Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Karatteristiċi importanti tal-Programm Erasmus+

Il-karatteristiċi li ġejjin tal-Programm jistħoqqilhom attenzjoni speċjali:

Rispett tal-valuri tal-UE

L-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+, u għalhekk, il-benefiċjarji tal-programm u l-attivitajiet implimentati fl-ambitu tal-programm, għandhom jirrispettaw il-valuri tal-UE tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, f’konformità sħiħa mal-valuri u mad-drittijiet minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

F’konformità mal-ftehimiet ta’ għotja, l-għotja tal-benefiċjarju tista’ tintemm jew titnaqqas jekk tali dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati.

Protezzjoni, saħħa u sikurezza tal-parteċipanti

Il-protezzjoni, is-saħħa u s-sikurezza tal-parteċipanti involuti fil-proġetti tal-Erasmus+ huma prinċipji importanti tal-Programm. Il-parteċipanti kollha għandu jkollhom l-opportunità li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet għall-iżvilupp u l-apprendiment personali u professjonali offruti permezz tal-Erasmus+. Dan għandu jiġi żgurat f’ambjent sikur li jirrispetta u jħares id-drittijiet tal-persuni kollha, l-integrità fiżika u emozzjonali tagħhom, is-saħħa mentali u l-benessri tagħhom.

Kull organizzazzjoni li tipparteċipa fil-Programm irid ikollha fis-seħħ proċeduri u arranġamenti effettivi li jippromwovu u jiggarantixxu s-sikurezza, il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni tal-parteċipanti fl-attivitajiet tagħhom. Meta jkun meħtieġ, l-adulti għandhom jakkumpanjaw parteċipanti taħt l-età (studenti, studenti tal-VET, żgħażagħ) f’attivitajiet ta’ mobbiltà. L-adulti akkumpanjaturi għandhom jiżguraw kwalità suffiċjenti tal-komponent tal-apprendiment tal-mobbiltà kif ukoll il-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti taħt l-età.

Barra minn hekk, l-istudenti, it-trainees, l-apprendisti, l-istudenti adulti, iż-żgħażagħ u l-persunal kollha involuti f’attivitajiet ta’ mobbiltà li taqa’ taħt l-Azzjonijiet Ewlenin kollha tal-Programm Erasmus+ iridu jkunu assigurati kontra r-riskji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn l-attivitajiet. Il-Programm iħalli f’idejn l-organizzaturi tal-proġett biex ifittxu l-aktar polza tal-assigurazzjoni adattata skont it-tip ta’ proġett imwettaq u l-formati ta’ assigurazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ma hemmx bżonn li l-parteċipanti jissottoskrivu għal assigurazzjoni speċifika għal proġett, jekk diġà jkunu koperti minn poloz tal-assigurazzjoni eżistenti tal-organizzaturi tal-proġett.

Fi kwalunkwe każ, l-oqsma li ġejjin iridu jiġu koperti:

  • Fejn ikun rilevanti, assigurazzjoni tal-ivvjaġġar (inkluż dannu jew telf ta’ bagalji);
  • Responsabbiltà ta’ terzi (inkluż, fejn ikun xieraq, indennizz professjonali jew assigurazzjoni ta’ responsabbiltà);
  • Aċċident u mard serju (inkluża l-inkapaċità permanenti jew temporanja);
  • Mewt (inkluża ripatrijazzjoni fil-każ ta’ proġetti mwettqa barra mill-pajjiż).

Jekk ikun applikabbli, huwa rrakkomandat bis-sħiħ li l-parteċipanti f’attivitajiet tranżnazzjonali jkunu fil-pussess ta’ Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. Din hija kard bla ħlas li tagħti aċċess għal kura tas-saħħa meħtieġa medikament u pprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mis-27 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess kost (b’xejn f’xi pajjiżi) bħall-persuni assigurati f’dak il-pajjiż. Aktar informazzjoni dwar il-karta u kif tiksibha hija disponibbli fuq https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559&langId=mt.

Fl-aħħar, jekk il-proġetti jkunu jinvolvu żgħażagħ taħt it-18-il sena, l-organizzazzjonijiet parteċipanti huma meħtieġa jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ parteċipazzjoni mill-ġenituri tagħhom jew mingħand dawk li jaġixxu f’isimhom.

Multilingwiżmu

Il-multilingwiżmu huwa wieħed mill-pedamenti tal-proġett Ewropew u simbolu qawwi tal-aspirazzjoni tal-UE li tkun magħquda fid-diversità tagħha. Il-lingwi barranin għandhom rwol prominenti fost il-ħiliet li se jgħinu biex il-persuni jkunu mgħammra aħjar għas-suq tax-xogħol u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet disponibbli. L-UE stabbiliet l-għan li kull ċittadin għandu jkollu l-opportunità li jitgħallem mill-inqas żewġ lingwi barranin minn età bikrija.

Il-promozzjoni tal-apprendiment tal-lingwi u d-diversità lingwistika hija waħda mill-objettivi speċifiċi tal-Programm. In-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni fil-programmi Ewropej tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. L-opportunitajiet fis-seħħ biex joffru appoġġ lingwistiku għandhom l-għan li jagħmlu l-mobbiltà aktar effiċjenti u effettiva, itejbu l-prestazzjoni tal-apprendiment u għalhekk jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku tal-Programm.

Il-programm se joffri appoġġ għall-apprendiment tal-lingwi lill-parteċipanti fl-attività tal-mobbiltà. Dan l-appoġġ se jiġi offrut prinċipalment permezz tal-pjattaforma ta’ Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+, adattata kif meħtieġ għal setturi individwali, peress li l-e-Apprendiment joffri vantaġġi għall-apprendiment tal-lingwi f’termini ta’ aċċess u flessibbiltà. L-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+ se jippermetti lill-parteċipanti jivvalutaw, jipprattikaw u jtejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwi. Minbarra l-OLS, jistgħu jiġu offruti forom oħrajn għall-appoġġ lingwistiku biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-lingwi ta’ gruppi partikolari fil-mira – bħall-użu tal-lingwa tas-sinjali jew il-braille, li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-kategorija ddedikata ta’ appoġġ finanzjarju għall-inklużjoni.

Fil-qafas tal-proġetti ta’ kooperazzjoni, se jiġu mħeġġa wkoll it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. L-innovazzjoni u l-prattiki tajba bil-għan li jiġu promossi l-ħiliet lingwistiċi jistgħu jinkludu pereżempju metodi ta’ tagħlim u ta’ valutazzjoni, l-iżvilupp ta’ materjal pedagoġiku, ir-riċerka, l-apprendiment tal-lingwi assistit mill-kompjuter u l-impriżi intraprenditorjali permezz tal-użu ta’ lingwi barranin.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-premjijiet tat-Tikketta Lingwistika Ewropea (ELL) biex tirrikonoxxi l-kwalità, tappoġġa l-kondiviżjoni tar-riżultati ta’ proġetti eċċellenti fil-qasam tal-multilingwiżmu, u tippromwovi l-interess pubbliku fl-apprendiment tal-lingwi. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu l-ELL kull sena jew kull sentejn lill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ li jkunu lestew proġett tal-Erasmus+ mogħti minn Aġenzija Nazzjonali b’riżultati eċċellenti fil-qasam tal-apprendiment u tat-tagħlim tal-lingwi. Minbarra l-għażla fost il-proġetti tal-Erasmus+, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tagħti l-ELL lil inizjattivi oħrajn b’approċċi komprensivi, inklużivi jew innovattivi għat-tagħlim u għall-apprendiment tal-lingwi.

Dimensjoni internazzjonali

L-Erasmus+ jinkludi dimensjoni internazzjonali b’saħħitha (jiġifieri kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm) f’attivitajiet ta’ mobbiltà, kooperazzjoni u djalogu ta’ politika. Dan jappoġġa l-organizzazzjonijiet Ewropej sabiex jiffaċċjaw l-isfidi globali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, mit-tibdil fil-klima u mit-tranżizzjoni diġitali, b’mod partikolari billi jintensifika l-mobbiltà u l-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, u jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali. Isaħħaħ ir-rabtiet tas-soċjetà permezz tal-mobbiltà, l-iskambji u l-bini tal-kapaċità, filwaqt li jrawwem ir-reżiljenza soċjali, l-iżvilupp tal-bniedem, l-impjegabbiltà, il-parteċipazzjoni attiva u l-iżgurar ta’ mezzi regolari għall-kooperazzjoni bejn il-persuni billi jippromwovi valuri, prinċipji u interessi madwar prijoritajiet komuni. L-attivitajiet joffru rispons għall-isfidi tal-kwalità, il-modernizzazzjoni u l-impjegabbiltà permezz ta’ rilevanza u rispons akbar tal-edukazzjoni għal irkupru soċjoekonomiku ekoloġiku u sostenibbli, tkabbir u prosperità f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp uman u istituzzjonali, it-tranżizzjoni diġitali, it-tkabbir u l-impjiegi, il-governanza tajba u l-paċi u s-sigurtà. L-involviment taż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm huwa element ewlieni fil-proċess tal-bini ta’ soċjetajiet li huma aktar reżiljenti u bbażati fuq fiduċja reċiproka u fehim interkulturali.

Rikonoxximent u validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki

L-Erasmus+ jappoġġa l-għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-UE għall-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki – b’mod partikolari l-Europass (inklużi l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment), il-Youthpass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAVET), ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAR), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Garanzija ta’ Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA) – kif ukoll networks fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jappoġġaw dawn l-għodod, b’mod partikolari ċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC), in-networks Euroguidance, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u l-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK. L-iskop komuni ta’ dawn l-għodod huwa li jiżguraw li l-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar faċilment u jiġu mifhuma aħjar, fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u bejniethom, fis-subsistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ġew akkwistati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali jew permezz ta’ esperjenzi oħrajn ta’ apprendiment (eż. esperjenza ta’ xogħol; volontarjat, apprendiment online).

Sabiex jilħqu dawn l-objettivi, l-għodod disponibbli għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw fenomeni ġodda, bħall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-użu dejjem akbar tal-apprendiment diġitali u tal-kredenzjalizzar diġitali, u jappoġġaw il-ħolqien ta’ perkorsi ta’ apprendiment flessibbli f’konformità mal-ħtiġijiet u l-objettivi tal-istudenti. L-għodod għandhom isaħħu wkoll il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki bejn il-fruntieri, u jippermettu lill-istudenti u lill-ħaddiema jmorru liberament f’pajjiżi oħrajn għat-tagħlim jew għax-xogħol.

Numru ta’ dokumenti ta’ politika li ilhom stabbiliti jiggwidaw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn l-għodod, inklużi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għall-apprendiment tul il-ħajja, id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali. Minbarra dawn id-dokumenti ta’ politika orizzontali, l-istrateġiji tematiċi1  bħall-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS) fil-qasam taż-żgħażagħ għandhom l-għan li joffru aktar appoġġ għall-iżviluppi f’dawn l-oqsma.

Komunikazzjoni tal-proġetti u r-riżultati tagħhom sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt

Il-komunikazzjoni tal-proġetti u r-riżultati tagħhom hija kruċjali sabiex jiġi żgurat l-impatt fil-livelli differenti. Skont l-azzjoni, l-applikanti għall-finanzjament fl-ambitu tal-Erasmus+ huma meħtieġa jippjanaw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom immirati sabiex jikkondividu l-informazzjoni dwar il-proġett u r-riżultati tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u warajh. L-applikazzjonijiet għall-proġetti se jiġu evalwati abbażi ta’ kriterji rilevanti biex jiġi żgurat li dawn l-aspetti jiġu koperti. Il-livell u l-intensità tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid għandhom ikunu proporzjonali għall-objettivi, għall-kamp ta’ applikazzjoni u għall-miri tal-azzjonijiet differenti tal-Erasmus+.Il-benefiċjarji tal-finanzjament minn Erasmus+ ikollhom isegwu l-linji gwida dwar il-komunikazzjoni korporattiva għall-benefiċjarji tal-proġetti mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea, u jimmonitorjaw u jevalwaw is-suċċess tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom, kemm b’mod kwalitattiv kif ukoll b’mod kwantitattiv.

Kif indikat fil-linji gwida dwar il-komunikazzjoni korporattiva, il-benefiċjarji jeħtiġilhom jirrikonoxxu b’mod ċar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet u fil-prodotti kollha ta’ komunikazzjoni u tixrid, bħal avvenimenti, siti web, materjal viżiv u pubblikazzjonijiet. B’mod partikolari, jeħtiġilhom jiżguraw li l-emblema tal-Unjoni Ewropea tkun inkluża fil-materjal kollu tal-komunikazzjoni u tirrispetta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja jew fid-deċiżjoni ta’ għotja2 . L-għotja tal-benefiċjarju tista’ titnaqqas jekk tali dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati.

Il-benefiċjarji għandhom ifasslu strateġija ta’ komunikazzjoni u pjan ta’ komunikazzjoni billi jqisu l-fatturi li ġejjin:

  • L-objettivi tal-komunikazzjoni: l-applikanti għandhom jidentifikaw dak li jixtiequ jiksbu bl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni speċifiċi, jiġifieri li jqajmu sensibilizzazzjoni, jippromwovu l-valuri tas-soċjetà, jiżviluppaw sħubijiet ġodda għall-futur jew jinfluwenzaw il-politiki u l-prattiki; 
  • L-udjenza jew il-grupp fil-mira: l-applikanti jeħtieġ jiddefinixxu l-persuni li jixtiequ jilħqu u li jistgħu jagħmlu użu mir-riżultati tal-proġett.  L-udjenza jew il-grupp fil-mira għandhom jiġu ddefiniti b’mod speċifiku kemm jista’ jkun. Jistgħu jkunu l-pubbliku ġenerali, partijiet ikkonċernati speċifiċi, esperti u partijiet ikkonċernati oħrajn, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-media eċċ.;
  • Il-mezzi u l-attivitajiet biex tintlaħaq l-udjenza fil-mira:l-applikanti jeħtieġ jagħżlu l-mezzi u l-attivitajiet li huma l-aktar effettivi u xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-miri magħżula tagħhom, bħall-media soċjali, l-avvenimenti, il-pubblikazzjonijiet.
  • Ir-riżultati tal-proġett (outputs u eżiti) bħal gwida ta’ prattika tajba, għodda prattika jew prodott, rapport ta’ riċerka dwar studju, liema għarfien u ħiliet nkisbu u l-bqija. Ir-riżultati għandhom jiġu kondiviżi jew promossi wkoll permezz tal-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġett Erasmus+ (https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects_en).
  • It-twaqqit: l-applikanti jeħtieġ jippjanaw b’mod effettiv meta se jseħħu l-attivitajiet differenti (billi jorbtuhom mal-pjan ta’ ħidma/stadji importanti), jaqblu dwar mira realistika u jiżguraw il-flessibbiltà skont il-progress tal-proġett, il-bidla fil-ħtiġijiet tal-udjenza jew tal-grupp fil-mira kif ukoll l-iżvilupp fil-politika u l-proċedura.
  • Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs): l-indikaturi tal-prestazzjoni huma għodda ta’ ġestjoni siewja sabiex jiġi mmonitorjat il-progress (u jiġu permessi aġġustamenti jekk ikun meħtieġ) matul l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid kif ukoll sabiex jiġi evalwat il-grad ta’ suċċess fil-kisba tal-objettivi tagħhom. Il-KPIs għandhom ikunu konsistenti mal-Indikaturi tan-Network tal-Komunikazzjoni Korporattiva3 .

Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ tal-Erasmus+ għall-materjali edukattivi

L-Erasmus+ jippromwovi l-aċċess miftuħ għall-outputs tal-proġetti bħala appoġġ għall-apprendiment, għat-tagħlim, għat-taħriġ u għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. B’mod partikolari, il-benefiċjarji tal-Erasmus+ huma impenjati li jagħmlu kwalunkwe riżorsa u għodda edukattiva li tiġi prodotta fil-kuntest tal-proġetti appoġġati mill-Programm – dokumenti, media, software jew materjali oħrajn - disponibbli b’xejn għall-pubbliku taħt liċenzja miftuħa. Il-materjali għandhom ikunu aċċessibbli u rekuperabbli mingħajr kost jew limitazzjonijiet, u l-liċenzja miftuħa trid tippermetti lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jikkondividi r-riżorsa. Tali materjali huma magħrufa bħala “Riżorsi Edukattivi Miftuħa” (OER). Biex jintlaħaq dan l-għan, ir-riżorsi għandhom jittellgħu f’forma diġitali li tista’ tiġi editjata u fuq pjattaforma xierqa u aċċessibbli b’mod miftuħ. Filwaqt li l-Erasmus+ iħeġġeġ lill-benefiċjarji biex japplikaw il-liċenzji l-aktar miftuħa4 , il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu liċenzji li jimponu xi ftit limitazzjonijiet, eż. jirrestrinġu l-użu kummerċjali minn oħrajn, jew jimpenjaw lil oħrajn japplikaw l-istess liċenzja fuq xogħlijiet derivattivi, dment li dan ikun xieraq għan-natura tal-proġett u għat-tip ta’ materjal inkwistjoni, u li xorta waħda jħalli lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jaqsam ir-riżorsa. Ir-rekwiżit ta’ aċċess miftuħ huwa obbligatorju u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-benefiċjarji tal-għotja.

Aċċess Miftuħ għar-riċerka u għad-data ta’ Erasmus+

L-Erasmus+ iħeġġeġ lill-benefiċjarji jippubblikaw l-outputs tar-riċerka permezz ta’ perkorsi ta’ aċċess miftuħ, jiġifieri b’modi li huma mingħajr kost jew restrizzjonijiet oħrajn ta’ aċċess. Il-benefiċjarji huma mħeġġa wkoll japplikaw liċenzji miftuħa għall-outputs tar-riċerka. Kull meta jkun possibbli, id-data miġbura mill-proġetti għandha tiġi ppubblikata bħala “data miftuħa”, jiġifieri b’liċenzja miftuħa, f’format xieraq u fuq pjattaforma xierqa ta’ data miftuħa.