Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

X’inhu proġett ta’ mobbiltà?

L-organizzazzjonijet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ se jirċievu appoġġ mill-Programm Erasmus+ biex iwettqu proġetti li jippromwovu tipi differenti ta’ mobbiltà. Proġett ta’ mobbiltà se jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

  • L-ippjanar (inkluż id-definizzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet)
  • It-tħejjija (inkluż l-arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, l-istabbiliment ta’ ftehimiet ma’ sħab u parteċipanti, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti speċifiċi tal-parteċipanti qabel it-tluq);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà;
  • Is-segwitu (inklużi l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, il-validazzjoni u r-rikonoxximent formali - fejn applikabbli - tar-riżultati tal-apprendiment tal-parteċipanti matul l-attività, kif ukoll it-tixrid u l-użu tar-riżultati tal-proġett).

Il-Programm Erasmus+ isaħħaħ l-appoġġ offrut lill-parteċipanti tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fit-titjib tal-kompetenzi tagħhom tal-lingwa barranija qabel u matul il-permanenza tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż l-għoti ta’ appoġġ lingwistiku addizzjonali għall-parteċipanti f’mobbiltà fit-tul fl-oqsma tal-VET u l-edukazzjoni fl-iskejjel. Is-servizz ta’ Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+ jipprovdi lill-parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà l-opportunità li jivvalutaw l-għarfien tagħhom ta’ żewġ lingwi kif ukoll li jsegwu korsijiet lingwistiċi online biex itejbu l-kompetenzi tagħhom. Minbarra l-korsijiet lingwistiċi online, l-OLS se jipprovdi bosta karatteristiċi oħra bħal għodod ta’ apprendiment assistit u mħallat sabiex l-għalliema u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-istudenti tagħhom u karatteristika ta’ networking soċjali biex ikun possibbli l-apprendiment kollaborattiv.

Barra minn hekk, Erasmus+ joffri spazju għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu organizzazzjonijiet sħab bi sfondi differenti u attivi f’oqsma jew f’setturi soċjoekonomiċi differenti (pereżempju, apprendistati ta’ studenti universitarji jew studenti tal-VET f’intrapriżi, NGOs, korpi pubbliċi; għalliema fl-iskejjel wara korsijiet ta’ żvilupp professjonali f’kumpaniji jew f’ċentri ta’ taħriġ; esperti fil-qasam tan-negozju li jagħtu lekċers jew taħriġ f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, eċċ.).

It-tielet element importanti ta’ innovazzjoni u kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà huwa li l-organizzazzjonijiet parteċipanti f’Erasmus+ ikollhom il-possibilità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fi ħdan qafas strateġiku usa’ u fuq perjodu ta’ żmien medju. Permezz ta’ applikazzjoni waħda għal għotja, il-koordinatur ta’ proġett ta’ mobbiltà se jkun jista’ jorganizza bosta attivitajiet ta’ mobbiltà, li bihom bosta individwi jkunu jistgħu jivvjaġġjaw lejn pajjiżi differenti. Bħala konsegwenza ta’ dan, b’Erasmus+ l-organizzazzjonijiet applikanti se jkunu jistgħu jfasslu l-proġett tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-parteċipanti, iżda anki skont il-pjanijiet interni tagħhom għall-internazzjonalizzazzjoni, il-bini ta’ kapaċità u l-modernizzazzjoni.

L-iskemi ta’ akkreditazzjoni għandhom rwol importanti fl-iżgurar ta’ impatt għoli tal-Azzjoni Ewlenija 1. Il-Karta ta’ Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, l-akkreditazzjoni ta’ Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja u l-akkreditazzjonijiet ta’ Erasmus fl-oqsma tal-VET, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni tal-adulti, u ż-żgħażagħ jippermettu lill-organizzazzjonijiet jibbenefikaw mill-Azzjoni Ewlenija 1 fuq bażi kontinwa, u b’hekk dawn jitħallew jiffukaw fuq għanijiet fuq perjodu itwal ta’ żmien u fuq l-impatt istituzzjonali.

Skont il-profil tal-parteċipanti involuti, it-tipi ta’ proġetti ta’ mobbiltà li ġejjin jiġu appoġġati mill-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm Erasmus+:

Fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ:

  • Proġett ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja;
  • Proġett ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-VET;
  • Proġett ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal fl-iskejjel;
  • Proġett ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti.

Fil-qasam taż-Żgħażagħ:

  • Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ - Skambji taż-żgħażagħ
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
  • Attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu l-informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal kull tip ta’ proġett ta’ mobbiltà.