Ara aktar dwar l-impatt tal-coronavirus u r-rispons tal-Kummissjoni Ewropea
Ħafna studenti tal-edukazzjoni għolja ta’ Erasmus+ qed jibżgħu li l-perjodu ta’ studju tagħhom barra minn pajjiżhom mhux se jiġi rikonoxxut. X’għajnuna tista’ tingħatalhom biex tgħinhom jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni?
L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma mitluba li jkunu flessibbli u prammatiċi kemm jista’ jkun biex jgħinu lill-istudenti jiksbu l-eżiti indikati fil-ftehimiet ta’ tagħlim tagħhom, irrispettivament mil-lok ġeografiku tal-istudenti. Pereżempju, permezz ta’ arranġamenti ta’ studju mill-bogħod bl-użu ta’ għodod diġitali. Din il-flessibbiltà b’mod partikolari se tgħin lill-istudenti li rritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom biex ilestu l-korsijiet tagħhom fl-istituzzjoni ospitanti tagħhom u biex il-krediti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) miksuba permezz ta’ arranġamenti ta’ studju mill-bogħod jiġu rikonoxxuti b’mod sħiħ.
Meta l-fruntieri bdew jagħlqu, waħda mill-parteċipanti tagħna kellha tixtri biljett tal-ajru addizzjonali biex tmur lura d-dar aktar kmieni, peress li l-linja tal-ajru ma qablitx li tibdel id-data tar-ritorn tagħha. Nistgħu nkopru dawn l-ispejjeż addizzjonali jew eċċezzjonali bil-fondi ta’ Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà?
Iva, tista’ tqis dawn l-ispejjeż bħala “eliġibbli” sakemm il-baġit globali għall-proġett tiegħek kopert mill-ftehim ta’ għotja inkwistjoni ma jinqabiżx. Jekk tkun soġġett għal awditu aktar tard, jaf ikollok tipprovdi provi tal-ħtieġa li tirrimborża dawn l-ispejjeż addizzjonali.
Minħabba t-tfixkil ikkawżat mill-pandemija tal-Covid-19, kellna nkopru xi spejjeż eċċezzjonali għal parteċipant b’diżabbiltà, li kellu bżonn l-għajnuna għal perjodu itwal ta’ żmien. Dawn l-ispejjeż eliġibbli?
Iva, tista’ tqis dawn l-ispejjeż bħala “eliġibbli” sakemm il-baġit globali għall-proġett tiegħek kopert mill-ftehim ta’ għotja inkwistjoni ma jinqabiżx. Jekk tkun soġġett għal awditu aktar tard, jaf ikollok tipprovdi provi tal-ħtieġa li tirrimborża dawn l-ispejjeż addizzjonali.
Xtaqt napplika biex nieħu sehem fi proġett li l-iskadenza tiegħu kienet qed toqrob. Iżda ma nistax nikkuntattja lill-imsieħba tiegħi f’pajjiżi oħra għax l-uffiċċji tagħhom huma magħluqa. Il-Kummissjoni tista’ tipposponi l-iskadenza tal-applikazzjoni?
Il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-applikazzjonijiet għal numru ta’ sejħiet għal proposti ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek peress li xi proċeduri amministrattivi rigward is-sottomissjoni tal-formoli tal-applikazzjoni se jiġu ssimplifikati.
Jien naħdem fuq il-koordinazzjoni tal-proġetti ta’ Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-appoġġ organizzattiv iħallas il-pagi tiegħi u tal-kollegi tiegħi. Minħabba l-kanċellazzjoni ta’ ħafna mill-attivitajiet, xorta nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nżommu l-appoġġ operazzjonali li konna qed nistennew?
Għal dawk il-każijiet imsemmija hawn fuq, fejn il-parteċipanti individwali huma eliġibbli li jirċievu jew iżommu l-għotja ta’ appoġġ individwali, iva, se tkunu intitolati li tirċievu l-appoġġ organizzattiv ta’ Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Anke f’każijiet fejn l-attivitajiet ta’ Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jiġu kkanċellati, intom intitolati li tirċievu l-appoġġ organizzazzjonali. Dan l-approċċ iqis il-kera tal-bini, l-ispejjeż ta’ tħejjija u ta’ segwitu tal-parteċipanti qabel it-tluq kif ukoll il-kompiti li qed twettqu biex tappoġġjaw lill-parteċipanti fil-ġestjoni tan-natura eċċezzjonali tal-pandemija tal-Covid-19 (kanċellazzjonijiet, kuntatti ma’ sħab ospitanti, konsulenza, eċċ.)
Jien koordinatur tal-proġett u kelli nissospendi l-proġett. Xorta se nżomm l-għotja tiegħi għall-ġestjoni tal-proġett? Nista’ nitlob li ntawwal il-proġett tiegħi biex inlesti l-attivitajiet aktar tard?
Il-benefiċjarji ta’ sħubiji strateġiċi jew proġetti ta’ solidarjetà jistgħu jagħżlu li jissospendu l-proġett tagħhom b’mod temporanju, jitolbu għal estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-proġett u jwettqu l-attivitajiet ippjanati ladarba r-restrizzjonijiet fis-seħħ fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 ikunu tneħħew. F'dan il-każ, l-għotja għall-ġestjoni tal-proġett se tiġi kkalkulata abbażi tat-tul ta’ żmien tal-proġett il-ġdid, eskluża s-sospensjoni, iżda ma tistax taqbeż l-ammont totali tal-għotja.
Jien koordinatur tal-proġetti. Kelli nikkanċella l-attivitajiet iżda diġà kelli nagħmel spejjeż li mhux se nġib lura (kera tal-kamra, akkomodazzjoni għall-parteċipanti eċċ.). Dawn l-ispejjeż se jkunu koperti?
Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali f’pajjiżek. Fil-każijiet fejn l-attivitajiet ta’ Erasmus+ jew tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jiġu kkanċellati u l-organizzazzjonijiet ikunu ġarrbu spejjeż li ma jistgħux jiġu rimborżati, se jkollhom il-possibbiltà li dawk l-ispejjeż jiġu koperti.
Nixtieq inlesti ftehim ta’ għotja għal proġett, iżda ma nistax nikseb il-firma fiżika tal-kap tiegħi li għandu jiffirmaha. Kopja skenjata biżżejjed?
Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali f’pajjiżek. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ taqbel li taċċetta b’mod temporanju skambji ta’ kopji skenjati u ffirmati ta’ ftehimiet ta’ għotja. Madankollu, dan se jkollu jiġi vvalidat minn skambju formali ta’ firem fiżiċi ladarba r-restrizzjonijiet fis-seħħ relatati mal-pandemija tal-COVID-19 ikunu tneħħew.
Jien koordinatur tal-proġetti f’Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja / Istituzzjoni tal-ETV. Qed nimplimentaw attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta. Se nirċievu appoġġ organizzazzjonali?
Iva, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji se jirċievu l-ispiża tal-unità kollha għall-appoġġ organizzazzjonali għal kull parteċipant għall-perjodu virtwali kif ukoll għal dak fiżiku.
Jien koordinatur tal-proġetti f’Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja / Istituzzjoni tal-ETV / Proġett taż-Żgħażagħ. Qed nimplimentaw attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta. X’jiġri jekk l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika ma jkunux jistgħu jiġu implimentati kif ippjanat minħabba sitwazzjonijiet ġodda mhux previsti relatati mal-COVID-19?
Il-mobbiltà mħallta tibda b’perjodu ta’ tagħlim u / jew attivitajiet virtwali, u tkompli b’perjodu ta’ mobbiltà fiżika barra mill-pajjiż jekk u meta s-sitwazzjoni tippermetti dan.
F’każ ta’ sitwazzjonijiet ġodda mhux previsti relatati mal-COVID-19, li jwasslu biex il-mobbiltà fiżika barra mill-pajjiż tkun impossibbli, it-tul tal-perjodu ta’ mobbiltà fiżika tista’ titnaqqas jew tiġi kkanċellata u tiġi sostitwita b’estensjoni tal-perjodu ta’ mobbiltà virtwali. Simili għas-sitwazzjoni matul l-ewwel tifqigħa, l-ispejjeż li jkunu diġà saru jistgħu jiġu koperti jekk ikun ikkonfermat każ ta’ “force majeure”.
Jien koordinatur tal-proġetti taż-żgħażagħ. Qed nimplimentaw attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta. Se nirċievu appoġġ organizzazzjonali?
Iva, għall-perjodi ta’ attività virtwali, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji se jirċievu 35% tal-ispiża tal-unità kollha għall-appoġġ organizzazzjonali kuljum għal kull parteċipant (i.e. tkopri l-parti tal-ispiża tal-unità affettwata mill-organizzazzjoni tal-attività).
Għall-perjodi ta’ mobbiltà fiżika, l-organizzazzjoni benefiċjarja se tirċievi l-ispiża tal-unità kollha għall-appoġġ organizzazzjonali għal kull jum għal kull parteċipant. Se tirċievi wkoll għotjiet għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar.
Jien koordinatur tal-proġetti f’Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja / Istituzzjoni tal-ETV / Proġett taż-Żgħażagħ. Nistgħu nkopru l-ispejjeż tat-tagħmir u / jew tas-servizzi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà virtwali u mħallta?
Iva, l-ispejjeż relatati max-xiri u / jew il-kiri ta’ tagħmir u / jew ta’ servizzi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà virtwali u mħallta jistgħu jitqiesu eliġibbli minħabba l-kuntest eċċezzjonali maħluq mill-pandemija tal-COVID-19.
L-Aġenzija Nazzjonali tiegħek tista’ tawtorizza tali akkwisti dokumentati u ġustifikati kif suppost jekk dan jitqies essenzjali biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni tal-proġett u l-parteċipazzjoni adegwata tal-gruppi fil-mira involuti. L-appoġġ ipprovdut ġeneralment m’għandux jaqbeż it-tul ta’ żmien tal-proġett u m’għandux ikopri tagħmir normali tal-uffiċċju jew tagħmir normalment użat mill-organizzazzjonijiet parteċipanti barra mill-ambitu tal-proġett.
Jien koordinatur tal-proġetti f’Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja / Istituzzjoni tal-ETV / Proġett taż-Żgħażagħ. Nistgħu nkopru l-ispejjeż meħtieġa biex il-parteċipanti bi bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet virtwali?
Iva, l-appoġġ għall-bżonnijiet speċjali għall-parteċipazzjoni f'attivitajiet virtwali jista’ jitqies eliġibbli, skont l-istess regoli kif speċifikat fil-Gwida tal-Programm.
It-talba għal appoġġ għall-bżonnijiet speċjali trid tiġi dokumentata u ġustifikata kif suppost mill-organizzazzjoni benefiċjarja u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek.