Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ

X’INHI L-AKKREDITAZZJONI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-ERASMUS[1]?

L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma għodda għall-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiftħu għal skambju u kooperazzjoni transfruntiera, irawmu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u jappoġġaw il-bini tal-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment. L-akkreditazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Erasmus tiffaċilita l-mobbiltà għall-apprendiment taż-żgħażagħ billi tipprovdi lill-organizzazzjonijiet akkreditati b’format alternattiv simplifikat u flessibbli għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet.

Fil-qasam taż-żgħażagħ, l-akkreditazzjoni tal-Erasmus għandha l-għan li:

  • Issaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment mhux formali u informali;
  • Trawwem l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni attivi tagħhom fil-ħajja demokratika;
  • Trawwem l-iżvilupp ta’ kwalità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali billi tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u tappoġġa l-iżvilupp edukattiv u professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;
  • Tippromwovi l-inklużjoni u d-diversità, id-djalogu interkulturali, il-kooperazzjoni Ewropea u l-valuri tas-solidarjetà, l-opportunitajiet indaqs u d-drittijiet tal-bniedem fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Ewropa.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jkunu meħtieġa jistabbilixxu l-għanijiet u l-pjan tagħhom fuq perjodu itwal ta’ żmien f’termini ta’ attivitajiet li għandhom jiġu appoġġati mill-fondi tal-Erasmus+, il-benefiċċji mistennija kif ukoll l-approċċ tagħhom għall-ġestjoni tal-proġetti. L-għoti tal-akkreditazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Erasmus jikkonferma li l-applikant għandu proċessi u miżuri xierqa u effettivi fis-seħħ biex jimplimenta attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja kif ippjanat u jużahom għall-benefiċċju tal-qasam taż-żgħażagħ.

KIF TAĦDEM?

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiksbu l-akkreditazzjoni se jkunu meħtieġa jistabbilixxu l-għanijiet u l-pjan tagħhom fuq perjodu itwal ta’ żmien f’termini ta’ attivitajiet li għandhom jiġu appoġġati bil-fondi tal-Erasmus+, il-benefiċċji mistennija kif ukoll l-approċċ tagħhom għall-ġestjoni tal-proġetti.

L-organizzazzjonijiet jistgħu japplikaw għal akkreditazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fuq bażi kontinwa, applikanti ta’ suċċess għall-akkreditazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Erasmus se jiksbu aċċess simplifikat għal opportunitajiet ewlenin tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam taż-żgħażagħ kif ippreżentat fit-taqsimiet rilevanti ta’ din il-Gwida. Informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-għażla u tal-għoti tista’ tinstab fis-sejħa speċifika għall-proposti ppubblikata hawn: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/calls/2020-erasmus-accreditation-youth_en

L-akkreditazzjoni tal-Erasmus tingħata għall-perjodu mill-2021 sal-2027, soġġetta għal monitoraġġ regolari u konformità kontinwa mar-rekwiżiti u l-istruzzjonijiet tal-akkreditazzjoni maħruġa mill-Aġenzija Nazzjonali ta’ superviżjoni.

KIF TAĊĊESSA L-OPPORTUNITAJIET TA’ MOBBILTÀ B’AKKREDITAZZJONI TAL-ERASMUS?

L-organizzazzjonijiet akkreditati għandhom il-possibbiltà li japplikaw għall-finanzjament (talba għal għotja) għall-attivitajiet ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ b’mod simplifikat. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-pjan ta’ akkreditazzjoni approvat qabel, u b’hekk lista u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet pjanati mhumiex meħtieġa. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffukaw fuq l-istima tal-għadd ta’ attivitajiet li għandhom jiġu implimentati u n-numru ta’ parteċipanti involuti.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà li għandhom jiġu implimentati taħt din l-Azzjoni jridu jsegwu r-regoli u l-prinċipji stabbiliti għal kull tip ta’ attività fit-taqsimiet rispettivi ta’ din il-Gwida.

L-organizzazzjonijiet akkreditati jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ u li jipprovdu attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-organizzazzjonijiet akkreditati taż-Żgħażagħ mhumiex eliġibbli għall-finanzjament taħt l-Iskambji taż-Żgħażagħ standard u l-proġetti ta’ Mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Madankollu, dawn jistgħu jieħdu r-rwol ta’ sħab f’dawk il-proġetti. B’mod eċċezzjonali għall-2021, l-organizzazzjonijiet li ngħataw l-akkreditazzjoni wara l-iskadenza għat-talba għall-għotja huma eliġibbli għal finanzjament taħt it-tieni skadenza għal Skambji standard taż-Żgħażagħ u proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Il-kriterji ġenerali ta’ hawn taħt japplikaw għat-talbiet għal għotjiet.

Applikanti eliġibbli

Organizzazzjoni li jkollha akkreditazzjoni valida taż-Żgħażagħ tal-Erasmus fid-data ta’ skadenza tal-applikazzjoni

Attivitajiet eliġibbli

  • Skambji taż-Żgħażagħ
  • Attivitajiet ta’ żvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Barra minn hekk, jistgħu jiġu implimentati l-attivitajiet li ġejjin:

  • Żjarat preparatorji

Id-deskrizzjoni u l-kriterji tal-eliġibbiltà għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet huma ddefiniti fit-taqsimiet rilevanti ta’ din il-Gwida.

Durata tal-proġett

Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Wara 12-il xahar, il-benefiċjarji kollha se jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

  • 11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew fl-1 ta’ Awwissu tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Organizzazzjoni akkreditata tista’ tapplika darba biss għal kull sejħa.

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa dikjarazzjoni fuq l-unur tar-rappreżentant legali.

ALLOKAZZJONI TAL-BAĠIT

L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
  • l-attivitajiet mitluba
  • l-għotja minima u massima
  • il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: il-prestazzjoni finanzjarja, il-prestazzjoni kwalitattiva, il-prijoritajiet tal-politika u l-oqsma tematiċi indirizzati mill-attivitajiet li għalihom saret applikazzjoni, u l-bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija nazzjonali)

Regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.

  1. Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Pajjiżi tal-Programm. Madankollu, madwar 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE (reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Tagged in: