: