Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Pass 3: Iċċekkja l-kundizzjonijiet finanzjarji

Forom ta’ għotja

L-għotja tista’ tieħu l-forma li ġejja:

  1. għotja tal-kostijiet reali mħallta:
    1. rimborż tal-kostijiet eliġibbli verament imġarrba: eż. il-kostijiet eċċezzjonali taħt azzjonijiet tal-mobbiltà tal-Azzjoni Ewlenija 1.
    2. rimborż fuq il-bażi tal-kostijiet unitarji, li jkopru l-kategoriji kollha jew ċerti kategoriji speċifiċi ta’ kostijiet eliġibbli li huma identifikati b’mod ċar bil-quddiem permezz ta’ referenza għal ammont għal kull unità: eż. l-appoġġ individwali taħt proġetti ta’ mobbiltà tal-Azzjoni Ewlenija 1;
  2. kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa1 : Dan ifisser li l-għotja tirrimborża ammont fiss, ibbażat fuq somma f’daqqa jew finanzjament mhux marbut mal-kostijiet. L-ammont tas-somma f’daqqa jiġi kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fid-deċiżjoni dwar is-somma f’daqqa u bl-użu tat-tabella/tal-kalkulatur tal-baġit dettaljat ipprovdut (jekk ikun hemm).Din tista’ tkun:
    1. Għotjiet ta’ Somma f’Daqqa bbażati fuq il-baġit: L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament stabbilita fis-Sejħa (Parti B ta’ din il-Gwida).  Il-baġit stmat irid jikkonforma mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ eliġibbiltà għall-għotjiet tal-kostijiet attwali tal-UE (għal azzjonijiet ġestiti mill-EACEA, ara l-AGA — Ftehim ta’ Għotja Annotata, l-Artikolu 6)
    2. Għotjiet ta’ Somma f’Daqqa prestabbiliti: L-ammont huwa prestabbilit mill-awtorità tal-għoti fis-Sejħa (il-Parti B ta’ din il-Gwida).
  3. taħlita ta’ dawn ta’ hawn fuq.

Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament applikat fil-qafas tal-Programm Erasmus+ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jipprovdi għotjiet ibbażati fuq ir-rimborż fuq il-bażi tal-kostijiet unitarji jew tas-somom f’daqqa. Dawn it-tipi ta’ għotjiet jgħinu lill-applikanti biex jikkalkulaw faċilment l-ammont tal-għotja mitlub u biex jiffaċilitaw ippjanar finanzjarju realistiku tal-proġett.

Sabiex issir taf liema tip ta’ għotja hija applikata għal kull element ta’ finanzjament skont kull Azzjoni tal-Erasmus+ koperta minn din il-Gwida, jekk jogħġbok irreferi għad-deskrizzjoni ta’ kull azzjoni fil-Parti B, it-taqsima “X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?”.

Prinċipji li japplikaw għall-għotjiet tal-UE

Nonretroattività

Ma tista’ tingħata l-ebda għotja mill-UE b’mod retroattiv għal proġetti li diġà tlestew.

Tista’ tingħata għotja tal-UE għal proġett li jkun diġà beda, biss meta l-applikant ikun jista’ juri, fil-proposta tal-proġett, il-ħtieġa li jibda l-proġett qabel ma jkun ġie ffirmat il-ftehim ta’ għotja. F’każijiet bħal dawn, il-kostijiet eliġibbli għall-finanzjament ma jridux ikunu ġġarrbu qabel id-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-għotja.

Jekk l-applikant jibda jimplimenta l-proġett qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja, dan isir b’riskju għall-applikant.

Sottomissjonijiet multipli

Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-applikanti jistgħu jissottomettu aktar minn proposta waħda għal proġetti differenti taħt l-istess sejħa (u jingħataw finanzjament għalihom). L-organizzazzjonijiet jistgħu jipparteċipaw f’diversi proposti. Madankollu, jekk ikun hemm diversi proposti għal proġetti simili ħafna, proposta waħda biss tiġi aċċettata u evalwata; l-applikanti jintalbu jirtiraw waħda minnhom (jew din tiġi rrifjutata).

Il-proposti jistgħu jinbidlu u jiġu sottomessi mill-ġdid sal-iskadenza għas-sottomissjoni.

Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali, fil-każ ta’ sottomissjonijiet multipli tal-istess applikazzjoni mill-istess applikant għal Aġenziji differenti, l-applikazzjonijiet kollha jiġu miċħuda. Jekk jiġu sottomessi applikazzjonijiet kważi identiċi jew simili mill-istess applikant jew applikanti differenti għall-istess Aġenziji jew Aġenziji differenti, dawn kollha jkunu soġġetti għal valutazzjoni speċifika u jistgħu jiġu miċħuda kollha.

Kontenut oriġinali u xogħol ta’ awturi

L-applikazzjonijiet kollha għal proġetti u akkreditazzjonijiet iridu jinkludu kontenut oriġinali miktub mill-applikant jew minn organizzazzjonijiet oħra li japplikaw b’mod konġunt għal għotja. Fl-abbozzar tal-applikazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li japplikaw għal attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali jistgħu jinvolvu wkoll il-HEIs sħab tagħhom minn pajjiżi mhux assoċjati mal-programm. L-ebda organizzazzjoni jew individwi esterni oħra ma jistgħu jitħallsu jew jiġu kkumpensati b’xi mod ieħor għall-abbozzar tal-applikazzjoni. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tirrifjuta lill-applikant mill-proċess tal-għażla jew tista’ ttemm proġett/akkreditazzjoni mogħtija fi kwalunkwe ħin jekk tiddetermina li dawn ir-regoli ma jkunux ġew irrispettati.

Għotja mhux kumulattiva

Kull proġett iffinanzjat mill-UE huwa intitolat jirċievi għotja waħda biss mill-baġit tal-UE għal kwalunkwe benefiċjarju wieħed. L-istess kostijiet fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-UE.

Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ finanzjament doppju, l-applikant jeħtieġlu jindika s-sorsi u l-ammonti ta’ kull finanzjament ieħor li rċieva jew li applika għalih fis-sena, kemm jekk għall-istess proġett kif ukoll għal kwalunkwe proġett ieħor, inklużi l-għotjiet operattivi. Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali, dan se jiġi indikat fil-formola tal-applikazzjoni. Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, dan se jiġi ċċekkjat permezz tad-Dikjarazzjoni fuq l-Unur.

Nonprofitt

Għotja ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni ma jridx ikollha l-iskop jew l-effett li tipproduċi profitt fi ħdan il-qafas tal-proġett imwettaq mill-benefiċjarju. Il-profitt huwa ddefinit bħala s-surplus ikkalkulat mal-pagament tal-bilanċ, tal-irċevuti fuq il-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni jew tal-programm ta’ ħidma, fejn l-irċevuti huma limitati għall-għotja mill-Unjoni u għad-dħul iġġenerat minn dik l-azzjoni jew mill-programm ta’ ħidma2 .

Il-prinċipju tan-nonprofitt ma japplikax għall-għotjiet mogħtija fil-forma ta’ kost unitarju, somma f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa, inklużi boroż ta’ studju, u lanqas għal talbiet għal għotja li ma jaqbżux is-EUR 60,000.

Fejn isir profitt, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju meta wettaq l-azzjoni.

Bl-iskop li jiġi kkalkulat il-profitt iġġenerat mill-għotja, mhux se jitqies il-kofinanzjament f’għamla ta’ kontribuzzjonijiet in natura.

Kofinanzjament

Barra minn hekk, għotja tal-UE hija inċentiv biex jitwettaq proġett li ma jkunx fattibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-UE, u hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kofinanzjament. Il-kofinanzjament jimplika li l-għotja tal-UE ma tistax tiffinanzja l-kostijiet kollha tal-proġett; il-proġett irid jiġi ffinanzjat minn sorsi ta’ kofinanzjament minbarra l-għotja tal-UE (eż. ir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju, l-introjtu ġġenerat mill-azzjoni, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet terzi).

Meta l-għotja tal-UE tiġi pprovduta fil-forma ta’ kost unitarju, somma f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa - dan huwa l-każ għall-biċċa l-kbira tal-Azzjonijiet koperti minn din il-Gwida - il-prinċipji tan-nonprofitt u tal-kofinanzjament huma żgurati mill-Kummissjoni għall-Azzjoni kollha kemm hi bil-quddiem meta tiddefinixxi r-rati jew il-perċentwali ta’ tali unitajiet, is-somom f’daqqa u r-rati fissi. Wieħed ġeneralment jassumi l-ħarsien tal-prinċipji tan-nonprofitt u tal-kofinanzjament u għalhekk, l-applikanti la għandhom għalfejn jipprovdu informazzjoni dwar is-sorsi ta’ finanzjament għajr l-għotja tal-UE, u lanqas jiġġustifikaw il-kostijiet imġarrba mill-proġett.

Madankollu, il-pagament tal-għotja abbażi tar-rimborż fuq il-bażi ta’ kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għar-rekords statutorji tal-benefiċjarji. Jekk kontroll jew awditu jiżvela li ma jkunx seħħ l-avveniment ta’ ġenerazzjoni (eż. attivitajiet ta’ proġett li ma twettqux kif approvat fl-istadju tal-applikazzjoni, parteċipanti li ma ħadux sehem fl-attivitajiet, eċċ.) u jkun sar pagament mhux dovut lill-benefiċjarju fuq għotja bbażata fuq ir-rimborż abbażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva għandha tkun intitolata tirkupra l-ammont tal-għotja. Bl-istess mod, jekk l-attivitajiet imwettqa jew l-outputs prodotti ma jiġux implimentati jew jiġu implimentati ħażin (inkluż in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu kuntrattwali), l-għotja tista’ titnaqqas, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn l-azzjoni tkun tlestiet. Barra minn hekk, għall-iskopijiet ta’ statistika u monitoraġġ, il-Kummissjoni Ewropea tista’ twettaq stħarriġ fuq kampjuni tal-benefiċjarji li jkollhom l-għan li jikkwantifikaw il-kostijiet reali mġarrba fil-proġetti ffinanzjati abbażi tar-rimborż fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, għas-somom f’daqqa, jew għall-finanzjament b’rata fissa.

Kostijiet u kontribuzzjonijiet eliġibbli u ineliġibbli li japplikaw għall-għotjiet tal-kostijiet reali mħallta

Sabiex ikunu eliġibbli, il-kostijiet u l-kontribuzzjoni jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti hawn taħt3 :

Kostijiet eliġibbli – kundizzjonijiet ġenerali

Għall-kostijiet reali:

  • iridu jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju;
  • iridu jiġġarrbu matul il-ħajja tal-proġett, bl-eċċezzjoni tal-kostijiet relatati mar-rapporti finali u maċ-ċertifikati tal-awditjar, li jistgħu jiġġarrbu wara;
  • iridu jkunu indikati fil-baġit stmat tal-proġett;
  • iridu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġett li jkun is-suġġett tal-għotja;
  • iridu jkunu identifikabbli u verifikabbli, u b’mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-benefiċjarju u determinati skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u skont il-prattiki komuni tal-kontabbiltà tal-kostijiet tal-benefiċjarju;
  • iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli;
  • ikunu raġonevoli, ġustifikati, u jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza.

Għall-kostijiet unitarji u għall-kontribuzzjonijiet:

  • iridu jiġu ddikjarati taħt waħda mill-kategoriji tal-baġit stabbiliti fil-baġit stmat tal-proġett;
    •  l-unitajiet iridu:
      • fil-fatt jintużaw jew jiġu prodotti mill-benefiċjarju fil-perjodu tal-implimentazzjoni;
      • ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-azzjoni u
    • in-numru ta’ unitajiet irid ikun identifikabbli u verifikabbli u, fejn neċessarju, appoġġat minn rekords u minn dokumentazzjoni;

Kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa:

  • iridu jiġu ddikjarati taħt waħda mill-attivitajiet/pakketti ta’ ħidma stabbiliti fil-baġit stmat tal-proġett;
  • ix-xogħol irid jiġi implimentat kif suppost mill-benefiċjarju f’konformità mal-ftehim ta’ għotja;
  • ir-riżultati tanġibbli/l-outputs iridu jinkisbu fil-perjodu ta’ implimentazzjoni;

Kostijiet eliġibbli - Kundizzjonijiet speċifiċi

Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jkunu diretti jew indiretti.

Kostijiet diretti

Il-kostijiet diretti eliġibbli għall-azzjoni huma dawk il-kostijiet li, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà msemmija hawn fuq, ikunu identifikabbli bħala kostijiet speċifiċi marbuta direttament mat-twettiq tal-azzjoni u li għalhekk jistgħu jiġu assenjati direttament lilha.

Minbarra l-kostijiet diretti eliġibbli li se jiġu indikati fis-sejħa għal proposti, il-kategoriji ta’ kostijiet jitqiesu eliġibbli wkoll:

  • kostijiet relatati ma’ garanzija ta’ prefinanzjament ippreżentata mill-benefiċjarju tal-għotja, meta dik il-garanzija tkun meħtieġa mill-Aġenzija Nazzjonali;
  • kostijiet relatati maċ-ċertifikati tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u r-rapporti ta’ verifika operazzjonali fejn ċertifikati u rapporti bħal dawn huma meħtieġa bħala appoġġ tat-talbiet għall-pagamenti mill-Aġenzija Nazzjonali;
  • kostijiet ta’ deprezzament, diment li dawn jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju.

Jekk ikunu awtorizzati għal azzjoni speċifika, jekk jogħġbok qis li l-kostijiet tal-voluntiera ma humiex kategorija klassika ta’ kostijiet. Ma hemm l-ebda kost minħabba li l-voluntiera jaħdmu mingħajr ħlas, iżda xorta waħda jistgħu jiddaħħlu fil-baġit fil-forma ta’ kost unitarju prestabbilit (għal kull voluntier)4  u b’hekk jippermettulek tibbenefika mill-ħidma tal-voluntiera għall-għotja (billi żżid l-ammont ta’ rimborż sa 100 % tal-kostijiet normali, jiġifieri l-kategoriji tal-kostijiet minbarra l-voluntiera).

Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, meta tkun qed tikkalkula l-kostijiet tal-akkomodazzjoni tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tiegħek, jekk jogħġbok uża l-kostijiet unitarji għall-ivvjaġġar, għall-akkomodazzjoni u għas-sussistenza speċifikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 355 . Barra minn hekk, jekk jogħġbok innota li s-sidien ta’ SMEs u l-benefiċjarji li jkunu persuni fiżiċi huma eliġibbli billi tiġi applikata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2020 li tawtorizza l-użu ta’ kostijiet unitarji għall-kostijiet tal-persunal tas-sidien ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u benefiċjarji li huma persuni fiżiċi li ma jirċevux salarju għax-xogħol imwettaq minnhom infushom taħt programm ta’ azzjoni jew ta’ ħidma6 .

F’termini ta’ siti web tal-proġetti, il-kostijiet tal-komunikazzjoni għall-preżentazzjoni tal-proġett fuq is-siti web tal-parteċipanti jew fuq il-kontijiet tal-media soċjali huma eliġibbli.

L-Appoġġ Finanzjarju lil Partijiet terzi jkun eliġibbli biss jekk ikun previst mis-Sejħa (il-Parti B ta’ din il-Gwida tal-Programm).

Il-proċeduri kontabilistiċi interni u tal-awditjar tal-benefiċjarju jridu jippermettu rikonċiljazzjoni diretta tal-kostijiet u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-proġett mar-rapporti korrispondenti tal-kontabbiltà u d-dokumenti ta’ sostenn.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

It-taxxa fuq il-valur miżjud titqies bħala kost eliġibbli biss jekk din ma tkunx rekuperabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-VAT7 . L-unika eċċezzjoni hija relatata ma’ attivitajiet jew tranżazzjonijiet li fihom l-istati, l-awtoritajiet tal-gvern reġjonali u lokali u korpi pubbliċi oħrajn ikunu involuti bħala awtoritajiet pubbliċi8 . Barra minn hekk:

  • il-VAT deduċibbli li effettivament ma titnaqqasx (minħabba l-kundizzjonijiet nazzjonali jew it-traskuraġni tal-benefiċjarji) ma hijiex eliġibbli;
  • id-Direttiva dwar il-VAT ma tapplikax għall-pajjiżi mhux tal-UE. Organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jiġu eżentati mit-taxxi (inkluża l-VAT), dazji u tariffi, jekk ikun ġie ffirmat ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni.

Kostijiet indiretti eliġibbli

Il-kostijiet indiretti huma kostijiet li ma jkunux marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jiġu attribwiti direttament għaliha.

Għal ċerti tipi ta’ proġetti (għad-dettalji dwar ir-regoli ta’ finanzjament għall-Azzjonijiet, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta’ din il-Gwida), huwa eliġibbli ammont b’rata fissa li ma jaqbiżx is-7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli tal-proġett taħt il-kostijiet indiretti, li jirrappreżentaw il-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li ma humiex diġà koperti mill-kostijiet diretti eliġibbli (eż. il-kontijiet tad-dawl jew tal-Internet, il-kost għall-bini, eċċ.) iżda li jistgħu jitqiesu bħala attribwibbli għall-proġett.

Il-kostijiet indiretti jistgħu ma jinkludux il-kostijiet li jiddaħħlu taħt kategorija baġitarja oħra. Il-kostijiet indiretti ma humiex eliġibbli meta l-benefiċjarju diġà jkun qiegħed jirċievi għotja operattiva mill-baġit tal-Unjoni (pereżempju fil-qafas tas-sejħa għal proposti dwar il-Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qafas tal-Programm Erasmus+).

Kostijiet ineliġibbli

Il-kostijiet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:

  • id-dħul minn kapital u d-dividendi mħallsa minn benefiċjarju;
  • id-dejn u t-tariffi tas-servizz tad-dejn;
  • id-dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun;
  • l-imgħax dovut;
  • id-djun dubjużi;
  • it-telf mill-kambju;
  • il-kostijiet iddikjarati mill-benefiċjarju skont azzjoni oħra li tirċievi għotja ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni
  • nefqa eċċessiva jew imprudenti;
  • il-kontribuzzjonijiet in natura minn terzi;
  • f’każ ta’ kiri jew il-lokazzjoni ta’ tagħmir, il-kost ta’ kwalunkwe opzjoni ta’ akkwiżizzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ lokazzjoni jew kiri;
  • il-kostijiet għall-ftuħ u t-tħaddim ta’ kontijiet tal-bank (inklużi l-kostijiet tat-trasferimenti minn jew lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva imposti mill-bank tal-benefiċjarju).
  • il-VAT, meta titqies bħala rekuperabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-VAT (ara l-paragrafu ta’ fuq dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud);
  • kontribuzzjonijiet in natura huma permessi, iżda ma jistgħux jiġu ddikjarati bħala kostijiet.

Sorsi ta’ finanzjament

Fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħu l-applikant jeħtieġlu jindika l-kontribuzzjoni minn sorsi oħrajn apparti l-għotja tal-UE. Il-kofinanzjament estern jista’ jieħu l-forma tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarju, kontribuzzjonijiet finanzjarji minn terzi jew introjtu ġġenerat mill-proġett. Jekk, meta jsir ir-rapport finali u t-talba għall-pagament tal-bilanċ, ikun hemm evidenza li hemm surplus tal-introjtu (ara t-taqsima dwar in-Nonprofitt u l-Kofinanzjament) fuq il-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-proġett, l-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva hija intitolata tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-proġetti li jitolbu għotja li ma taqbiżx is-EUR 60,000.

Il-kontribuzzjonijiet in natura minn terzi ma jitqisux bħala sors possibbli ta’ kofinanzjament.