Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Prijoritajiet tal-Programm Erasmus+

Inklużjoni u diversità

Il-Programm ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni, id-diversità u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti b’inqas opportunitajiet huma stess jinsabu fil-qalba ta’ dawn l-objettivi u b’kunsiderazzjoni ta’ dan il-programm ipoġġi mekkaniżmi u riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom. Waqt it-tfassil tal-proġetti u l-attivitajiet tagħhom, l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom approċċ inklużiv, li jagħmilhom aċċessibbli għal firxa diversa ta’ parteċipanti.

L-Aġenziji Nazzjonali huma vitali wkoll biex jappoġġaw il-proġetti, bil-għan li dawn ikunu kemm jista’ jkun inklużivi u diversi. Abbażi tal-prinċipji u l-mekkaniżmi ġenerali fil-livell Ewropew, l-Aġenziji Nazzjonali se jfasslu pjanijiet ta’ inklużjoni u diversità sabiex jindirizzaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u sabiex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ dawn il-gruppi fil-mira fil-kuntest nazzjonali tagħhom. Fl-istess ħin, iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programm huma wkoll atturi ewlenin fil-promozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni u diversità, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir tal-għarfien u t-tfassil u t-tmexxija ta’ attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet għall-persunal tal-Aġenzija Nazzjonali u għall-benefiċjarji tal-programm. Bl-istess mod, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) għandha rwol daqstant importanti għall-fergħat tal-programm li huma ġestiti permezz ta’ ġestjoni diretta. F’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, id-Delegazzjonijiet tal-UE u, fejn ikunu jeżistu, l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Erasmus+ (NEOs) u l-Punti Fokali tal-Erasmus+ huma kruċjali sabiex il-programm jinġieb eqreb tal-gruppi fil-mira rilevanti.

Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, ġew żviluppati l-Qafas dwar miżuri ta’ inklużjoni1  kif ukoll l-Istrateġija ta’ Inklużjoni u Diversità2  li jkopru l-oqsma kollha tal-programm sabiex jiġi appoġġat aċċess aktar faċli għall-finanzjament għal firxa usa’ ta’ organizzazzjonijiet, u sabiex jintlaħqu aħjar aktar parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Dawn jistabbilixxu wkoll l-ispazju u l-mekkaniżmi għal dawk il-proġetti li huma beħsiebhom jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni u mad-diversità. Din l-Istrateġija għandha l-għan li tgħin sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli li gruppi fil-mira differenti jistgħu jiffaċċjaw sabiex ikollhom aċċess għal dawn l-opportunitajiet fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Il-lista ta’ tali ostakli potenzjali, spjegata hawn taħt, ma hijiex eżawrjenti u hija maħsuba biex tipprovdi referenza fit-teħid ta’ azzjoni bil-għan li jiżdiedu l-aċċessibbiltà u s-sensibilizzazzjoni fost persuni b’inqas opportunitajiet. Dawn l-ostakli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni tagħhom, kemm bħala fattur indipendenti kif ukoll flimkien:

  • Diżabilitajiet: Fosthom insuffiċjenzi fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji li, flimkien ma’ diversi ostakli, jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ xi ħadd fis-soċjetà bl-istess mod bħall-oħrajn3 .
  • Problemi tas-saħħa: L-ostakli jistgħu jirriżultaw minn kwistjonijiet relatati mas-saħħa li jinkludu mard serju, mard kroniku jew kwalunkwe sitwazzjoni oħra relatata mas-saħħa fiżika jew mentali li ma tippermettix lil xi ħadd jipparteċipa fil-programm.
  • Ostakli marbuta mas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ: L-individwi li ma tantx imorru tajjeb fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għal diversi raġunijiet, il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, l-NEETs (il-persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) u l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet jistgħu jiffaċċjaw ostakli. Għalkemm fatturi oħrajn jista’ jkollhom rwol, dawn id-diffikultajiet edukattivi, filwaqt li possibbilment huma marbuta ma’ ċirkostanzi personali, jirriżultaw l-aktar minn sistemi edukattivi li joħolqu limitazzjonijiet strutturali u/jew ma jqisux bis-sħiħ il-ħtiġijiet partikolari tal-individwu. L-individwi jistgħu jiffaċċjaw ukoll ostakli għall-parteċipazzjoni meta l-istruttura tal-kurrikuli tagħmilha diffiċli li wieħed jagħmel esperjenza li tinvolvi mobbiltà għall-apprendiment jew għat-taħriġ barra minn pajjiżu bħala parti mill-istudji tiegħu.
  • Differenzi kulturali: Filwaqt li d-differenzi kulturali jistgħu jitqiesu bħala ostakli mill-persuni bi kwalunkwe sfond, dawn jistgħu jaffettwaw b’mod partikolari lill-persuni li għandhom inqas opportunitajiet. Dawn id-differenzi jistgħu jirrappreżentaw ostakli sinifikanti għall-apprendiment b’mod ġenerali, aktar u aktar għall-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni jew refuġjati - inkluż iżda mhux limitat għal migranti li jkunu għadhom kif waslu, persuni li jappartjenu għal minoranza nazzjonali jew etnika, dawk li jużaw lingwa tas-sinjali jew persuni b’adattament lingwistiku u diffikultajiet ta’ inklużjoni kulturali. Il-fatt li wieħed ikun espost għal lingwi barranin u differenzi kulturali meta jieħu sehem fi kwalunkwe tip ta’ attivitajiet tal-programm jista’ jtellef lil xi individwi u b’xi mod jillimita l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tagħhom. Dawn id-differenzi kulturali jistgħu saħansitra jwaqqfu lill-parteċipanti potenzjali milli japplikaw għal appoġġ permezz tal-programm, u b’hekk jirrappreżentaw ostaklu għad-dħul b’mod sħiħ.
  • Ostakli soċjali: Diffikultajiet ta’ aġġustament soċjali bħal kompetenzi soċjali limitati, imġiba antisoċjali jew ta’ riskju għoli, persuni li (fil-passat) wettqu reat, persuni li (fil-passat) kienu jabbużaw mid-droga jew mill-alkoħol, jew marġinalizzazzjoni soċjali jistgħu jirrappreżentaw ostaklu. Ostakli soċjali oħrajn jistgħu jirriżultaw minn ċirkostanzi tal-familja, pereżempju meta wieħed ikun l-ewwel fil-familja li jkollu aċċess għal edukazzjoni għolja jew li jkun ġenitur (speċjalment ġenitur waħdu), persuna li tindokra lil ħaddieħor, persuna li taqla’ l-għajxien tal-familja jew tkun orfni, jew tkun għexet jew bħalissa tkun qed tgħix f’istituzzjoni għall-kura.
  • Ostakli ekonomiċi: Żvantaġġ ekonomiku, pereżempju standard baxx tal-għajxien, introjtu baxx, studenti li jeħtieġ li jaħdmu biex isostnu lilhom infushom, id-dipendenza fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali, qgħad fit-tul, sitwazzjonijiet prekarji jew faqar, li wieħed ikun mingħajr dar, f’dejn jew bi problemi finanzjarji, jistgħu jirrappreżentaw ostaklu. Diffikultajiet oħrajn jistgħu jirriżultaw mit-trasferibbiltà limitata tas-servizzi (b’mod partikolari l-appoġġ lill-persuni b’inqas opportunitajiet) li jeħtieġ li jkunu “mobbli” flimkien mal-parteċipant meta jipparteċipa f’attivitajiet ’il bogħod mill-post ta’ residenza tiegħu jew, aktar u aktar, barra mill-pajjiż.
  • Ostakli marbuta mad-diskriminazzjoni: L-ostakli jistgħu jseħħu bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni relatata mal-ġeneru, l-età, l-etniċità, ir-reliġjon, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabilità, jew fatturi intersezzjonali (taħlita ta’ żewġ ostakli mit-tipi ta’ diskriminazzjoni msemmija).
  • Ostakli ġeografiċi: Li wieħed ikun jgħix, pereżempju, f’żoni remoti jew rurali, fuq gżejjer żgħar jew f’reġjuni periferiċi/ultraperiferiċi4 , f’subborgi urbani, f’żoni inqas moqdija (trasport pubbliku limitat, faċilitajiet fqar) jew f’żoni inqas żviluppati f’pajjiżi terzi, jistgħu jikkostitwixxu ostaklu.

Trasformazzjoni diġitali

Biex tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali b’mod iċċentrat fuq il-bniedem u tindirizza l-isfidi tas-soċjetà bħall-IA jew id-diżinformazzjoni b’mod aktar effettiv, l-Ewropa teħtieġ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li huma adattati għall-era diġitali.  F’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027)5 , u maż-żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill6  adottati f’Novembru 2023 dwar a) il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ suċċess, u b) it-titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-programm Erasmus + jista’ jaqdi rwol ewlieni fl-appoġġ liċ-ċittadini ta’ kull età biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali li jeħtieġu biex jgħixu, jitgħallmu, jaħdmu, jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, ikunu infurmati, jaċċessaw is-servizzi online, jikkomunikaw, jikkunsmaw b’mod kritiku, joħolqu u jxerrdu l-kontenut tal-edukazzjoni diġitali.

Il-programm se jappoġġa l-ewwel prijorità strateġika tal-Pjan ta’ Azzjoni, l-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja, billi jibni l-kapaċitajiet u l-fehim kritiku dwar kif jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment f’kull tip ta’ istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livelli kollha u għas-setturi kollha, u sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali għal istituzzjonijiet edukattivi.

Il-programm se jappoġġa wkoll it-tieni prijorità strateġika tal-Pjan ta’ Azzjoni, billi jappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet diġitali u l-iżvilupp tal-kompetenza fil-livelli kollha tas-soċjetà u għal kulħadd (inklużi ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, l-istudenti, il-persuni li qegħdin ifittxu impjieg u l-ħaddiema). L-enfasi se tkun fuq it-trawwim tal-ħiliet diġitali bażiċi u dawk avvanzati kif ukoll tal-litteriżmu diġitali, li sar essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum u biex jippermetti lill-persuni jinnavigaw dinja sħiħa ta’ algoritmi u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà ċivili u fid-demokrazija.

F’konformità ma’ dawn iż-żewġ prijoritajiet strateġiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni, iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali7  ġie stabbilit sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-UE u sabiex jikkontribwixxi għall-iskambju ta’ prattiki tajba, ħolqien konġunt u esperimentazzjoni. L-għan taċ-Ċentru huwa li jappoġġa lill-Istati Membri permezz ta’ kooperazzjoni transsettorjali aktar mill-qrib billi jindirizza l-edukazzjoni diġitali f’perspettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja. Iċ-Ċentru joħloq konnessjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, is-settur privat, l-esperti, ir-riċerkaturi, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-soċjetà ċivili permezz ta’ żvilupp aktar aġli tal-politika u tal-prattika fl-edukazzjoni diġitali.

Il-Programm għandu jilħaq ukoll grupp fil-mira akbar kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha permezz ta’ użu akbar tal-għodod tal-informazzjoni, tal-komunikazzjoni u tat-teknoloġija, l-użu kkombinat ta’ mobbiltà fiżika u l-apprendiment virtwali u l-kooperazzjoni virtwali.

Ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

L-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima huma prijoritajiet ewlenin għall-UE issa u fil-futur. Il- Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew8  hija l-istrateġija Ewropea l-ġdida għat-tkabbir u tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-iskejjel, tal-istituzzjonijiet tat-taħriġ u tal-universitajiet sabiex jinvolvu ruħhom mal-istudenti, mal-ġenituri u mal-komunità ġenerali dwar il-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni ta’ suċċess għan-newtralità klimatika sal-2050. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika9  tenfasizza l-ħtieġa li l-istudenti ta’ kull età jingħataw opportunitajiet biex isiru jafu aktar dwar il-kriżi klimatika u s-sostenibbiltà kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll fl-edukazzjoni mhux formali, u li l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika jsir prijorità fil-politiki u l-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sostenibbiltà għandha ssir parti mill-ispettru kollu tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi kurrikuli u żvilupp professjonali għall-edukaturi, kif ukoll għall-bini, għall-infrastruttura u għall-operazzjonijiet. Il-programm Erasmus+ se jkun strument ewlieni biex jinbnew l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet dwar it-tibdil fil-klima u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha. Il-Programm se jżid in-numru ta’ opportunitajiet ta’ mobbiltà f’oqsma ekoloġiċi li jħarsu ’l quddiem, li jrawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi, itejbu l-prospetti tal-karriera u jinvolvu lill-parteċipanti f’oqsma strateġiċi għat-tkabbir sostenibbli, b’attenzjoni speċjali għall-iżvilupp rurali (il-biedja sostenibbli, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, il-protezzjoni tal-ħamrija, il-bijoagrikoltura). Barra minn hekk, l-Erasmus+, bil-mobbiltà fil-qalba tiegħu, għandu jistinka biex tinkiseb in-newtralità karbonika billi jippromwovi modi ta’ trasport sostenibbli u mġiba aktar ambjentalment responsabbli.

L-ambjent u l-ġlieda kontra t-tisħin globali huma prijorità orizzontali għall-għażla tal-proġetti.  Se tingħata prijorità lil proġetti mmirati lejn l-iżvilupp ta’ kompetenzi f’diversi setturi ekoloġiċi, inklużi dawk fil-qafas tal-kontribut mill-edukazzjoni u l-kultura għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, l-iżvilupp ta’ strateġiji u metodoloġiji ta’ ħiliet settorjali ekoloġiċi, kurrikuli orjentati lejn il-futur, kif ukoll inizjattivi li jappoġġaw l-approċċi ppjanati tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali.

Il-Programm jappoġġa l-użu ta’ prattiki innovattivi sabiex l-istudenti, il-persunal u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ isiru atturi veri tal-bidla (eż. jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-użu tal-enerġija, l-iskart u l-impronta tal-karbonju, jagħmlu għażliet ta’ ikel u ta’ mobbiltà sostenibbli eċċ.). Se tingħata prijorità wkoll lil proġetti li – permezz ta’ attivitajiet relatati mal-edukazzjoni, mat-taħriġ, maż-żgħażagħ u mal-isport – jippermettu bidliet fl-imġiba għal preferenzi individwali, valuri kulturali, sensibilizzazzjoni u b’mod aktar ġenerali jappoġġaw involviment attiv għal żvilupp sostenibbli.

Għalhekk, l-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti involuti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fil-proġetti kollha meta jfasslu l-attivitajiet, li se jħeġġiġhom jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, jirriflettu dwar azzjonijiet lokali u joħorġu b’modi alternattivi aktar ekoloġiċi għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

Pjattaformi bħall-Pjattaforma Ewropea dwar l-Edukazzjoni Skolastika (inkluża l-eTwinning) u l-EPALE se jkomplu jipproduċu materjali ta’ appoġġ u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ prattiki u politiki edukattivi effettivi għas-sostenibbiltà ambjentali. L-Erasmus+ huwa wkoll strument b’saħħtu biex jilħaq u jinvolvi ruħu ma’ firxa wiesgħa ta’ atturi fis-soċjetà tagħna (skejjel, universitajiet, fornituri tal-VET, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-isport, NGOs, awtoritajiet lokali u reġjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.) li jistgħu jsiru aġenti attivi fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sal-2050.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, valuri komuni u involviment ċiviku

Il-Programm Erasmus+ jindirizza l-parteċipazzjoni limitata taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi u n-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea, u jipprova jgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet fl-involviment attiv u l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet tagħhom u fil-ħajja politika u soċjali tal-Unjoni. It-tisħiħ tal-fehim taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn età bikrija huwa kruċjali għall-futur tal-Unjoni. Minbarra l-edukazzjoni formali, l-apprendiment mhux formali jista’ jtejjeb il-fehim taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u jrawwem sens ta’ appartenenza.

Il-Programm jappoġġa ċ-ċittadinanza attiva u l-etika fl-apprendiment tul il-ħajja, kif ukoll irawwem l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Tingħata prijorità lil proġetti li joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tal-persuni fil-ħajja demokratika, kif ukoll l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali u mhux formali. L-enfasi ssir fuq li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-kuntest tal-Unjoni Ewropea u l-fehim tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u d-diversità, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku tagħhom.

Fil-qasam taż-żgħażagħ, tfasslet Strateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ10  biex tipprovdi qafas komuni u tappoġġa l-użu tal-Programm biex titrawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika. L-Istrateġija għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Programm u tikkomplementa dokumenti ewlenin tal-Politika tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, bħall-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ11 . Is-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ12  jakkumpanja l-Istrateġija u għandu l-għan li, f’termini prattiċi, isaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’kull waħda mill-azzjonijiet tal-Programm, billi jaqsam l-għarfien espert, ir-rakkomandazzjonijiet, l-għodod u l-gwida prattika. Is-sett ta’ għodod jinkludi fil-moduli tiegħu enfasi speċjali fuq kif il-prijoritajiet orizzontali l-ġodda għandhom jiġu koperti fil-proġetti.